1.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

291


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nr 1609/2006

tas-27 ta'Ottubru 2006

li jawtorizza it-tqegħid fis-suq ta’ ikel tat-trabi bbażat fuq l-idrolisati tal-proteina tax-xorrox derivata mill-proteina tal-ħalib tal-baqar għal perjodu ta’ sentejn

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/398/KEE tat-3 ta' Mejju 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar l-oġġetti ta’ l-ikel għal użu ta’ nutriment partikolari (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(1a) tagħha,

Wara li kkonsultat lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza Alimentari,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 89/398/KEE tikkonċerna oġġetti ta' l-ikel għal użu ta' nutriment partikolari. Id-dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għal ċerti gruppi ta' l-ikel għal użu ta' nutriment partikolari huma stabbiliti f'Direttivi speċifiċi.

(2)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 91/321/KEE ta’ l-14 ta’ Mejju 1991 dwar l-ikel tat-trabi u l-ikel tat-trabi ta’ aktar minn sitt xhur (2) hija Direttiva speċifika adottata skond id-Direttiva 89/398/KEE. Id-Direttiva 91/321/KEE tistabbilixxi l-ħtiġijiet ta’ kompożizzjoni għall-ikel tat-trabi.

(3)

Il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ ikel tat-trabi innovattiv ibbażat fuq l-idrolisati tal-proteina tax-xorrox derivata mill-proteina tal-ħalib tal-baqar b’kontenut ta’ proteina inqas mill-minimu ta’ 0.56 g proteina/100kJ (2.25 g proteina/100 kcal), kif imsemmi fil-punt 2.2 ta’ l-Anness I għad-Direttiva 91/321/KEE.

(4)

Fil-5 ta’ Ottubru 2005, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza Alimentari tat l-opinjoni tagħha (3). Dik l-opinjoni ddikjarat li ikel tat-trabi, ibbażat fuq l-idrolisati tal-proteina tax-xorrox derivata mill-proteina tal-ħalib tal-baqar b’kontenut ta’ proteina ta’ 0.47g/100 kJ (1.9 g/100 kcal), huwa mingħajr periklu u addattat għall-użu bħala l-uniku sors ta’ nutriment għat-trabi.

(5)

Għaldaqstant, sakemm tiġi emendata d-Direttiva 91/321/KEE, it-tqegħid fis-suq ta' dan l-ikel tat-trabi għandu jkun awtorizzat għal perjodu ta' sentejn.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u Saħħet l-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 2 u mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 91/321/KEE, it-tqegħid fis-suq ta’ ikel tat-trabi bbażat fuq idrolisati tal-halib tal-baqar kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament, huwa awtorizzat għal perjodu ta’ sentejn mid-data ta' l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidhol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 27 ta' Ottubru 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 186, 30.6.1989, p. 27. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(2)   ĠU L 175, 4.7.1991, p. 35. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2003/14/KE (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 37).

(3)  Il-Ġurnal EFSA (European Food Safety Authority) (2005) 280, 1-16.


ANNESS

Speċifikazzjonijiet għas-sors, għall-ipproċessar u għall-kwalità ta' proteina użata fil-fabbrikazzjoni ta' ikel tat-trabi bbażat fuq l-idrolisati tal-proteina tax-xorrox derivata mill-proteina tal-ħalib tal-baqar

(1)   Il-kontenut tal-proteina

Kontenut ta’ proteina = kontenut ta’ nitroġenu × 6.25

Minimu

Massimu

0,44 g/100 kJ

0,7 g/100 kJ

(1,86 g/100 kcal)

(3 g/100 kcal)

(2)   Is-sors tal-proteina

Proteina ħelwa demineralizzata tax-xorrox derivata mill-ħalib tal-baqar wara l-preċipitazzjoni enżimatika ta' kaseini bl-użu tal-kimosina, magħmula minn:

(a)

63 % iżolat tal-proteini tax-xorrox mingħajr kaseino-glikomakropeptide b’kontenut minimu ta’ proteina ta’ 95 % ta’ materja niexfa u denaturazzjoni ta’ proteina ta’ inqas minn 70 % u kontenut massimu ta’ rmied ta’ 3 %; kif ukoll

(b)

37 % konċentrat ħelu ta’ proteina tax-xorrox b’kontenut minimu ta’ proteina ta’ 87 % ta’ materja niexfa u denaturazzjoni ta’ proteina ta’ inqas minn 70 % u kontenut massimu ta’ rmied ta’ 3,5 %.

(3)   L-ipproċessar tal-proteina

Proċess ta’ idrolisi f’żewġ stadji bl-użu ta’ preparazzjoni ta’ tripsin bi stadju ta’ trattament ta’ sħana (minn 3 sa 10 minuti fi 80 sa 100 °C) bejn iż-żewġ stadji ta’ idrolisi.

(4)   Il-kwalità tal-proteina

Aċidi amminiċi essenzjali u semi-essenzjali fil-ħalib tas-sider kif stipulat fl-Anness V għad-Direttiva 91/321/KEE.