9.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

387


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1301/2006

tal-31 ta' Awwissu 2006

li jistabbilixxi regoli komuni għall-amministrazzjoni ta’ kwoti ta’ tariffi fuq l-importazzjoni għal prodotti agrikoli ġestiti b’sistema ta’ liċenzji ta’ importazzjoni

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1784/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq taċ-ċereali (1), u partikularment l-Artikoli 9(2) u 12(1) tiegħu, u l-Artikoli korrispondenti tar-Regolamenti l-oħra dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq ta’ prodotti agrikoli,

Billi:

(1)

Il-Komunità bdiet biex tagħmel aċċessibbli kwoti ta’ tariffi fuq l-importazzjoni għal ċerti prodotti agrikoli. F’xi każijiet l-importazzjoni ta’ prodotti skont kwoti ta’ tariffi bħal dawn fuq l-importazzjoni hi soġġetta għal sistema ta’ liċenzjar tal-importazzjoni.

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3290/94 tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar l-aġġustamenti u l-arranġamenti tranżitorja meħtieġa fis-settur tal-agrikoltura biex ikunu implimentati l-ftehimiet konklużi matul ir-Round tal-Urugwaj ta’ negozjati multilaterali dwar il-kummerċ (2), kif ukoll diversi ftehimiet konklużi bejn il-Komunità u ċerti pajjiżi terzi u Deċiżjonijiet tal-Kunsill li jagħmlu aċċessibbli kwoti ta’ tariffi fuq l-importazzjoni fuq bażi awtonoma jipprovdu għal metodi differenti ta’ ġestjoni fir-rigward ta’ kwoti ta’ tariffi fuq l-importazzjoni soġġetti għal sistema ta’ liċenzjar tal-importazzjoni.

(3)

Biex ikunu ssimplifikati u mtejba l-effikaċja u l-utilità tal-mekkaniżmi ta’ amministrazzjoni u kontroll, għandhom jiġu stabbiliti kundizzjonijiet komuni għall-amministrazzjoni ta’ kwoti ta’ tariffi fuq l-importazzjoni soġġetti għal sistema ta’ liċenzjar tal-importazzjoni u li għandhom ikunu ġestiti b’metodu li bih il-liċenzji jiġu allokati approporzjon tal-kwantitajiet kollha mitluba (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-metodu ta’ eżami simultanju”), jew b’metodu ta’ importazzjoni msejjes fuq dokumenti li jkollhom jinħarġu minn pajjiżi terzi. Dispożizzjonijiet bħal dawn għandu jkollhom ukoll regoli għas-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet u liċenzji li għandhom japplikaw, fejn ikun meħtieġ, bħala żieda għal ċerti dispożizzjonijiet, jew bħala deroga minnhom, tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1291/2000 tad-9 ta’ Ġunju 2000 li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ liċenzji ta’ importazzjoni u esportazzjoni u ċertifikati ta’ ffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (3).

(4)

Għandu jkun hemm perjodu wieħed miftuħ kull sena ta’ kwoti ta’ importazzjoni fir-rigward tal-kwoti kollha ta’ tariffi fuq l-importazzjoni li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament. Iżda, f’xi każijiet, jista’ jkun hemm il-ħtieġa li jkunu pprovduti subperjodi fil-perjodu ta’ kull sena ta’ kwota ta’ importazzjoni.

(5)

L-esperjenza turi li jeħtieġ li jkunu stabbiliti dispożizzjonijiet biex iżommu dokumenti skorretti milli jkunu ppreżentati. Għandha, għalhekk, titwaqqaf sistema xierqa ta’ pieni, u għandhom jiġu determinati l-każijiet li għalihom m’għandhomx ikunu applikati pieni.

(6)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistipula l-Kodiċi Doganali Komunitarja (4) japplika għall-ġestjoni ta’ miżuri ta’ tariffi. Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarja (5), ir-Regolament (KEE) Nru 2454/93 huwa applikabbli bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f’oqsma oħra. Dawn id-dispożizzjonijiet speċifiċi jeżistu għall-ġestjoni ta’ kwoti ta’ tariffi fuq l-importazzjoni għal prodotti agrikoli ġestiti b’sistema ta’ liċenzji ta’ importazzjoni. Iżda r-regoli ta’ sorveljanza Komunitarja kif stabbiliti fl-Artikolu 308d tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 għandhom japplikaw biex itejbu l-kontrolli.

