1.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

197


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1329/2006

tat-8 ta' Settembru 2006

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1725/2003 li jaddotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Interpretazzjonijiet 8 u 9 tal-Kumitat għall-Interpretazzjonijiet ta’ l-Irrappurtar Finanzjarju Internazzjonali (IFRIC)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta’ l-istandards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b’ mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1725/2003 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu għadhom fis-seħħ fl-14 ta’ Settembru 2002.

(2)

Fit-12 ta’ Jannar 2006, il-Kumitat għall-Interpretazzjonijiet ta’ l-Irrappurtar Finanzjarju Internazzjonali (IFRIC) ippubblika l-IFRIC Interpretazzjoni 8 Ambitu ta' l-IFRS 2. IFRIC 8 jikkjarifika li l-istandard ta’ kontabilità Standard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) 2 Share-based Payment japplika għall-arranġamenti fejn entità tagħmel pagamenti bbażati fuq ishma apparentement b’xejn jew għal kumpens mhux adegwat.

(3)

Fl-1 ta’ Marzu 2006, l-IFRIC ippubblika l-IFRIC Interpretazzjoni 9 Stima mill-ġdid ta' Derivattivi Integrati. L-IFRIC 9 jikkjarifika ċerti aspetti tat-trattament ta’ derivattivi integrati skond l-Istrumenti Finanzjarji IAS 39: Għarfien u Kejl.

(4)

Il-konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti Tekniċi (TEG) tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Informazzjoni Finanzjarja (EFRAG) tikkonferma li l-IFRIC 8 u l-IFRIC 9 jissodisfaw il-kriterji tekniċi għall-adozzjoni kif stipulat fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

(5)

Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 1725/2003 għandu jiġi emendat skond dan.

(6)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju tal-Kontabilità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1725/2003 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-interpretazzjoni 8 tal-Kumitat Internazzjonali għall-Interpretazzjonijiet ta’ l-Irrappurtar Finanzjarju (IFRIC), Ambitu ta' l-IFRS 2, qed tiġi inserita kif stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament

(2)

L-interpretazzjoni 9 ta’ l-IFRIC Stima mill-ġdid ta' Derivattivi Integrati, qed tiġi inserita kif stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

(1)   Kull kumpanija għandha tapplika l-IFRIC 8 kif stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament mhux aktar tard mill-bidu tas-sena finanzjarja 2006 tagħha, ħlief dawk il-kumpaniji li għandhom id-data tal-bidu f’Jannar, Frar, Marzu jew April; li għandhom japplikaw l-IFRIC 8 mhux aktar tard mill-bidu tas-sena finanzjarja 2007.

(2)   Kull kumpanija għandha tapplika l-IFRIC 9 kif stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament mhux aktar tard mill-bidu tas-sena finanzjarja 2006 tagħha, ħlief dawk il-kumpaniji li għandhom id-data tal-bidu f’Jannar, Frar, Marzu, April jew Mejju; li għandhom japplikaw l-IFRIC 9 mhux aktar tard mill-bidu tas-sena finanzjarja 2007.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 8 ta' Settembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Charlie McCREEVY

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)   ĠU L 261, 13.10.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 708/2006 (ĠU L 122, 9.5.2006, p. 19.)


ANNESS

STANDARDS INTERNAZZJONALI TA' L-IRRAPPURTAR FINANZJARJU

IFRIC 8

Interpretazzjoni IFRIC 8 Scope of IFRS 2

IFRIC 9

Interpretazzjoni IFRIC 9 Reassessment of Embedded Derivatives

“Riproduzzjoni permessa fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Id-drittijiet kollha eżistenti huma riżervati barra ż-ŻEE, bl-eċċezzjoni tad-dritt ta' kkupjar għall-użu personali jew skopijiet oħra ta’ użi leġittmi. Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mill-IASB fuq l-internet www.iasb.org”

IFRIC INTERPRETAZZJONI 8

Ambitu ta' l-IFRS 2

Referenzi

IAS 8 Politiki ta’ Kontabilità, Bidliet fl-Istimi ta’ Kontabilità u Żbalji

IFRS 2 Ħlasijiet ibbażati fuq l-Ishma

Sfond

1

L-IFRS 2 japplika għal tranżazzjonijiet ibbażati fuq l-ishma li fihom l-entità tirċievi jew takkwista prodotti jew servizzi. “Prodotti” jinkludu inventarji, affarijiet ta’ konsum, proprjetà, impjanti u tagħmir, assi intanġibbli u assi mhux-finanzjarji oħra (IFRS 2, il-paragrafu 5). Għaldaqstant, ħlief għal tranżazzjonijiet partikulari esklużi mill-firxa ta' l-applikazzjoni tiegħu, l-IFRS 2 japplika għat-tranżazzjonijiet kollha li fihom l-entità tirċievi assi mhux-finanzjarji jew servizzi bħala ħlas għall-ħruġ ta’ strumenti azzjonarji ta’ l-entità. L-IFRS 2 japplika wkoll għal tranżazzjonijiet li fihom l-entità jkollha obbligazzjonijiet dwar prodotti u servizzi li tirċievi, li jkunu ibbażati fuq il-prezz (jew il-valur) ta’ l-ishma ta’ l-entità jew strumenti oħra azzjonarji ta’ l-entità.

