1.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

146


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1650/2006

tas-7 ta’ Novembru 2006

li jestendi d-dazju definittiv kontra d-dumping impost mir-Regolament (KE) Nru 769/2002 li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping fuq l-importazzjoni ta' kumarina li toriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, għall-importazzjonijiet ta' kumarina kkunsinnati mill-Indoneżja u l-Malażja kemm jekk dikjarati li joriġinaw mill-Indoneżja jew mill-Malażja kif ukoll jekk le

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikulari l-Artikolu 13 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Il-miżuri eżistenti

(1)

Wara reviżjoni ta' skadenza, taħt ir-Regolament (KE) Nru 769/2002 (2) (“ir-Regolament oriġinali”), il-Kunsill impona dazju definittiv anti-dumping ta' EUR 3 479 għal kull tunnellata metrika fuq importazzjonijiet ta' kumarina, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 2932 21 00, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“RPĊ”).

(2)

F'Diċembru tal-2004, wara li nstabet prattika ta' evażjoni via l-Indja u t-Tajlandja, il-miżuri ġew estiżi bir-Regolament (EC) Nru 2272/2004 (3) għal importazzjonijiet tal-kumarina kkunsinnati mill-Indja jew mit-Tajlandja, kemm jekk dikjarati li joriġinaw mill-Indja jew mit-Tajlandja kif ukoll jekk le.

2.   Rikjesta

(3)

Fl-13 ta' Frar 2006, il-Kummissjoni rċeviet talba skond l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku sabiex tinvestiga l-allegata evażjoni tal-miżuri anti-dumping imposti fuq importazzjonijiet ta' kumarina mill-RPĊ (“it-talba”). It-talba ġiet ippreżentata mill-Kunsill Ewropew ta' l-Industrija Kimika (CEFIC) (l-applikant) f'isem l-uniku produttur fil-Komunità.

(4)

It-talba kien fiha prova suffiċjenti, prima facie, li kienet saret bidla fl-andament tal-kummerċ wara l-impożizzjoni tal-miżuri kontra l-evażjoni fuq importazzjonijiet ta' kumarina li joriġinaw mill-RPĊ, kif muri minn żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet ta' l-istess prodott mill-Indoneżja jew mill-Malażja.

(5)

Din il-bidla fl-andament tal-kummerċ ġiet allegata li tnisslet minn trasbord ta' kumarina li oriġinat mill-RPĊ via l-Indoneżja u l-Malażja. Kien allegat ukoll li ma kienx hemm kawża adegwata suffiċjenti jew ġustifikazzjoni ekonomika għal dawn il-prattiki ħlief l-eżistenza tal-miżuri anti-dumping fuq kumarina li toriġina mill-RPĊ.

(6)

Fl-aħħar, l-appikant ippreżenta prova li l-effetti eżistenti tal-miżuri anti-dumping fuq il-kumarina li toriġina mill-RPĊ kienu qegħdin jiġu mminati kemm f'termini ta' kwantità kif ukoll f'termini ta' prezz. Volumi sinifikanti ta' importazzjonijiet ta' kumarina mill-Indoneżja u mill-Malażja dehru li ħadu post importazzjonijiet mill-RPĊ. Barra minn dan, kien hemm prova suffiċjenti li ż-żieda fl-importazzjonijiet kienet issir bi prezzijiet ferm taħt il-prezz mhux dannuż stabbilit fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri eżistenti, u d-dumping kien qiegħed isir f'relazzjoni mal-valuri normali preċedentement stabbiliti għall-kumarina li toriġina mill-RPĊ.

3.   Inizjazzjoni

(7)

Permezz tar-Regolament (KE) Nru 499/2006 (4) (“ir-Regolament tal-ftuħ”), il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni ta' l-allegata evażjoni tal-miżuri anti-dumping imposti fuq l-importazzjonijiet ta' kumarina li joriġinaw mill-RPĊ mill-importazzjonijiet ta' kumarina kkunsinnati mill-Indoneżja jew mill-Malażja, kemm jekk dikjarati li oriġinaw mill-Indoneżja jew mill-Malażja kif ukoll jekk le u, skond l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, ordnat lill-awtoritajiet doganali sabiex jirreġistraw importazzjonijiet ta' kumarina kkunsinnati mill-Indoneżja jew mill-Malażja, kemm jekk dikjarati li oriġinaw mill-Indoneżja jew mill-Malażja kif ukoll jekk le, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 2932 21 00 (Kodiċi TARIC 2932210016).

