16.3.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

288


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1322/2006

ta’ l-1 ta’ Settembru 2006

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1470/2001 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjoni ta’ bozoz elettroniċi florexxenti, kumpatti u integrati (CFL-i) li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1.   IL-PROĊEDURA

1.1   Il-miżuri eżistenti

(1)

Permezz tar-Regolament (KE) Nru 1470/2001 (2), (ir-“Regolament oriġinali”) il-Kunsill impona dazji antidumping definittivi ta' minn 0 % sa 66.1 % fuq l-importazzjoni ta' bozoz elettroniċi florexxenti, kumpatti u integrati (CFL-i) li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (l-“investigazzjoni oriġinali”).

(2)

Permezz tar-Regolament (KE) Nru 866/2005 (3), wara investigazzjoni skond l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, il-Kunsill estenda l-miżuri antidumping definittivi imposti mir-Regolament oriġinali għall-importazzjonijiet ta' l-istess prodott ikkunsinjati mir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, ir-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan u r-Repubblika tal-Filippini.

1.2   Talba għal reviżjoni ad interim

(3)

Fit-3 ta' Awwissu 2004, il-Kummissjoni rċeviet, skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96, applikazzjoni li tillimita ruħha għat-talba li tiġi eżaminata l-firxa tal-prodotti koperti. L-applikazzjoni tressqet minn Steca Batterieladesysteme und Präzisionselektronik GmbH, importatur tas-CFL-i magħmula fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (’l-applikant’). L-applikant importa CFL-i li jaħdmu bil-vultaġġ tal-kurrent dirett (“DC-CFL-i”). L-applikant allega li dawn ta' l-aħħar kellhom karatteristiċi fiżiċi u tekniċi tal-bażi differenti, kif ukoll użi u applikazzjonijiet aħħarija differenti minn dawk tas-CFL-i li jaħdmu bil-vultaġġ tal-kurrent alternanti (“AC-CFL-i”). L-applikant allega wkoll li kienu biss l-AC-CFL-i li kellhom ikunu koperti mid-dazji antidumping fis-seħħ, minħabba li huma biss kienu fil-mira ta' l-investigazzjoni oriġinali. B'konsegwenza ta' dan, l-applikant asserixxa li d-DC-CFL-i kellhom espliċitament jiġu esklużi mill-ambitu tad-dazju antidumping u li d-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat fir-Regolament oriġinali kellha tiġi emendata skond dan. L-applikant talab ukoll li kwalunkwe esklużjoni tad-DC-CFL-i mill-firxa ta' prodotti koperti kellu jkollha effett retroattiv.

1.3   L-inizjazzjoni

(4)

Meta l-Kummissjoni, wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv, iddeterminat li kien hemm biżżejjed evidenza prima facie, ħabbret permezz ta' avviż (“l-avviż ta' inizjazzjoni”) ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea  (4) il-ftuħ ta' reviżjoni parzjali ad interim skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, illimitata biss għall-eżami ta' l-ambitu tal-firxa tal-prodotti.

1.4   L-investigazzjoni

(5)

Il-Kummissjoni uffiċjalment avżat bl-inizjazzjoni ta' l-investigazzjoni lir-Republika tal-Poplu taċ-Ċina, (“RPĊ”), il-produtturi/esportaturi fir-RPĊ, l-importaturi fil-Komunità li kien magħruf li huma kkonċernati, il-produtturi fil-Komunità u l-assoċjazzjonijiet ta' produtturi fil-Komunità. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-avviż ta' inizjazzjoni.