2

F’xi każi, iżda, jista’ jkun diffiċli li wieħed juri li l-prodotti jew is-servizzi kienu (jew se jkunu) riċevuti. Per eżempju, entità tista’ tagħti ishma lil organizzazzjoni ta’ karità b’xejn. Is-soltu ma jkunx possibbli li wieħed jidentifika l-prodotti jew is-servizzi speċifiċi riċevuti bħala ħlas ta’ tranżazzjoni bħal din. Jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet simili fi tranżazzjonijiet ma’ partijiet oħra.

3

L-IFRS 2 jobbliga li t-tranżazzjonijiet fejn isiru pagamenti ibbażati fuq l-ishma lil impjegati jkunu mkejjla b’referenza għall-valur ġust tal-pagamenti ibbażati fuq l-ishma fid-data ta' l-għotja (IFRS 2, il-paragrafu 11) (*1). Għalhekk, l-entità mhix obbligata li tkejjel direttament il-valur ġust tas-servizzi ta’ l-impjegati li tirċievi.

4

Għal tranżazzjonijiet li fihom isiru pagamenti ibbażati fuq l-ishma lil partijiet li ma jkunux l-impjegati, l-IFRS 2 jispeċifika suppożizzjoni rifjutabbli li l-valur ġust tal-prodotti jew servizzi riċevuti jista’ jkun stmat b’mod ta’ min joqgħod fuqu. F’dawn is-sitwazzjonijiet, l-IFRS 2 jitlob li t-tranżazzjoni tkun imkejla fuq il-valur ġust tal-prodotti jew tas-servizzi fid-data li fiha l-entità takkwista l-prodotti jew meta l-kontraparti tagħti s-servizz (IFRS 2, il-paragarafu 13). Għalhekk, hemm suppożizzjoni bażika li l-entità tista' tidentifika l-prodotti jew is-servizzi riċevuti minn partijiet oħra barra mill-impjegati. Dan iqajjem il-mistoqsija ta’ jekk l-IFRS tapplikax fin-nuqqas ta' prodotti jew servizzi identifikabbli. U dan jerġa’ jqajjem mistoqsija oħra: jekk entità tkun għamlet pagament ibbażat fuq l-ishma u l-ħlas identifikabbli riċevut (jekk ikun hemm) jidher li jkun anqas mill-valur ġust tal-pagament ibbażat fuq l-ishma, din is-sitwazzjoni tindika li jkunu ġew riċevuti prodotti jew servizzi, anki jekk ma jkunux identifikati b’mod speċifiku, u għalhekk li japplika l-IFRS 2?

5

Wieħed għandu jinnota li l-frażi “il-valur ġust tal-pagament ibbażat fuq l-ishma” tirreferi għall-valur ġust tal-pagament ibbażat fuq l-ishma partikolari kkonċernati. Per eżempju, entità tista’ tiġi obbligata permezz ta’ leġiżlazzjoni mill-gvern biex toħroġ xi parti mill-ishma tagħha lil ċittadini ta’ xi pajjiż partikolari, li jistgħu jkunu biss trasferiti lil ċittadini oħra ta’ dak l-istess pajjiż. Restrizzjoni ta’ trasferiment bħal din tista’ taffettwa l-valur ġust ta’ l-ishma kkonċernati, u għalhekk dawk l-ishma jista’ jkollhom valur ġust li jkun anqas mill-valur ġust li jista’ jkollhom ishma bħalhom eżatt li ma jkollhomx fuqhom restrizzjonijiet bħal dawn. F’din is-sitwazzjoni, kieku kellha tqum il-mistoqsija fil-paragrafu 4 fil-kuntest ta’ l-ishma ristretti, il-frażi “il-valur ġust tal-pagament ibbażat fuq l-ishma” tkun tirreferi għall-valur ġust ta’ l-ishma ristretti, u mhux għall-valur ġust ta’ ishma oħra li ma jkunux ristretti.