4.   Investigazzjoni

(8)

Il-Kummissjoni uffiċjalment avżat lill-awtoritajiet ta' l-RPĊ, ta' l-Indoneżja u ta' l-Malażja, il-produtturi/esportaturi, l-importaturi fil-Komunità magħrufin li huma konċernati u l-applikant għall-ftuħ ta' l-investigazzjoni. Kienu ntbagħtu kwestjonarji lill-produtturi/esportaturi fl-RPĊ kif ukoll lill-importaturi fil-Komunità msemmija fit-talba. Ma kienx hemm produtturi magħrufa fl-Indoneżja u l-Malażja. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fiż-żmien stipulat fir-Regolament tal-ftuħ. Il-partijiet kollha ġew infurmati li nuqqas ta' koperazzjoni tista' twassal għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku u s-sejbiet isiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.

(9)

L-ebda produttur jew esportatur fl-RPĊ, fl-Indoneżja jew il-Malażja ma ppreżenta tweġiba għall-kwestjonarju. L-awtoritajiet Indoneżjani rrispondew li ma kien magħruf l-ebda produttur tal-kumarina fl-Indoneżja.

5.   Il-perjodu ta' investigazzjoni

(10)

Il-perjodu ta' investigazzjoni kopra l-perjodu mill-1 ta' Marzu 2005 sat-28 ta' Frar 2006 (“il-PI”). Inġabret data mill-2002 sa l-aħħar tal-PI sabiex tiġi investigata l-bidla allegata fl-andament tal-kummerċ.

B.   RIŻULTATI TA' L-INVESTIGAZZJONI

1.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali/livell ta' koperazzjoni

(a)   Indoneżja u Malażja

(11)

L-ebda produtturi jew esportaturi tal-kumarina fl-Indoneżja u l-Malażja ma għamlu lilhom infushom magħrufa jew ikkoperaw fl-investigazzjoni. Għalhekk, is-sejbiet fir-rispett ta' esportazzjonijiet ta' kumarina kkunsinnati mill-Indoneżja u l-Malażja lejn il-Komunità kellhom isiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli konformement ma' l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Mill-bidu nett ta' l-investigazzjoni, l-awtoritajiet Indoneżjani u l-Malażjani kienu infurmati bil-konsegwenzi tan-nuqqas ta' koperazzjoni, kif stipulat fl-Artikolu 18(6) tar-Regolament bażiku.

(b)   RPĊ

(12)

L-ebda produtturi jew esportaturi Ċiniżi ma kkoperaw fl-investigazzjoni.

(13)

Ġie spjegat b'mod ċar lill-kumpanniji magħrufa li n-nuqqas ta' koperazzjoni jista' jwassal għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

2.   Il-prodott konċernat u prodott simili

(14)

Il-prodott konċernat bl-allegata evażjoni huwa, kif definit fir-Regolament oriġinali, il-kumarina bħalissa klassifikata fil-kodiċi NM ex 2932 21 00. Il-kumarina hija trab kristallin abjad bir-riħa karatteristika ta' qamħ m'ilux maħsud. L-użi prinċipali tagħha huma l-użu bħala aroma kimika u bħala sustanza fissativa fil-preparazzjoni ta' komposti tal-fwieħa, b'dawn il-komposti jintużaw fil-produzzjoni ta' deterġenti, kosmetiċi u fwejjaħ fini.

(15)

Il-kumarina tista' tiġi manifatturata b'żewġ proċessi ta' produzzjoni differenti: il-Phenol route li tinvolvi r-reazzjoni Perkin u l-o-Cresol route li tinvolvi r-reazzjoni Rasching. Madankollu, il-kumarina prodotta b'dawn iż-żewġ proċessi għandha l-istess karatteristiċi bażiċi fiżiċi u kimiċi u l-istess użi.