(6)

Il-Kummissjoni talbet mingħand il-partijiet kollha li kien magħruf li kienu kkonċernati, kif ukoll mill-kumpaniji l-oħra kollha li identifikaw irwieħhom fl-iskadenzi ta' żmien stabbiliti fl-avviż ta' inizjazzjoni, tagħrif bażiku dwar il-fatturat totali, il-valur u l-volum tal-bejgħ fil-Komunità Ewropea, il-kapaċita ta' produzzjoni, il-produzzjoni effettiva, il-valur u l-volum ta' l-importazzjonijiet totali tas-CFL-i u tad-DC-CFL-i weħidhom. Il-Kummissjoni fittxet li tiġbor u li tivverifika l-informazzjoni kollha meqjusa neċessarja għall-finijiet ta' evalwazzjoni dwar jekk kienx hemm ħtieġa li l-ambitu tal-miżuri eżistenti jiġi emendat.

(7)

Ħames produtturi.esporaturi mir-RPĊ, produttur wieħed fil-Komunità, produttur relatat ma' produttur/esportatur fir-RPĊ u 11-il importatur mhux relatat fil-Komunità kkooperaw fl-investigazzjoni preżenti, u ssottomettew l-informazzjoni bażika msemmija fil-premessa (6) hawn fuq.

1.5   Il-perjodu ta’ investigazzjoni

(8)

Il-perjodu ta’ investigazzjoni kopra l-perjodu mill-1 ta’ Novembru 2003 sal-31 ta’ Ottubru 2004 (“il-PI”).

1.6   L-iżvelar

(9)

Il-partijiet interessati kollha ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom intlaħqu l-konklużjonijiet preżenti. Skond l-Artikolu 20(5) tar-Regolament bażiku, il-partijiet ingħataw perjodu li matulu setgħu jressqu rappreżentazzjonijiet wara dan l-iżvelar.

(10)

Il-kummenti orali u miktuba sottomessi min-naħa tal-partijiet interessati ġew ikkunsidrati u, fejn dan kien f'loku, il-konklużjonjiet ġew immodifikati skond dan.

2.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT

(11)

Il-prodott ikkonċernat huwa, kif definit fl-Artikolu 1 tar-Regolament oriġinali, is-CFL-i, attwalment klassifikabbli fil-kodiċi tan-NM ex 8539 31 90. CFL-i hija bozza elettronika kompatta florexxenti b'tubu wieħed jew aktar tal-ħġieġ, bl-elementi kollha għall-ġenerazzjoi tad-dawl u l-komponenti elettroniċi kollha fissi fil-bażi tal-bozza jew integrati magħha. Kif intqal fil-premessa(11) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 255/2001 tas-7 ta' Frar 2001 li jimponi dazju antidumping proviżorju fuq importazzjonijiet ta' CFL-i li joriġinaw fir-RPĊ (5) (“ir-Regolament proviżorju”), u li ġie kkonfermat mill-konklużjonijiet definittivi tar-Regolament oriġinali, il-prodott ikkonċernat huwa maħsub biex jieħu post il-bozoz inkandexxenti normali, u jaqblu ma' l-istess sokit tal-bozoz bħal dawk inkandexxenti.

(12)

Filwaqt li, matul l-investigazzjoni oriġinali, ġew identifikati tipi differenti ta' prodotti, skond, fost l-oħrajn, it-tul tal-ħajja, il-qawwa f'watts u l-għata tal-bozza, il-vultaġġ differenti tad-dħul ma ġiex investigat, u lanqas ma tqajjem minn kwalunkwe parti interessata matul l-investigazzjoni oriġinali.

3.   IR-RIŻULTATI TA’ L-INVESTIGAZZJONI

3.1   Il-metodoloġija

(13)

Sabiex jiġi deċiż jekk id-DC-CFL-i u l-AC-CFL-i għandhomx jitqiesu bħala prodott wieħed jew inkella bħala żewġ prodotti separati, saret investgazzjoni dwar jekk id-DC-CFL-i u l-AC-CFL-i kenux jaqsmu l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi tal-bażi u użi aħħarija. F'dan ir-rigward, ġew eżaminati wkoll l-interkambjabbiltà u l-kompetizzjoni bejn id-DC-CFL-i u l-AC-CFL-i fil-Komunità.

