Regolament tal-Kunsill (KE) NRU 1562/2006 tal- 5 ta’ Ottubru 2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles
Official Journal L 290 , 20/10/2006 P. 0001 - 0001
Official Journal L 200 , 01/08/2007 P. 0062 - 0062
20061005 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1562/2006 tal- 5 ta’ Ottubru 2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari, l-Artikolu 37 flimkien ma' l-Artikolu 300(2) u l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 300(3) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1], Billi: (1) Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1708/87 il-Komunità approvat il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar sajd 'il barra mis-Seychelles [2]. Il-Partijiet innegozjaw bil-ħsieb li jissostitwixxu dak il-Ftehim bi Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd. (2) Bħala segwitu għal dawn in-negozjati, ġie inizjalat Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd f'Marzu 2005. (3) Il-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd jipprevedi t-tisħiħ tal-koperazzjoni ekonomika, finanzjarja, teknika u xjentifika fis-settur tas-sajd bil-għan li jiggarantixxi li r-riżorsi jiġu konservati u jintużaw b'mod sostenibbli, kif ukoll għal sħubija bejn impriżi bil-għan li jiġu żviluppati attivitajiet ekonomiċi fis-settur tas-sajd u attivitajiet relatati fl-interess komuni. (4) Il-Ftehim imsemmi għandu jiġi approvat. (5) Bħala segwitu għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim il-ġdid, ir-Regolament (KEE) Nru 1708/87 isir obsolet. Għal raġunijiet ta' ċarezza għalhekk għandu jiġi mħassar l-imsemmi Regolament, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Il-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (minn issa 'l quddiem il-"Ftehim" huwa b'dan approvat f'isem il-Komunità. It-test tal-Ftehim hu mehmuż ma' dan ir-Regolament. Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jaħtar il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim sabiex jorbtu lill-Komunità. Artikolu 3 Regolament (KEE) Nru 1708/87 huwa b'dan imħassar. Artikolu 4 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fil-Lussemburgu, 5 ta’ Ottubru 2006. Għall-Kunsill Il-President K. Rajamäki [1] Opinjoni mogħtija nhar is- 6 ta' Settembru 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). [2] ĠU L 160, 20.6.1987, p. 1. --------------------------------------------------