(16)

Fin-nuqqas ta' koperazzjoni bejn il-partijiet fl-Indoneżja u l-Malażja, għandu jkun dedott fuq il-bażi ta' l-informazzjoni disponibbli u fin-nuqqas ta' kull prova kuntrarja, li l-kumarina esportata lill-Komunità mill-RPĊ u l-kumarina kkunsinnata mill-Indoneżja u l-Malażja għandhom l-istess karatteristiċi bażiċi fiżiċi u kimiċi u l-istess użi. Għalhekk għandhom jitqiesu bħala prodotti simili fis-sens tad-definizzjoni ta' l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

3.   Bidla fl-andament tal-kummerċ

(17)

Kif intqal aktar 'il fuq, il-bidla fl-andament tal-kummerċ ġiet allegata li tnisslet minn trasbord ta' kumarina mill-Indoneżja u mill-Malażja.

Indoneżja

(18)

La l-ebda kumpannija Indoneżjana ma kkoperat fl-investigazzjoni, l-esportazzjoni mill-Indoneżja lejn il-Komunità kellha tiġi stabbilita fuq il-bażi tal-fatti disponibbli skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Ġiet għalhekk użata data ta' l-Eurostat, li kienet tikkostitwixxi l-aktar informazzjoni adatta disponibbli, sabiex jiġi stabbiliti l-prezzijiet ta' esportazzjoni u l-kwantitajiet ta' importazzjonijiet mill-Indoneżja.

(19)

Bdew isiru importazzjonijiet sinifikanti mill-Indoneżja lejn il-Komunità immedjatament wara l-ftuħ ta' l-investigazzjoni preċedenti ta' l-evażjoni kontra l-Indja u t-Tajlandja, fil-livell ta' 12,5 tunnellata metrika fl-2004, 15-il tunnellata metrika fl-2005 u 10 tunnellati metriċi fil-perjodu ta' l-investigazzjoni (jirrappreżenta 1,7 % tal-konsum ta' l-UE). B'mod parallel, l-esportazzjonijiet Ċiniżi fl-Indoneżja żviluppaw minn 57 tunnellata metrika fl-2003 għal 83,8 tunnellata metrika fil-perjodu ta' investigazzjoni.

(20)

Fin-nuqqas ta' koperazzjoni u ta' kull prova kuntrarja, huwa konkluż li kien hemm bidla fl-andament tal-kummerċ bejn l-RPĊ, l-Indoneżja u l-Komunità fl-2004 sa l-aħħar tal-perjodu ta' investigazzjoni, li tnissel minn trasbord ta' kumarina li toriġina mill-RPĊ vija l-Indoneżja

Malażja

(21)

La l-ebda kumpannija Malażjana ma kkoperat fl-investigazzjoni, l-esportazzjoni mill-Malażja lejn il-Komunità kellha tiġi stabbilita fuq il-bażi tal-fatti disponibbli skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Ġiet għalhekk użata data ta' l-Eurostat, li kienet tikkostitwixxi l-aktar informazzjoni adatta disponibbli, sabiex jiġi stabbiliti l-prezzijiet ta' esportazzjoni u l-kwantitajiet ta' importazzjonijiet mill-Malażja.

(22)

Bdew isiru importazzjonijiet mill-Malażja lejn il-Komunità fl-2005, u laħqu livell ta' 13-il tunnellata metrika fl-2005 u 23 tunnellata metrika fil-perjodu ta' investigazzjoni (jirrappreżenta 3,9 % tal-konsum ta' l-UE). Fl-istess żmien, l-esportazzjonijiet Ċiniżi fil-Malażja kibru minn 23,6 tunnellata metrika fl-2004 sa 43,76 tunnellata metrika fil-perjodu ta' investigazzjoni.

(23)

Fin-nuqqas ta' koperazzjoni u ta' kull prova kuntrarja, huwa konkluż li kien hemm bidla fl-andament tal-kummerċ bejn l-RPĊ, il-Malażja u l-Komunità fl-2005 sa l-aħħar tal-perjodu ta' investigazzjoni, li tnissel minn trasbord ta' kumarina li toriġina mill-RPĊ via l-Malażja.

4.   Insuffiċjenza ta' kawża dovuta jew ta' ġustifikazzjoni ekonomika

Indoneżja

(24)

Fin-nuqqas ta' koperazzjoni u ta' kull prova kuntrarja, huwa konkluż li, billi l-importazzjonijiet sinifikanti bdew immedjatament wara l-ftuħ ta' l-investigazzjoni preċedenti ta' l-evażjoni kontra l-Indja u t-Tajlandja, b'mod parallel ma' żieda fl-esportazzjonijiet Ċiniżi tal-kumarina lejn l-Indoneżja, il-bidla fl-andament tal-kummerċ tnisslet mill-eżistenza ta' miżuri anti-dumping milli minn xi kawza dovuta jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti fis-sens ta' l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F'dan ir-rigward, huwa wkoll innutat li m'hemmx prova ta' produzzjoni ġenwina tal-kumarina fl-Indoneżja.