3.2   Il-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi tal-bażi

(14)

Is-CFL-i kollha huma magħmula minn żewġ elementi ewlenin: tubu wieħed (jew aktar) ta' l-iskariku mimli(ja) bil-gass u tagħmir elettroniku li jistabbilizza l-kurrent (reattur). Essenzjalment, ir-reattur elettroniku jiskarika l-elettroni għal ġot-tubu tal-gass. L-elettroni jattivaw il-gass, li jarmi l-enerġija fil-forma ta' dawl.

(15)

Madankollu, il-vultaġġ tad-dħul għad-DC-CFL-i u l-AC-CFL-i mhuwiex l-istess; jiġifieri, għall AC-CFL-i huwa alternanti, filwaqt li għad-DC-CFL-i huwa dirett. Konsegwentement, l-elementi elettroniċi li jintużaw fid-DC-CFL-i jeħtiġilhom ikollhom komponenti differenti minn dawk li jintużaw fl-AC-CFL-i, minħabba li jeħtiġilhom jaqdu funzjonijiet addizzjonali, jiġifieri li l-vultaġġ dirett jibdluh f'vultaġġ alternanti biex jiżguraw li jkun jista' jiġi prodott id-dawl.

(16)

L-industrija tal-Komunità argumentat li, fl-investigazzjoni oriġinali, il-prodott magħmul fil-pajjiż analogu (il-Messiku) tqies li kien prodott simili, anki jekk is-CFL-i prodotti f'dan il-pajjiż kienu maħsuba għal vultaġġi aktar baxxi. Għaldaqstant, l-AC-CFL-i li jintużaw fis-sistemi ta' vultaġġ baxx għandhom ukoll jitqiesu li huma l-istess prodott bħad-DC-CFL-i. Madankollu, għandha tittieħed nota li, minkejja li s-sistema tal-vultaġġ fil-Messiku kienet differenti minn dik fil-Komunità, is-CFL-i magħmula fil-Messiku u dawk magħmula fil-Komunità t-tnejn li huma kienu qed jaħdmu fuq il-kurrent alternanti. It-tnejn kellhom preċiżament l-istess funzjonijiet, jiġifieri li jissostitwixxu l-bozoz inkandexxenti normali fis-swieq rispettivi tagħhom.

(17)

Fir-reviżjoni preżenti, id-differenza bejn iż-żewġ tipi ta' bozoz mhijiex biss il-vultaġġ bħal fil-każ tal-bozoz Messikani msemmija hawn fuq, imma wkoll l-istruttura tal-provvista ta' l-enerġija użata mid-DC-CFL-i u l-AC-CFL-i, li tirrikjedi l-użu ta' komponenti differenti, u għalhekk tikkonferixxi fuq kull tip karatteristiċi tekniċi differenti.

3.3   L-użi aħħarija bażiċi u l-interkambjabbiltà

(18)

Kif issemma hawn fuq fil-premessa (11), il-prodott ikkonċernat mill-investigazzjoni oriġinali huwa maħsub biex jieħu post il-bozoz inkandexxenti normali.

(19)

Abbażi ta' l-informazzjoni mressqa mill-industrija tal-Komunità u l-produtturi Ċiniżi li jesportaw, il-konsum totali tas-suq Komunitarju għad-DC-CFL-i jirrappreżenta anqas minn 2 % tal-konsum totali ta' CFL-i. Il-konsegwenza hija li l-AC-CFL-i huwa t-tip tas-CFL-i li l-aktar jiġi importat u użat fis-suq Komunitarju, jiġifieri l-AC-CFL-i huma kważi 100 % ta' l-importazzjoni u l-bejgħ totali fil-Komunità.