(7)

Fir-rigward tal-metodu ta’ eżami simultanju, għandhom jiġu stabbiliti regoli dettaljati li jkopru s-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet għal-liċenzji u l-informazzjoni meħtieġa. Minn dak l-aspett, biex jitjiebu l-kontrolli, għandha ssir dispożizzjoni biex l-applikanti jkunu jistgħu jissottomettu mhux aktar minn applikazzjoni waħda għal liċenzja ta’ importazzjoni għall-istess numru tal-ordni ta’ kwoti fir-rigward ta’ perjodu jew subperjodu partikulari ta’ kwota ta’ tariffi fuq l-importazzjoni, skont il-każ. Barra minn hekk, dawn l-applikazzjonijiet għandhom jiġu depożitati biss fi Stat Membru li fih l-applikant ikun stabbilit u rreġistrat għall-finijiet tal-VAT.

(8)

Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet li jirregolaw il-ħruġ ta’ liċenzji ta’ importazzjoni. Il-liċenzji għandhom jinħarġu wara perjodu adegwat għall-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għal-liċenzji li jkunu ntbagħtu. Iżda jekk il-kwantitajiet koperti mill-applikazzjonijiet għal-liċenzji jkunu jaqbżu l-kwantitajiet disponibbli għall-perjodu kkonċernat tal-kwota ta’ tariffi fuq l-importazzjoni, l-allokazzjoni għandha tkun soġġetta, skont il-każ, għall-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ allokazzjoni. Wara li jkun applikat dak il-koeffiċjent, ir-riżultat jista’, iżda, jkun jeħtieġlu jiġi adattat fir-rigward tad-deċimali biex jiġi żgurat li l-kwantità disponibbli ma tinqabiżx.

(9)

Għandu jkun hemm dispożizzjoni għall-perjodu ta’ validità ta’ liċenzji għall- importazzjoni li għandu jiġi ffissat mir-Regolamenti tal-Kummissjoni li jirregolaw il-kwota kkonċernata ta’ tariffi fuq l-importazzjoni. Iżda l-esperjenza turi li biex tkun żgurata l-aqwa effiċjenza fis-sorveljanza Komunitarja kif stipulat fl-Artikolu 308d tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93, fl-interess tal-ġestjoni tajba tal-kwoti ta’ tariffi fuq l-importazzjoni, għandu jkun hemm dispożizzjoni biex il-liċenzji ta’ importazzjoni ma jibqgħux validi wara l-aħħar jum tal-perjodu tal-kwota ta’ tariffi fuq l-importazzjoni, ukoll jekk dak il-jum ikun is-Sibt jew il-Ħadd jew btala pubblika, b’deroga mill-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971 li jiddetermina r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u termini ta’ żmien (6). Jekk detentur titulari jew konċessjonarju ta’ liċenzja ta’ importazzjoni ma jkunux jistgħu jużaw il-liċenzja minħabba każ ta’ force majeure, huma għandhom ikunu intitolati biss japplikaw għand il-korp kompetenti tal-Istat Membru tal-ħruġ tal-liċenzja biex din tkun ikkanċellata u, b’deroga mill-Artikolu 41 tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000, mhux biex il-perjodu ta’ validità tal-liċenzja jkun estiż wara l-aħħar jum tal-perjodu tal-kwota ta’ tariffi fuq l-importazzjoni.

(10)

Ir-regoli applikabbli għat-terminu ta’ żmien li fih għandha tingħata prova li kienu użati liċenzji għandhom ukoll ikunu stabbiliti.

(11)

Biex il-kwoti ta’ tariffi fuq l-importazzjoni jkunu ġestiti sewwa, il-Kummissjoni għandha tirċievi l-informazzjoni rilevanti fil-ħin.