Ambitu

6

L-IFRS 2 japplika għal tranżazzjonijiet li fihom entità, jew l-azzjonisti ta’ l-entità, ikunu taw strumenti azzjonarji (*2), jew ikunu tgħabbew bl-obbligu li jittrasferixxu flus kontanti jew assi oħra għal ammonti li jkunu ibbażati fuq il-prezz (jew il-valur) ta’ l-ishma ta’ l-entità jew strumenti oħra azzjonarji ta’ l-entità. Din l-Interpretazzjoni tapplika għal tranżazzjonijiet meta l-ħlas identifikabbli riċevut (jew li għad irid ikun riċevut) mill-entità, inklużi flus kontanti u l-valur ġust ta’ ħlas identifikabbli li ma jkunx flus kontanti (jekk ikun hemm), ikun jidher li hu anqas mill-valur ġust ta’ l-istrumenti azzjonarji mogħtija jew mill-obbligi meħuda. Madanakollu, din l-Interpretazzjoni ma tapplikax għal tranżazzjonijiet esklużi mill-firxa ta’ applikazzjoni ta’ l-IFRS 2 skond il-paragrafi 3-6 ta’ dik l-IFRS.

Kwistjoni

7

Il-kwistjoni indirizzata fl-Interpretazzjoni hi dwar jekk l-IFRS 2 japplikax għal tranżazzjonijiet li fihom l-entità ma tkunx tista’ tidentifika speċifikament xi wħud mill-prodotti jew mis-servizzi, jew inkella l-prodotti jew is-servizzi kollha, li tkun irċeviet.

Konsensus

8

L-IFRS 2 japplika għal tranżazzjonijiet partikolari li fihom prodotti jew servizzi jiġu riċevuti, bħal ma huma tranżazzjonijiet li fihom entità tirċievi prodotti jew servizzi bħala ħlas għal strumenti azzjonarji ta’ l-entità. Dan jinkludi tranżazzjonijiet li fihom l-entità ma tkunx tista’ tidentifika speċifikament xi wħud mill-prodotti jew mis-servizzi, jew il-prodotti jew is-servizzi kollha, riċevuti.

9

Fin-nuqqas ta’ prodotti jew servizzi speċifikament identifikabbli, ċirkostanzi oħra jistgħu jindikaw li jkunu ġew (jew se jkunu) riċevuti prodotti jew servizzi, u f’dak il-każ japplika l-IFRS 2. B’mod partikolari, jekk il-ħlas identifikabbli riċevut (jekk ikun hemm) ikun jidher li hu anqas mill-valur ġust ta’ l-istrumenti azzjonarji mogħtija, jew mill-obbligi meħuda, ċirkustanza bħal din tipikament tkun tindika li jkun ġie riċevut (jew se jkun riċevut) ħlas ieħor (p.eż. prodotti jew servizzi mhux identifikabbli).

10

L-entità għandha tkejjel il-prodotti jew is-servizzi identifikabbli riċevuti skond l-IFRS 2.

11

L-entità għandha tkejjel il-prodotti jew is-servizzi mhux identifikabbli riċevuti (jew li għad jiġu riċevuti) bħala d-differenza bejn il-valur ġust tal-pagament ibbażat fuq l-ishma u l-valur ġust ta’ xi prodotti jew servizzi identifikabbli riċevuti (jew li għad jiġu riċevuti).

12

L-entità għandha tkejjel il-prodotti jew is-servizzi mhux identifikabbli riċevuti fil-ġurnata ta’ l-għotja. Madankollu, għal tranżazzjonijiet imħallsa bi flus kontanti, l-obbligu għandu jitkejjel kull darba f’kull data ta’ rappurtar, sakemm dan jitħallas.

Data effettiva

13

Entità għandha tapplika din l-Interpretazzjoni għall-perjodi annwali li jibdew fi jew wara l-1 ta’ Mejju 2006. L-applikazzjoni minn kmieni hija mħeġġa. Jekk entità tapplika din l-Interpretazzjoni għall-perjodu li jibda qabel l-1 ta’ Mejju 2006, għandha xxandar dan il-fatt.

Tranżizzjoni

14

Entità għandha tapplika din l-Interpretazzjoni b'mod retrospettiv skond l-obbligi ta' l-IAS 8, skond id-dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ l-IFRS 2.

IFRIC INTERPRETAZZJONI 9

Stima mill-ġdid ta' Derivattivi Integrati

Referenzi

IAS 39 Strumenti Finanzjarji: Għarfien u Kejl

IFRS 1 Adozzjoni għall-ewwel darba ta’ Standards Internazzjonali ta’ Rappurtar Finanzjarju

IFRS 3 Kombinazzjonijiet ta’ Negozju

Sfond

1

IAS 39 paragrafu 10 jiddeskrivi derivattiva integrata bħala “komponent ta’ strument ibridu (kombinat) li jinkludi wkoll kuntratt li jilqa’ mhux derivattiv — bl-effett li uħud mill-likwiditajiet ta’ l-istrument kombinat ivarjaw b’mod simili għal derivattiva separata.”