(20)

Fid-dawl ta' dan, l-AC-CFL-i huma maħsuba biex jieħdu post il-bozoz inkandexxenti li jintużaw l-aktar, u jaqblu ma’ l-istess sokits tal-bozoz bħal dawk inkandexxenti. Ġaladarba d-DC-CFL-i ma jużawx l-istess kurrent tad-dħul, ma jipproduċux id-dawl jekk jitqiegħdu f'sokit għall-bozoz inkandexxenti normali. Fil-każ oppost, jekk l-AC-CFL-i jitqiegħdu f'sokit tal-kurrent dirett, lanqas huma ma jipproduċu d-dawl. Konsegwentement, sabiex jiġi prodott id-dawl bid-DC-CFL-i, jeħtieġ li jkun hemm il-provvista ta' kurrent dirett, u sabiex jiġi prodott id-dawl bl-AC-CFL-i, jeħtieġ li jkun hemm il-provvista ta' kurrent alternanti.

(21)

Barra minn hekk, l-AC-CFL-i jintużaw fl-applikazzjonijiet elenkati fil-premessa (110) tar-Regolament proviżorju, jiġifieri mid-djar privati, l-industrija u għadd kbir ta' stabbilimenti kummerċjali bħalma huma l-ħwienet u r-ristoranti, filwaqt li d-DC-CFL-i ma jintużawx f'dawn l-applikazzjonijiet, ħlief b'eċċezzjonijiet rari. L-utenti ta' l-AC-CFL-i fil-parti l-kbira tagħhom huma konnessi max-xibka pubblika ta' l-elettriku, filwaqt li d-DC-CFL-i jintużaw f'żoni fejn ma hemmx konnessjoni max-xibka pubblika ta' l-elettriku, u li għalhekk iserrħu fuq sorsi oħra ta' l-elettriku (il-batteriji, is-sistemi solari, il-fotovoltajċi). Jintużaw f'żoni iżolati jew rurali għal finijiet minerarji, biex idawlu l-postijiet tal-kenn, fl-ikkampjar, fuq il-bastimenti, eċċ. Fuq din il-bażi, intqies li d-DC-CFL-i ma jistgħux jieħdu post il-bozoz inkandexxenti normali, u għalhekk l-AC-CFL-i u d-DC-CFL-i mhumiex interkambjabbli.

(22)

Għaldaqstant, qed jiġi konkluż li, fis-sens tar-Regolament oriġinali, il-bozoz inkandexxenti normali qed jitqiesu li huma bozoz li jintużaw bil-provvista tal-kurrent alternanti.

(23)

L-industrija Komunitarja argumentat li, minkejja dan ta' hawn fuq, l-AC-CFL-i u d-DC-CFL-i għandhom l-istess użi aħħarija bażiċi, jiġifieri li jipproduċu d-dawl. Għaldaqstant kellhom jiġu kkunsidrati bħala l-istess prodott. F'dan ir-rigward, l-industrija Komunitarja qabblet l-AC-CFL-i u d-DC-CFL-i ma' tipi differenti ta' karozzi, skond jekk ikollhomx magni tal-petrol jew tad-diżil. L-industrija Komunitarja argumentat li ż-żewġ tipi ta' karozzi jkollhom l-istess funzjonijiet, jiġifieri t-trasport motorizzat tal-persuni fit-toroq, u għaldaqstant jitqiesu li huma prodott wieħed.

(24)

Madankollu, minbarra l-fatt li d-determinazzjoni ta' jekk il-karozzi bil-magni tal-petrol u dawk bil-magni tad-diżil jiffurmawx jew le prodott wieħed mhijiex soġġetta għar-reviżjoni preżenti ad interim, it-tqabbil ta' hawn fuq ma tqiesx li kien f'loku, minħabba li ffoka fuq parametru żbaljat (il-magna). Fil-każ preżenti, il-parametru rilevanti huwa jekk il-prodott għandux jew le l-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi meta jintuża f'sokit għall-bozoz inkandexxenti normali.