(12)

Għandhom ikunu stabbiliti kundizzjonijiet komuni abbażi ta’ dokumenti maħruġin minn pajjiżi terzi, bħal liċenzji ta’ esportazzjoni, għall-ġestjoni tas-sistema.

(13)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-kumitati ta’ ġestjoni kkonċernati,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

PRINĊIPJI ĠENERALI

Artikolu 1

Ambitu u definizzjoni

1.   Bla ħsara għad-derogi stabbiliti fir-Regolamenti tal-Kummissjoni speċifiċi għal ċerti kwoti, dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli komuni għall-amministrazzjoni ta’ kwoti ta’ tariffi fuq l-importazzjoni ġestita b’sistema ta’ liċenzji ta’ importazzjoni u li l-ġestjoni tagħha taqa’ fl-ambitu tal-organizzazzjoni komuni ta’ suq.

Dan ir-Regolament m’għandux japplika għall-kwoti ta’ tariffi fuq l-importazzjoni elenkati fl-Anness I.

2.   Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni li jirregolaw kwota partikulari ta’ tariffi fuq l-importazzjoni ġestita b’sistema ta’ liċenzji fuq l-importazzjoni u li l-ġestjoni tagħha ma taqax fl-ambitu tal-organizzazzjoni komuni ta’ suq jistgħu jipprovdu li dan ir-Regolament għandu japplika għal dik il-kwota ta’ tariffi fuq l-importazzjoni.

3.   Ir-Regolament (KE) Nru 1291/2000 għandu japplika għal liċenzji ta’ importazzjoni, ħlief meta previst mod ieħor f’dan ir-Regolament.

4.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “kwota ta’ tariffi fuq l-importazzjoni” tfisser kwantità speċifikata ta’ prodotti li tista’ tkun importata matul perjodu limitat soġġetta għar-rinunzja totali (sospensjoni totali) jew parzjali (sospensjoni parzjali) tad-dazji normali applikabbli.

Artikolu 2

Perjodu ta’ kwota ta’ tariffi fuq l-importazzjoni

1.   Kwoti ta’ tariffi fuq l-importazzjoni għandhom ikunu aċċessibbli għal perjodu ta’ 12-il xahar konsekuttivi, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “perjodu ta’ kwota ta’ tariffi fuq l-importazzjoni”.

2.   Il-perjodu ta’ kwota ta’ tariffi fuq l-importazzjoni jista’ jinqasam f’diversi subperjodi.

Artikolu 3

Pieni

1.   Fejn jinstab li dokument ippreżentat minn applikant għall-attribuzzjoni tad-drittijiet derivanti minn Regolamenti tal-Kummissjoni li jirregolaw kwota partikulari ta’ importazzjoni jagħti informazzjoni żbaljata u fejn l-informazzjoni żbaljata kkonċernata tkun deċiżiva għall-attribuzzjoni ta’ dak id-dritt, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru għandhom:

(a)

iżommu lill-applikant milli jimporta kwalunkwe prodott li jaqa’ taħt il-kwota kkonċernata ta’ tariffi fuq l-importazzjoni għal matul il-perjodu kollu ta’ kwota ta’ tariffi fuq l-importazzjoni li matulu tkun saret is-sejba u;

(b)

jeskludu lill-applikant mis-sistema ta’ applikazzjoni għal liċenzja għall-kwota kkonċernata ta’ tariffi fuq l-importazzjoni matul il-perjodu li jkun imiss ta’ kwota ta’ tariffi fuq l-importazzjoni.

Iżda l-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu m’għandhomx japplikaw jekk l-applikant iġib prova, għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti, li l-pożizzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ma tkunx minħabba negliġenza gravi min-naħa tiegħu jew tkun minħabba force majeure jew żball ċar.

2.   Jekk applikant jippreżenta dokument żbaljat kif imsemmi fil-paragrafu 1 b’mod deliberat, dak l-applikant għandu:

(a)

jinżamm milli jimporta kwalunkwe prodott li jaqa’ taħt il-kwota kkonċernata ta’ tariffi fuq l-importazzjoni għall-perjodu kollu tal-kwota ta’ tariffi fuq l-importazzjoni li matulu tkun saret is-sejba u;

(b)

ikun eskluż mis-sistema ta’ applikazzjoni għal liċenzja għall-kwota kkonċernata ta’ tariffi fuq l-importazzjoni għal matul iż-żewġ perjodu li jkun imiss ta’ kwota ta’ tariffi fuq l-importazzjoni.

