1.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

98


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1582/2006

ta' l-24 ta’ Ottubru 2006

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1907/90, fir-rigward tad-deroga dwar il-ħasil tal-bajd

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2771/75 tad-29 ta' Ottubru 1990 dwar dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-bajd (1), u partikolarment l-Artikolu 2(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

L-Artikolu 6(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1907/90 tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar ċerti standards fit-tqegħid fis-suq tal-bajd (2) jistabbilixxi ċerti kriterji għad-deroga li tippermetti liċ-ċentri ta' imballaġġ ikomplu jaħslu l-bajd sal-31 ta' Diċembru 2006. Ġiet mogħtija deroga lil disa' ċentri ta' imballaġġ fl-Iżvezja u lil ċentru ta' imballaġġ wieħed fl-Olanda.

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1907/90 ġie mħassar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1028/2006 tad-19 ta' Ġunju 2006 dwar standards għat-tqegħid fis-suq tal-bajd (3) b'effett mill-1 ta' Lulju 2007. Konsegwentement, il-perjodu tranżizzjonali għall-ħasil tal-bajd għandu jiġi estiż sa dik id-data.

(3)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1907/90 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 6(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1907/90, id-data “31 ta' Diċembru 2006” għandha tiġi sostitwita bid-data “30 ta' Ġunju 2007”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, 24 ta’ Ottubru 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

J. KORKEAOJA


(1)   ĠU L 282, 1.11.1975, p. 49. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 679/2006 (ĠU L 119, 4.5.2006, p. 1).

(2)   ĠU L 173, 6.7.1990, p. 5. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1039/2005 (ĠU L 172, 5.7.2005, p. 1).

(3)   ĠU L 186, 7.7.2006, p. 1.