(25)

Xi partijiet asserixxew li għadd limitat ħafna ta' mudelli speċifiċi ta' l-AC-CFL-i setgħu jaħdmu sew bil-kurrent alternanti kif ukoll b'dak dirett. Dawn il-bozoz instab li kellhom l-istess użu aħħarija bħall-AC-CFL-i li jaħdmu biss bil-kurrent alternanti. Għaldaqstant jitqiesu bħala bozoz li jintużaw bil-provvista tal-kurrent alternanti.

(26)

Minn dan ta' hawn fuq, jirriżulta li l-AC-CFL-i u d-DC-CFL-i mhumiex interkambjabbli, u għalhekk ma għandhomx l-istess użi aħħarija bażiċi.

3.4   Il-Kompetizzjoni bejn l-AC-CFL-i u d-DC-CFL-i

(27)

Kif intqal hawn fuq, l-AC-CFL-i u d-DC-CFL-i ma jintużawx fl-istess oqsma ta' applikazzjoni u għalhekk mhumiex interkambjabbli, imma jfornu swieq differenti. Barra mnn hekk, minħabba l-użi aħħarija speċifiċi tagħhom, id-DC-CFL-i jinxtraw biss minn ħwienet speċjalizzati jew inkella direttament mingħand il-produtturi. B'kuntrast ma' dan, l-AC-CFL-i jinxtraw fil-parti l-kbira tal-ħwienet tad-distribuzzjoni għall-konsum tal-massa.

(28)

Il-produttur waħdieni tal-KE li kkoopera asserixxa li, fiż-żoni fejn il-kurrent alternanti huwa disponibbli, il-konsumaturi jistgħu jagħżlu li jkollhom panewijiet fotovoltajċi u panewijiet solari li jfornu l-kurrent dirett. Għaldaqstant, intqal li jkun hemm kompetizzjoni bejn id-DC-CFL-i u l-AC-CFL-i. Qed jiġi nnutat li l-għażla bejn iż-żewġ sorsi tal-provvista ta' l-enerġija hija waħda li tmur lil hinn sew minn dik ta' l-użu waħdieni tas-CFL-i, minħabba li l-livell ta' investiment meħtieġ u l-fatt li din l-għażla taffettwa l-apparat kollu fid-dar li jaħdem bl-elettriku. Għalhekk huwa improbabbli għall-aħħar li l-investiment fil-panewijiet fotovoltajċi jkun ir-riżultat biss tal-kompetizzjoni bejn id-DC-CFL-i u l-AC-CFL-i. Qed tittieħed nota wkoll tal-fatt li d-DC-CFL-i iqumu aktar mill-AC-CFL-i, u għalhekk jitqies li din l-asserzjoni mhijiex appoġġata mil-loġika ekonomika. Abbażi ta' dan, l-asserzjoni ma setgħetx tintlaqa'.

(29)

Ġaladarba d-DC-CFL-i u l-AC-CFL-i ma jistgħux jintużaw fuq l-istess tipi ta' xibka ta' provvista enerġetika, qed jiġi konkluż li mhemm l-ebda kompetizzjoni bejn dawk it-tipi.

3.5   Id-Distinzjoni bejn l-AC-CFL-i u d-DC-CFL-i

(30)

Sar ukoll l-argument li d-DC-CFL-i u l-AC-CFL-i ma setgħux jiġi distinti biċ-ċar minn xulxin. F'dan ir-rigward, qed jiġi nnutat li għalkemm sew id-DC-CFL-i u l-AC-CFL-i jaqgħu taħt l-istess kodiċi tan-NM ex 8539 31 90, distinzjoni tista' ssir faċilment. Tabilħaqq, il-kriterju li ġej jista' jiġi applikat biex issir id-distinzjoni bejn id-DC-CFL-i u l-AC-CFL-i: id-DC-CFL-i ma jipproduċux id-dawl meta jiddaħħlu f'sokit bil-vultaġġ tal-kurrent alternanti u jinxtegħlu.