3.   Fejn tkun diġà saret l-importazzjoni qabel is-sejba msemmija fil-paragrafu 1 jew 2, kull vantaġġ finanzjarju mhux dovut li jirriżulta minħabba f’hekk għandu jiġi rkuprat.

4.   Soġġett għall-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (7), il-pieni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu bla ħsara għal kull piena addizzjonali skont dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju jew nazzjonali.

Artikolu 4

Sorveljanza ta’ prodotti

Fuq talba tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni dettalji dwar il-kwantitajiet ta’ prodotti mqiegħda f’ċirkulazzjoni ħielsa skont il-kwoti ta’ tariffi fuq l-importazzjoni matul ix-xhur speċifikati mill-Kummissjoni, konformi mal-Artikolu 308d tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

Artikolu 5

Applikanti

L-applikanti għandhom jibagħtu, fiż-żmien tal-ewwel applikazzjoni tagħhom għal perjodu partikulari ta’ kwota ta’ tariffi fuq l-importazzjoni mibgħuta lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti u li fih ikunu rreġistrati għall-finijiet tal-VAT, l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 6 (1) flimkien ma’ prova li fiż-żmien li l-applikazzjoni tagħhom tkun intbagħtet, huma kienu jaħdmu fil-kummerċ ma’ pajjiżi terzi ta’ prodotti koperti mill-organizzazzjoni rilevanti tas-suq komuni:

matul il-perjodu ta’ 12-il xahar immedjatament qabel iż-żmien ta’ dik l-applikazzjoni, u

matul il-perjodu ta’ 12-il xahar immedjatament qabel il-perjodu ta’ 12-il xahar imsemmi fl-ewwel inċiż.

Il-prova ta’ kummerċ ma’ pajjiżi terzi għandha tingħata esklussivament permezz tad-dokumenti doganali ta’ rilaxx f’ċirkulazzjoni ħielsa, approvati kif imiss mill-awtoritajiet doganali u li jkun fihom referenza għall-applikant ikkonċernat bħala l-konsenjatarju, jew permezz tad-dokument doganali ta’ esportazzjoni approvat kif imiss mill-awtoritajiet doganali.

L-aġenti jew ir-rappreżentanti doganali m’għandhomx japplikaw għal liċenzji ta’ importazzjoni skont il-kwoti li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament.

KAPITOLU II

METODU TA’ EŻAMI SIMULTANJU

Artikolu 6

Applikazzjonijiet għal liċenzji ta’ importazzjoni u liċenzji ta’ importazzjoni

1.   L-applikanti għal liċenzji ta’ importazzjoni m’għandhomx jiddepożitaw aktar minn applikazzjoni waħda għal liċenzja ta’ importazzjoni għall-istess numru tal-ordni ta’ kwota fir-rigward ta’ perjodu jew subperjodu ta’ kwota ta’ tariffi fuq l-importazzjoni. Fejn applikant jiddepożita aktar minn applikazzjoni waħda, l-ebda waħda mill-applikazzjonijiet tiegħu ma tkun ammissibbli.

2.   B’konformità mal-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000, għandha tiġi depożitata garanzija. Il-garanzija għandha tkun rilaxxata fir-rigward ta’ kwantitajiet koperti minn applikazzjonijiet li għalihom ma tkunx tista’ tinħareġ liċenzja wara l-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ allokazzjoni imsemmi fl-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament.

3.   Fejn dan jitqies li jkun meħtieġ għall-ġestjoni ta’ kwota partikulari ta’ tariffi fuq l-importazzjoni, ir-Regolamenti tal-Kummissjoni li jirregolaw dik il-kwota jistgħu jipprovdu għal kundizzjonijiet addizzjonali. Jistgħu, b’mod partikulari, jipprovdu għall-applikazzjoni ta’ sistema li skontha l-kwoti jkunu ġestiti bl-attribuzzjoni ta’ drittijiet ta’ importazzjoni bħala l-ewwel pass u l-ħruġ ta’ liċenzji ta’ importazzjoni bħala t-tieni.

