1.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

142


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1646/2006

tas-7 ta’ Novembru 2006

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 639/2004 dwar l-amministrazzjoni tal-flotot tas-sajd reġistrati fir-reġjuni l-aktar periferiċi tal-Komunità

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 u l-Artikolu 299(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 639/2004 tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2004 dwar l-amministrazzjoni tal-flotot tas-sajd reġistrati fir-reġjuni l-aktar periferiċi tal-Komunità (2) jippermetti derogi mill-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 2792/1999 tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 1999 li jippreskrivi r-regoli u l-arranġamenti dettaljati rigward l-għajnuna strutturali Komunitarja fis-settur tas-sajd (3) u l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd (4).

(2)

Konsegwentement għall-ftehim politiku li ntlaħaq fil-Kunsill fid-19 ta’ Ġunju 2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd, sabiex jittieħed kont tas-sitwazzjoni strutturali, soċjali u ekonomika partikolari fis-settur tas-sajd fir-reġjuni l-aktar periferiċi, il-perjodu ta' validità tad-derogi previsti fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 639/2004 għandu jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2006.

(3)

Minħabba l-estensjoni tal-perjodu ta' validità tad-deroga prevista fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 639/2004, id-deroga prevista fl-Artikolu 2(5) għandha tiġi estiża sal-31 ta’ Diċembru 2008 sabiex tippermetti d-dħul fil-flotta tal-kapaċità li bbenefikat mill-għajnuna pubblika għat-tiġdid tal-bastimenti tas-sajd,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 639/2004 huwa b'dan emendat kif ġej:

1)

fl-Artikolu 2(4), “31 ta' Diċembru 2005” għandha tinbidel bid-data “31 ta' Diċembru 2006”;

2)

fl-Artikolu 2(5), “31 ta' Diċembru 2007” għandha tinbidel bid-data “31 ta' Diċembru 2008”;

3)

fl-Artikolu 6, “31 ta' Diċembru 2006” għandha tinbidel bid-data “31 ta' Diċembru 2007”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 7 ta’ Novembru 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

E. HEINÄLUOMA


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Ottubru 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)   ĠU L 102, 7.4.2004, p. 9.

(3)   ĠU L 337, 30.12.1999, p. 10. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1198/2006 (ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1).

(4)   ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.