(31)

Barra minn hekk, id-DC-CFL-i huma mmarkati ċar, jiġifieri fuq il-prodott hemm indikazzjoni ċara tal-vultaġġ baxx tad-dħul, sabiex il-konsumaturi ma jitħallewx jużaw bozoz bħal dawn f'sokits tal-kurrent alternanti u b'hekk jeqirduhom.

4.   IL-KONKLUŻJONI DWAR L-AMBITU TAL-PRODOTT

(32)

Il-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq juru li d-DC-CFL-i u l-AC-CFL-i la għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi u fiżiċi bażiċi, u lanqas ma għandhom l-istess użi aħħarin bażiċi. Mhumiex interkambjabbli u ma jikkompetux kontra xulxin fis-suq Komunitarju. Abbażi ta' dan, qed jiġi konkluż li d-DC-CFL-i u l-AC-CFL-i huma żewġ prodotti differenti, u d-dazju antidumping fis-seħħ fuq il-prodotti tas-CFL-i li joriġinaw mir-RPĊ ma għandhomx jiġu applikati għall-importazzjonijiet tad-DC-CFL-i. Jirriżulta wkoll li d-DC-CFL-i ma kenux soġġetti għall-investigazzjoni oriġinali minkejja li dan ma ntqalx espliċitament fir-Regolament oriġinali.

(33)

Abbażi ta' dan ta' hawn fuq, l-ambitu tal-miżuri eżistenti għandu jiġi ċċarat permezz ta' emenda lir-Regolament oriġinali.

(34)

Ġaladarba l-miżuri imposti mir-Regolament (KE) Nru 1470/2001 ġew estiżi għal importazzjonijiet ta' CFL-i ikkunsinjati mill-Vjetnam, il-Pakistan u/jew il-Filippini, sew jekk kienux jew le ddikjarati bħala ta' oriġini mill-Vjetnam, il-Pakistan jew il-Filippini mir-Regolament (KE) Nru 866/2005, dan ir-Regolament għandu jiġi emendat skond dan.

5.   IT-TALBA GĦALL-APPLIKAZZJONI RETROATTIVA

(35)

Fid-dawl tal-koklużjonjiet fil-premessi (32) u (33) hawn fuq li d-DC-CFL-i ma kenux parti mill-prodott ikkonċernat fl-investigazzjoni oriġinali li wasslet għall-impożizzjoni ta' miżuri antidumping fuq importazzjonijiet ta' CFL-i mir-RPĊ, il-kjarifika ta' l-ambitu tal-prodott għandu jkollha effett retroattiv għad-data ta' l-impożizzjoni tad-dazji antidumping definittivi eżistenti.

(36)

Konsegwentement, id-dazji antidumping definittivi mħallsa skond ir-Regolament (KE) Nru 1470/2001 fuq imprtazzjonijiet fil-Komunità ta' CFL-i għandhom jiġu rifużi għal dawk it-tranżazzjonijiet ta' importazzjoni li kienu relatati mad-DC-CFL-i. Ir-rifużjoni jeħtieġ li tintalab mingħand l-awtoritajiet doganali nazzjonali skond il-leġiżlazzjoni doganali nazzjonali applikabbli, u mingħajr ħsara għar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet, u partikolarment l-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 tat-22 ta' Mejju 2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet (6).

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Regolament (KE) Nru 1470/2001 huwa emendat b'dan li ġej:

1.

L-artikolu 1(1) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“1.   Dazju antidumping definittiv huwa hawnhekk impost fuq l-importazzjoni ta' bozoz elettroniċi kumpatti tar-rilaxx florexxenti li jaħdmu bil-kurrent alternanti (inklużi bozoz elettroniċi kumpatti tar-rilaxx florexxenti li jaħdmu sew bil-kurrent alternanti kif ukoll dak dirett), b’tubu jew aktar tal-ħġieġ, bl-elementi kollha tad-dawl u komponenti elettroniċi mwaħħla mas-sieq tal-lampa, jew integrati fis-sieq tal-lampa, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 8539 31 90 (kodiċi TARIC 85393190*91 sa l-10 ta' Settembru 2004 u l-kodiċi TARIC 85393190*95 mill-11 ta' Settembru 2004 'l quddiem), u li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.”