Il-paragrafi 1, 2 u 5 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 5, l-Artikolu 7(1) it-tieni subparagrafu, l-Artikolu 7(2) u (4) u l-Artikolu 11(1)(a) għandhom japplikaw mutatis mutandis fejn tkun applikata sistema ta’ attribuzzjoni ta’ drittijiet ta’ importazzjoni.

4.   Il-kaxxa 20 ta’ applikazzjonijiet għal liċenzji ta’ importazzjoni u liċenzji ta’ importazzjoni għandu jkollha n-numru tal-ordni tal-kwota ta’ tariffi fuq l-importazzjoni msemmi fil-paragrafu 1.

5.   Applikazzjoni għal liċenzja ta’ importazzjoni jista’ ma jkollhiex x’taqsam, skont perjodu jew subperjodu ta’ kwota ta’ tariffi fuq l-importazzjoni, ma’ kwantità li taqbeż il-kwantità jew, skont il-każ, il-limitu ffissat mir-Regolamenti tal-Kummissjoni li jirregolaw il-kwota ta’ tariffi fuq l-importazzjoni għal dak il-perjodu jew subperjodu ta’ kwota ta’ tariffi fuq l-importazzjoni.

6.   L-applikazzjonijiet għal liċenzji ta’ importazzjoni għandhom jiġu depożitati matul perjodu ffissat mir-Regolamenti tal-Kummissjoni li jirregolaw il-kwota ta’ tariffi fuq l-importazzjoni in kwistjoni. Dak il-perjodu jista’ jiġi qabel il-perjodu jew is-subperjodu ta’ kwota ta’ tariffi fuq l-importazzjoni.

7.   Il-kwantitajiet għandhom jintwerew skont il-piż, il-volum f’unitajiet sħaħ jew fi bċejjeċ, mhux fi frazzjonijiet tagħhom, fl-applikazzjonijiet għal liċenzja ta’ importazzjoni.

Artikolu 7

Ħruġ ta’ liċenzji ta’ importazzjoni

1.   Il-liċenzji ta’ importazzjoni għandhom jinħarġu f’perjodu speċifiku ffissat mir-Regolamenti tal-Kummissjoni li jirregolaw il-kwota ta’ tariffi fuq l-importazzjoni in kwistjoni, soġġett għall-miżuri adottati mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 2.

Il-liċenzji għandhom jinħarġu għall-applikazzjonijiet kollha depożitati skont id-dispożizzjonijiet rilevanti u nnotifikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(1)(a). Il-liċenzji ta’ importazzjoni m’għandhomx jinħarġu għal kwantitajiet li ma kinux ġew innotifikati.

2.   Fejn l-informazzjoni notifikata mill-Istati Membri skont l-Artikolu 11 turi li l-kwantitajiet koperti mill-applikazzjonijiet għal liċenzji jaqbżu l-kwantitajiet disponibbli għall-perjodu jew subperjodu ta’ kwota ta’ tariffi fuq l-importazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiffissa koeffiċjent ta’ allokazzjoni, li l-Istati Membri għandhom japplikaw għall-kwantitajiet koperti minn kull applikazzjoni għal liċenzja.

Il-koeffiċjent ta’ allokazzjoni għandu jkun ikkalkulat kif ġej:

[(kwantità disponibbli/kwantità mitluba) × 100] %

Fejn ikun japplika, il-Kummissjoni għandha taġġusta dan il-koeffiċjent biex tiżgura li l-kwantitajiet disponibbli għall-perjodu jew subperjodi ta’ kwota ta’ tariffi fuq l-importazzjoni fl-ebda każ ma jinqabżu.

3.   Il-liċenzji ta’ importazzjoni għandhom jinħarġu għall-kwantitajiet koperti mill- applikazzjonijiet għal liċenzji, immultiplikati bil-koeffiċjent ta’ allokazzjoni msemmi fil-paragrafu 2.