2

IAS 39 paragrafu 11 jeħtieġ li derivattiva integrata tkun separata mill-kuntratt li jilqa’ u meqjusa bħala derivattiva biss, u biss jekk:

(a)

il-karatteristiċi ekonomiċi u r-riskji tad-derivattiva integrata ma jkunux marbuta mill-qrib mal-karatteristiċi u r-riskji ekonomiċi tal-kuntratt li jilqa’;

(b)

strument separat bl-istess termini bħad-derivattiva integrata jikkonforma mad-definizzjoni ta’ derivattiva; u

(c)

l-istrument ibridu (kombinat) ma jitkejjilx b’valur ġust ma’ bidliet fil-valur ġust rikonoxxut fil-qligħ u telf (ie derivattiva integrata f’ass finanzjarju jew responsabbiltà finanzjarja b’valur ġust permezz ta’ qligħ u telf ma tkunx separata).

Ambitu

3

Soġġetta għall-paragrafi 4 u 5 hawn taħt, din l-Interpretazzjoni tapplika għad-derivattivi integrati kollha fl-ambitu ta’ l-IAS 39.

4

Din l-Interpretazzjoni ma tindirizzax kwistjonijiet ta’ kejl mill-ġdid li jqumu minn stimi mill-ġdid ta’ derivattivi integrati.

5

Din l-Interpretazzjoni ma tindirizzax l-akkwist ta’ kuntratti b’derivattivi integrati f’kombinazzjoni ta’ negozju, lanqas l-istima mill-ġdid possibbli tagħhom fid-data ta’ l-akkwist

Kwistjoni

6

IAS 39 jeħtieġ li entità, meta ssir parti kontraenti għall-ewwel darba, tevalwa jekk xi derivattivi integrati fil-kuntratt jinħtiġux li jkunu separati mill-kuntratt li jilqa’ u meqjusa bħala derivattivi taħt l-Istandard. Din l-Interpretazzjoni tindirizza l-kwistjonijiet li ġejjin:

(a)

L-IAS 39 jitlob li tali evalwazzjoni ssir biss meta l-entità ssir parti kontraenti għall-ewwel darba, jew għandha tkun ikkunsidrata mill-ġdid għal kemm idum il-kuntratt?

(b)

Adottur inizjali għandu jagħmel l-evalwazzjoni tiegħu fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet li kienu jeżistu meta l-entità saret parti kontraenti għall-ewwel darba, jew dawk li jipprevalu meta l-entità tadotta l-IFRS għall-ewwel darba?

Konsensus

7

Entità għandha tevalwa jekk derivattiva integrata hix meħtieġa li tkun separata mill-kuntratt li jilqa’ u meqjusa bħala derivattiva meta l-entità ssir parti kontraenti għall-ewwel darba. Stima mill-ġdid sussegwenti hi pprojbita sakemm ma jkunx hemm bidla fit-termini tal-kuntratt li timmodifika b’mod sinifikanti l-likwiditajiet li altrimenti jkunu meħtieġa bil-kuntratt, f’liema każ tkun meħtieġa stima mill-ġdid. Entità tiddetermina jekk modifikazzjoni fil-likwiditajiet tkunx sinifikanti billi tikkunsidra l-punt sa fejn il-likwiditajiet futuri mistennija assoċjati mad-derivattiva integrata, il-kuntratt li jilqa’ jew it-tnejn li huma jkunu nbidlu, u jekk il-bidla tkunx sinifikanti skond il-likwiditajiet mistennija qabel fil-kuntratt.

8

Adottur inizjali għandu jevalwa jekk derivattiva integrata hix meħtieġa li tkun separata mill-kuntratt li jilqa' u meqjusa bħala derivattiva fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet li eżistew aktar tard mid-data meta saret parti kontraenti u d-data li tkun meħtieġa stima mill-ġdid skond il-paragrfau 7.

Data effettiva u tranżizzjoni

9

Entità għandha tapplika din l-Interpretazzjoni għall-perjodi annwali li jibdew fl-1 ta’ Ġunju 2006 jew wara. L-applikazzjoni minn kmieni hija mħeġġa. Jekk entità tapplika l-Interpretazzjoni għall-perjodu li jibda qabel l-1 ta’ Ġunju 2006, għandha xxandar dan il-fatt. L-Interpretazzjoni tkun applikata retrospettivament.

(*1)  Skond l-IFRS 2, kull meta jissemmew impjegati, dan jinkludi wkoll lil dawk kollha li jipprovdu servizzi simili.

(*2)  Dawn jinkludu strumenti azzjonarji ta’ l-entità, il-kumpanija proprjetarja ta’ l-entità u entitajiet oħra fl-istess grupp bħall-entità.