2.

L-Artikolu 2(1) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“1.   L-ammonti miksuba permezz ta' dazji antidumping proviżorji skond ir-Regolament (KE) Nru 255/2001 fuq l-importazzjoni ta’ bozoz elettroniċi kumpatti tar-rilaxx florexxenti li jaħdmu bil-kurrent alternanti (inklużi bozoz elettroniċi kumpatti tar-rilaxx florexxenti li jaħdmu sew bil-kurrent alternanti kif ukoll dak dirett), b’tubu jew aktar tal-ħġieġ, bl-elementi kollha tad-dawl u komponenti elettroniċi mwaħħla mas-sieq tal-lampa, jew integrati fis-sieq tal-lampa li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għandhom jinġabru bir-rata ta' dazju kif imposta definittivament. L-ammonti miksuba permezz ta' dazji proviżorji skond ir-Regolament (KE) Nru 255/2001 fuq importazzjoni manifatturata minn Zhejiang Sunlight Group Co. Ltd għandha tinġabar bir-rata ta' dazju definittivament imposta fuq importazzjoni manifatturata minn Zhejiang Yankon Group Co. Ltd (kodiċi addizzjonali TARIC A241).”

Artikolu 2

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 866/2005 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Id-dazju antidumping definittiv ta' 66.1 % impost mir-Regolament (KE) Nru 1470/2001 fuq l-importazzjoni ta’ bozoz elettroniċi kumpatti tar-rilaxx florexxenti li jaħdmu bil-kurrent alternanti (inklużi bozoz elettroniċi kumpatti tar-rilaxx florexxenti li jaħdmu sew bil-kurrent alternanti kif ukoll dak dirett), b’tubu jew aktar tal-ħġieġ, bl-elementi kollha tad-dawl u komponenti elettroniċi mwaħħla mas-sieq tal-lampa, jew integrati fis-sieq tal-lampa, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 8539 31 90 (kodiċi TARIC 85393190*91 sa l-10 ta' Settembru 2004 u l-kodiċi TARIC 85393190*95 mill-11 ta' Settembru 2004 'l quddiem), u li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, b'dan huwa estiż għal bozoz elettroniċi kumpatti tar-rilaxx florexxenti li jaħdmu bil-kurrent alternanti (inklużi bozoz elettroniċi kumpatti tar-rilaxx florexxenti li jaħdmu sew bil-kurrent alternanti kif ukoll dak dirett), b’tubu jew aktar tal-ħġieġ, bl-elementi kollha tad-dawl u komponenti elettroniċi mwaħħla mas-sieq tal-lampa, jew integrati fis-sieq tal-lampa kkunsinjati mill-Vjetnam, il-Pakistan u/jew il-Filippini, sew jekk kienux jew le ddikjarati bħala ta' oriġini mill-Vjetnam, il-Pakistan jew il-Filippini (il-kodiċi TARIC 85393190*92).”

Artikolu 3

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mid-9 ta' Frar 2001.

2.   Kwalunkwe rifużjoni tad-dazji antidumping imħallsa abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1470/2001 bejn id-9 ta' Frar 2001 u d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament preżenti għandha ssir mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 tat-22 ta' Mejju 2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet u partikolarment l-Artikolu 7 tagħha.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 1 ta’ Settembru 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

E. TUOMIOJA


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

(2)  ĠU L 195, 19.7.2001, p. 8.

(3)  ĠU L 145, 9.6.2005, p. 1.

(4)  ĠU C 301, 7.12.2004, p. 2.

(5)  ĠU L 38, 8.2.2001, p. 8.

(6)  ĠU L 130, 31.5.2000, p. 1.