L-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ allokazzjoni għandu jinqata’ għad-dritt ’l isfel sa l-eqreb unità.

4.   Kwantitajiet mhux allokati jew mhux użati matul subperjodu ta’ kwota ta’ tariffi fuq l-importazzjoni għandhom ikunu determinati abbażi tal-informazzjoni mogħtija millIstati Membri skont l-Artikolu 11. Dawn il-kwantitajiet għandhom jiżdiedu awtomatikament mas-subperjodu ta’ wara biex jitqassmu mill-ġdid.

Iżda ebda kwantità m’għandha tiġi ttrasferita għall-perjodu ta’ wara ta’ kwota ta’ tariffi fuq l-importazzjoni.

Artikolu 8

Perjodu ta’ validità ta’ liċenzji ta’ importazzjoni

Il-liċenzji ta’ importazzjoni maħruġin skont l-Artikolu 7 għandhom ikunu validi għall-perjodu ta’ validità ffissat mir-Regolamenti tal-Kummissjoni li jirregolaw il-kwota kkonċernata ta’ tariffi fuq l-importazzjoni. F’kull każ, liċenzji ta’ importazzjoni m’għandhomx jibqgħu validi wara l-aħħar jum tal-perjodu ta’ kwota ta’ tariffi fuq l-importazzjoni. L-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KEE) Nru 1182/71 m’għandux japplika.

Jekk il-perjodu ta’ validità ta’ liċenzja ta’ importazzjoni jintemm fl-aħħar jum tal-perjodu kkonċernat ta’ kwota ta’ tariffi fuq l-importazzjoni, waħda mill-approvazzjonijiet enlenkati fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament għandha tiddaħħal fil-kaxxa 24 tal-liċenzja ta’ importazzjoni meta din tinħareġ.

Fil-każ imsemmi fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, b’deroga mill-Artikolu 41 tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000, il-perjodu ta’ validità tal-liċenzja m’għandux, f’kull każ, ikun estiż wara l-aħħar jum tal-perjodu ta’ kwota ta’ tariffi fuq l-importazzjoni.

Artikolu 9

Dazju doganali

Id-dazju doganali ffissat mir-Regolamenti tal-Kummissjoni li jirregolaw il-kwota kkonċernata ta’ tariffi fuq l-importazzjoni għandu jiddaħħal fil-kaxxa 24 tal-liċenzja ta’ importazzjoni bl-użu ta’ waħda mill-entraturi mudelli elenkati fl-Anness III.

Artikolu 10

Prova tal-utilizzazzjoni tal-liċenzji

L-Artikolu 35(6) tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000 għandu japplika għal liċenzji ta’ importazzjoni li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 11

Notifiki lill-Kummissjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni:

(a)

dwar il-kwantitajiet totali, inklużi prospetti negattivi, koperti minn applikazzjonijiet tal-liċenzja f’perjodu speċifiku ffissat mir-Regolamenti tal-Kummissjoni li jirregolaw il-kwota rilevanti ta’ tariffi fuq l-importazzjoni wara d-data tal-għeluq għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet;

(b)

dwar il-kwantitajiet, inklużi prospetti negattivi, koperti minn liċenzji ta’ importazzjoni li huma jkunu ħarġu;

(c)

dwar il-kwantitajiet, inklużi prospetti negattivi, koperti minn liċenzji ta’ importazzjoni mhux użati jew użati parzjalment u li jikkorrispondu għad-differenza bejn il-kwantitajiet annotati fuq in-naħa ta’ wara tal-liċenzji ta’ importazzjoni u l-kwantitajiet li għalihom ikunu nħarġu.

L-informazzjoni msemmija fil-punti (b) u (c) għandha tkun innotifikata mill-anqas fi żmien xahrejn mill-iskadenza tal-perjodu ta’ validità tal-liċenzji in kwistjoni.

2.   In-notifiki msemmija fil-paragrafu 1 għandhom isiru b’mezzi elettroniċi bl-użu tal-formula li l-Istati Membri jistgħu jiksbu mingħand il-Kummissjoni.