Malażja

(25)

Fin-nuqqas ta' koperazzjoni u ta' kull prova kuntrarja, huwa konkluż li, billi l-importazzjonijiet bdew fl-2005, wara l-estensjoni tal-miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-kumarina kkunsinnati mill-Indja jew mit-Tajlandja u li, b'mod parallel, l-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn il-Malażja żdiedu minn 23,6 tunnellata metrika fl-2004 għal 43,76 tunnellata metrika fl-2005, il-bidla fl-andament tal-kummerċ tnisslet mill-eżistenza ta' miżuri anti-dumping milli minn xi kawża dovuta jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti fis-sens ta' l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F'dan ir-rigward, huwa wkoll innutat li m'hemmx prova ta' produzzjoni ġenwina tal-kumarina fil-Malażja.

5.   Imminati l-effetti rimedjali tad-dazju f'termini ta' prezzijiet u/jew ta' kwantitajiet ta' prodotti simili

Indoneżja

(26)

Skond l-analiżi ta' l-andament kummerċjali magħmula hawn fuq, instab li bidla fl-andament ta' l-importazzjonijiet tal-Komunità hija marbuta mal-fatt li kien hemm fis-seħħ miżuri ta' l-anti-dumping u kontra l-evażjoni. Filwaqt li l-importazzjonijiet dikjarati bħala li joriġinaw mill-Indoneżja kienu nieqsa mis-suq Komunitarju sa l-2003, huma ammontaw għal 4 tunnellati metriċi fl-2003, għal 12,5 tunnellati metriċi fl-2004, għal 15-il tunnellata metrika fl-2005 u għal għaxar tunnellati metriċi fil-perjodu ta' investigazzjoni, li jirrappreżenta 1,7 % tal-konsum Komunitarju.

(27)

L-investigazzjoni wriet li l-importazzjonijiet mill-Indoneżja saru f'livelli ta' prezzijiet aktar baxxi mill-prezz ta' esportazzjoni fl-investigazzjoni oriġinali u ferm aktar baxxi mill-valur oriġinali normali.

(28)

Fuq il-bażi tal-fatturi msemmija hawn fuq, huwa konkluż li l-bidla fl-andament tal-kummerċ, flimkien mal-prezzijiet baxxi b'mod mhux normali ta' l-esportazzjonijiet mill-Indoneżja mminaw l-effetti rimedjali tal-miżuri anti-dumping kemm f'termini ta' kwantitajiet kif ukoll f'termini ta' prezzijiet tal-prodotti simili.

Malażja

(29)

Abbażi ta' l-analiżi ta' l-andament kummerċjali magħmula hawn fuq, instab li bidla fl-andament tal-kummerċ hija marbuta mal-fatt li kien hemm fis-seħħ miżuri antidumping u kontra l-evażjoni. Għalkemm ma kienx hemm importazzjonijiet ta' kumarina fil-Komunità qabel 2005, dawn ammontaw għal 13-il tunnellata metrika fl-2005 u 23 tunnellata metrika fil-perjodu ta' investigazzjoni.

(30)

L-investigazzjoni wriet li l-importazzjonijiet mill-Malażja saru f'livelli ta' prezzijiet aktar baxxi mill-prezz ta' esportazzjoni fl-investigazzjoni oriġinali u ferm aktar baxxi mill-valur oriġinali normali.

(31)

Fuq il-bażi tal-fatturi msemmija hawn fuq, huwa konkluż li l-bidla fl-andament tal-kummerċ, flimkien mal-prezzijiet baxxi b'mod mhux normali ta' l-esportazzjonijiet mill-Indoneżja mminaw l-effetti rimedjali tal-miżuri anti-dumping kemm f'termini ta' kwantitajiet kif ukoll f'termini ta' prezzijiet tal-prodotti simili.

6.   Prova ta' dumping b'relazzjoni mal-valuri normali preċedentement stabbiliti għal prodotti simili jew li jixxiebhu

Indoneżja

(32)

Sabiex jiġi stabbilit jekk jistgħux jinstabu provi ta' dumping fir-rigward ta' esportazzjonijiet tal-kumarina mill-Indoneżja lejn il-Komunità matul il-PI, intużat data ta' l-Eurostat skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku

(33)

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku jeħtieġ prova ta' dumping b'relazzjoni mal-valuri normali preċedentement stabbiliti għall-prodotti simili jew li jixxiebhu.

(34)

Għall-finijiet ta' paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz ta' esportazzjoni, ittieħed kont debitu, fil-forma ta' aġġustamenti, tad-differenzi li jinċidu fuq il-prezzijiet u fuq il-paragun tal-prezzijiet. Dawn l-aġġustamenti saru skond l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku fir-rigward tat-trasport u ta' l-assigurazzjoni, fuq bażi tal-fatti disponibbli, jiġifieri kif jingħad fir-rikjesta, skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(35)

Skond l-Artikoli 2(11) u 2(12) tar-Regolament bażiku, il-paragun tal-medja ppeżata tal-valur normali kif stabbilita fl-investigazzjoni preċedenti u l-medja ppeżata ta' prezzijiet ta' l-esportazzjoni matul l-investigazzjoni PI, espress bħala persentaġġ tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Komunità, dazju mhux imħallas, wera dumping għall-importazzjonijiet tal-kumarina lejn il-Komunità mill-Indoneżja. Il-marġini tad-dumping li nstab, espress bħala persentaġġ tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Komunità, dazju mhux imħallas, kien ta' iktar minn 100 %.

Malażja

(36)

Sabiex jiġi stabbilit jekk jistgħux jinstabu provi ta' dumping fir-rigward ta' esportazzjonijiet tal-kumarina mill-Malażja lejn il-Komunità matul il-PI, intużat data ta' l-Eurostat skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku

(37)

Għall-finijiet ta' paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz ta' esportazzjoni, ittieħed kont debitu, fil-forma ta' aġġustamenti, tad-differenzi li jinċidu fuq il-prezzijiet u fuq il-paragun tal-prezzijiet. Dawn l-aġġustamenti saru skond l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku fir-rigward tat-trasport u ta' l-assigurazzjoni, fuq bażi tal-fatti disponibbli, jiġifieri kif jingħad fir-rikjesta, skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(38)

Skond l-Artikoli 2(11) u 2(12) tar-Regolament bażiku, il-paragun tal-medja ppeżata tal-valur normali kif stabbilita fl-investigazzjoni preċedenti u l-medja ppeżata ta' prezzijiet ta' l-esportazzjoni matul l-investigazzjoni PI, espress bħala persentaġġ ta' CIF prezzijiet fil-fruntier tal-Komunità, dazju mhux imħallas, wera dumping għall-importazzjonijiet tal-kumarina lejn il-Komunità mill-Malażja. Il-marġini tad-dumping li nstab, espress bħala persentaġġ tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Komunità, dazju mhux imħallas, kien ta' iktar minn 100 %.

C.   MIŻURI

(39)

Minħabba s-sejbiet ta' evażjoni fis-sens ta' l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri eżistenti kontra d-dumping imposti fuq importazzjonijiet tal-prodott konċernat li joriġinaw mill-RPĊ għandhom jiġu estiżi għall-prodott simili kkunsinnat mill-Indoneżja jew il-Malażja, kemm jekk dikjarati li joriġinaw mill-Indoneżja jew mill-Malażja kif ukoll jekk le.

(40)

Id-dazju estiż għandu jkun dak stabbilit fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament oriġinali.

(41)

Skond l-Artikolu 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, li jipprevedi li kull miżura estiża għandha tiġi applikata kontra importazzjonijiet reġistrati mid-data tar-reġistrazzjoni, id-dazju anti-dumping għandu jinġabar fuq importazzjonijiet ta' kumarina kkunsinnati mill-Indoneżja jew mill-Malażja, li daħlu fil-Komunità taħt ir-reġistrazzjoni imposti mir-Regolament tal-ftuħ.