3.   In-notifiki, inklużi prospetti negattivi, għandhom jintbagħtu sas-13.00 (ħin ta’ Brussell) mhux aktar tard mid-data speċifikata. Għall-finijiet ta’ notifiki lill-Kummissjoni skont dan l-Artikolu, fejn issir referenza għal jiem tax-xogħol f’Regolament tal-Kummissjoni li jirregola kwota partikulari ta’ tariffi fuq l-importazzjoni, din għandha tkun interpretata bħala referenza għal jiem tax-xogħol għall-Kummissjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KEE) Nru 1182/71.

KAPITOLU III

METODU TA’ ĠESTJONI MSEJJES FUQ DOKUMENTI MAĦRUĠIN MINN PAJJIŻI TERZI

Artikolu 12

Prinċipji ġenerali

Fejn kwota ta’ tariffi fuq l-importazzjoni tkun amministrata bl-użu ta’ metodu msejjes fuq dokument maħruġ minn pajjiż terz, dokument bħal dak għandu jkun ippreżentat lill-korp kompetenti ta’ ħruġ tal-Istat Membru, flimkien mal-applikazzjoni għal-liċenzja ta’ importazzjoni li għaliha dak id-dokument ikun relatat. L-oriġinal tad-dokument għandu jinżamm minn dak il-korp kompetenti.

Artikolu 13

Applikazzjonijiet għal liċenzja ta’ importazzjoni, liċenzji ta’ importazzjoni u notifiki

L-Artikolu 6 (2), (3) u (4), l-Artikoli 8, 9 u 10, l-Artikolu 11(1)(b) u (c), l-Artikolu 11(2), (3) u, fejn japplika, l-Artikolu 11(1)(a) għandhom japplikaw mutatis mutandis fejn il-metodu ta’ ġestjoni msejjes fuq dokumenti maħruġin minn pajjiżi terzi jkun applikat.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika għal-liċenzji ta’ importazzjoni għal perjodi ta’ kwota ta’ tariffi fuq l-importazzjoni li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 31 ta' Awwissu 2006.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 270, 21.10.2003, p. 78. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1154/2005 (ĠU L 187, 19.7.2005, p. 11).

(2)   ĠU L 349, 31.12.1994, p. 105. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1340/98 (ĠU L 184, 27.6.1998, p. 1).

(3)   ĠU L 152, 24.6.2000, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 410/2006 (ĠU L 71, 10.3.2006, p. 7).

(4)   ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 402/2006 (ĠU L 70, 9.3.2006, p. 35).

(5)   ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 117, 4.5.2005, p. 13).

(6)   ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1.

(7)   ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1


ANNESS I

“Zokkor preferenzjali AKP-India” kif imsemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 950/2006 tat-28 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati ta’ applikazzjoni għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007, 2007/2008 u 2008/2009 għall-importazzjoni u r-raffinar ta’ prodotti taz-zokkor skont ċerti kwoti ta’ tariffi u ftehimiet preferenzjali (1).

Kwoti ta’ tariffi fuq l-importazzjoni li jaqgħu fl-ambitu tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1839/95 tas-26 ta’ Lulju 1995 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ kwoti ta’ tariffi għall-importazzjoni ta’ qamħirrum u sorgu għal Spanja u l-importazzjoni ta’ qamħirrum għall-Portugall (2).

Kwoti ta’ tariffi fuq l-importazzjoni li jaqgħu fl-ambitu tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1964/2005 tad-29 ta’ Novembru 2005 dwar rati ta’ tariffi għall-banana (3).


(1)   ĠU L 178, 1.7.2006, p. 1.

(2)   ĠU L 177, 28.7.1995, p. 4.

(3)   ĠU L 316, 2.12.2005, p. 1


ANNESS II

Approvazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8

bl-Ispanjol

:

No es de aplicación el artículo 3, apartado 4, del Reglamento (CEE) no 1182/71

biċ-Ċek

:

Ustanovení čl. 3 odst. 4 nařízení (EHS) č. 1182/71 se nepoužije

bid-Daniż

:

Artikel 3, stk. 4, i forordning (EØF) nr. 1182/71 finder ikke anvendelse

bil-Ġermaniż

:

Artikel 3 (4) von Verordnung (EWG) Nr. 1182/71 kommt nicht zur Anwendung.

bl-Estonjan

:

Määruse (EMÜ) nr 1182/71 artikli 3 lõiget 4 ei kohaldata

bil-Grieg

:

Το άρθρο 3 (4) του Κανονισμού (ΕΚ) αριθ. 1182/71 δεν εφαρμόζεται

bl-Ingliż

:

Article 3(4) of Regulation (EEC) No 1182/71 shall not apply.

bil-Franċiż

:

L’article 3, paragraphe 4, du règlement (CEE) no 1182/71 ne s’applique pas.

bit-Taljan

:

L'articolo 3, paragrafo 4 del regolamento (CEE) n. 1182/71 non si applica.

bil-Latvjan

:

Regulas (EEK) Nr. 1182/71 3. panta 4. punktu nepiemēro

bil-Litwan

:

Reglamento (EEB) Nr. 1182/71 3 straipsnio 4 dalis netaikoma

bl-Ungeriż

:

Az 1182/71/EGK rendelet 3. cikkének (4) bekezdését nem kell alkalmazni

bil-Malti

:

Artiklu 3(4) tar-Regolament (KEE) Nru 1182/71 m'għandux japplika

bl-Olandiż

:

Artikel 3 (4) van Verordening (EEG) Nr 1182/71 is niet van toepassing.

bil-Pollakk

:

Artykuł 3 ust. 4 rozporządzenia (EWG) nr 1182/71 nie ma zastosowania

bil-Portugiż

:

O no. 4 do artigo 3.° do Regulamento (CEE) n. 1182/71 não se aplica.

bis-Slovakk

:

Článok 3 ods. 4 nariadenia (EHS) č. 1182/71 sa neuplatňuje

bis-Sloven

:

Člen 3(4) Uredbe (EGS) št. 1182/71 se ne uporablja

bil-Finlandiż

:

Asetuksen (ETY) N:o 1182/71 3 (4) artiklaa ei sovelleta.

Bl-Iżvediż

:

Artikel 3.4 i förordning (EEG) nr 1182/71 skall inte tillämpas


ANNESS III

Annotazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 9

bl-Ispanjol

:

Derecho de aduana … — Reglamento (CE) no …/…

biċ-Ċek

:

Celní sazba … – nařízení (ES) č. …/…

bid-Daniż

:

Toldsats … — forordning (EF) nr. …/…

bil-Ġermaniż

:

Zollsatz … — Verordnung (EG) Nr. …/…

bl-Estonjan

:

Tollimaks … — määrus (EÜ) nr …/…

bil-Grieg

:

Δασμός … — Κανονισμός (ΕΚ) αριθ. …/…

bl-Ingliż

:

Customs duty … — Regulation (EC) No …/…

bil-Franċiż

:

Droit de douane: … — Règlement (CE) no …/…

bit-Taljan

:

Dazio: … — Regolamento (CE) n. …/…

bil-Latvjan

:

Muitas nodoklis … – Regula (EK) Nr. …/…

bil-Litwan

:

Muito mokestis … – Reglamentas (EB) Nr. …/…

bl-Ungeriż

:

Vámtétel: … – …/…/EK rendelet

bil-Malti

:

Dazju Doganali … — Regolament (KE) Nru …/…

bl-Olandiż

:

Douanerecht: … – Verordening (EG) nr. …/…

bil-Pollakk

:

stawka celna … — Rozporządzenie (WE) nr …/…

bil-Portugiż

:

Direito aduaneiro: … — Regulamento (CE) no …/…

bis-Slovakk

:

Clo … – nariadenie (ES) č. …/…

bis-Sloven

:

Carina: … – Uredba (ES) št. …/…

bil-Finlandiż

:

Tulli … – Asetus (EY) N:o …/…

bl-Iżvediż

:

Tull … – Foerordning (EG) nr …/…