D.   TALBIET GĦALL-EŻENZJONI

(42)

Għalkemm matul din l-investigazzjoni ebda produttur ġenwin tal-kumarina ma nstab li jeżisti fl-Indoneżja jew fil-Malażja jew wera lilu nnifsu lill-Kummissjoni, il-produtturi ġodda li jikkunsidraw li jressqu rikjesta għal eżenzjoni mill-miżura anti-dumping estiża skond l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku huma informati li jkunu meħtieġa jimlew kwestjonarju sabiex jippermettu lill-Kummissjoni tiddetermina jekk tistax tingħata eżenzjoni. Eżenzjoni ta' din ix-xorta tista' tingħata wara li ssir valutazzjoni, per eżempju, tas-sitwazzjoni tas-suq tal-prodott konċernat, tal-kapaċità ta' produzzjoni u ta' l-utilizzazzjoni tal-kapaċità, ta' akkwisti u ta' bejgħ u tal-probabbiltà li jkun hemm kontinwazzjoni ta' prattika li għaliha jkun hemm insuffiċjenza ta' kawża dovuta jew ta' ġustifikazzjoni ekonomika u ta' prova ta' dumping. Normalment il-Kummissjoni tagħmel ukoll ispezzjoni ta' verifika fuq il-post. It-talba tkun trid tiġi indirizzata lill-Kummissjoni minnufih, bl-informazzjoni relevanti kollha, partikolarment kull modifika fl-attivitajiet tal-kumpannija relatata mal-produzzjoni u l-bejgħ.

(43)

L-importaturi jistgħu jibbenefikaw xorta waħda mill-miżuri sa fejn l-importazzjonijiet tagħhom ikunu mingħand produtturi esportaturi, li jingħataw eżenzjoni ta' din ix-xorta, u konformement ma' l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku.

(44)

Meta eżenzjoni tkun ġustifikata, il-Kunsill jemenda dan ir-Regolament kif meħtieġ. Sussegwentement, kull eżenzjoni mogħtija ser tiġi kontrollata mill-Kummissjoni sabiex tiġi assigurata konformità mal-kondizzjonijiet stipulati fiha.

E.   PROĊEDURA

(45)

Il-partijiet interessati ġew infurmati dwar il-fatti essenzjali u l-konsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom il-Kunsill kellu l-ħsieb li jestendi l-miżuri definittivi kontra d-dumping fis-seħħ u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw u li jinstemgħu. Ma ġew riċevuti l-ebda kummenti li kienu ta' natura li jbiddlu l-konklużjonijiet imsemmija hawn fuq.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Id-dazju definittiv anti-dumping impost mir-Regolament (KE) Nru 769/2002 fuq importazzjonijiet tal-kumarina, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 2932 21 00, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, huwa b'dan estiż għall-importazzjonijiet tal-kumarina, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 2932 21 00, kunsinnati mill-Indoneja jew mill-Malażja, kemm jekk dikjarati li joriġinaw mill-Indoneżja jew mill-Malażja kif ukoll jew le (kodiċi TARIC 2932210016).

2.   Id-dazju estiż permezz tal-paragrafu 1 għandu jinġabar fuq importazzjonijiet reġistrati skond l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 499/2006 u l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96.

3.   Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw dazji doganali.

Artikolu 2

1.   It-talbiet għall-eżenzjoni mid-dazju estiż permezz ta' l-Artikolu 1 għandhom isiru bil-miktub f'waħda mil-lingwi uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea u għandhom jiġu ffirmati minn persuna awtorizzata li tirrappreżenta l-applikant. It-talba trid tintbagħat fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ

Direttorat B

Uffiċċju: J-79 05/17

B-1049 Brussell

Fax (32 2) 295 65 05

2.   Konformement ma' l-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 384/96, il-Kunsill, jista' jiddeċiedi li jeżenta importazzjonijiet li ma jevadux il-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament (KE) Nru 769/2002 mid-dazju estiż permezz ta' l-Artikolu 1.

Artikolu 3

L-awtoritajiet doganali huma b'dan ordnati li jieqfu mir-reġistrazzjoni ta' importazzjonijiet, stabbiliti skond l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 499/2006.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 7 ta’ Novembru 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

E. HEINÄLUOMA


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

(2)  ĠU L 123, 9.5.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1854/2003 (ĠU L 272, 23.10.2003, p. 1).

(3)  ĠU L 396, 31.12.2004, p. 18.

(4)  ĠU L 91, 29.3.2006, p. 3.