9.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

368


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1193/2006

ta' l-4 ta' Awwissu 2006

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1990/2004 li jistabbilixxi miżuri tranżitorji fis-settur tal-inbid minħabba l-adeżjoni tal-Ungerija fl-Unjoni Ewropea

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat tal-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja,

Wara li kkunsidrat l-Att tal-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja, u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 41 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 27(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid (1) jistabbilixxi li l-persuni jew korpi jew gruppi ta’ persuni li għamlu l-inbid huma obbligati li jiddistillaw it-totalità tal-prodotti sekondarji li rriżultaw minn din il-produzzjoni.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1623/2000 tal-25 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid fir-rigward tal-mekkaniżmi tas-suq (2), jistabbilixxi regoli għall-implimentazzjoni ta’ dan l-obbligu ta’ distillazzjoni kif ukoll, fl-Artikolu 49 tiegħu, xi possibbiltajiet ta’ derogi.

(3)

L-Ungerija adottat il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ dan l-obbligu ta’ distillazzjoni. Għaldaqstant, id-distilleriji fl-Ungerija ma jesgħux biżżejjed biex ikunu ddistillati l-prodotti sekondarji kollha.

(4)

Ir-Reglament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1990/2004 (3) awtorizza lill-Ungerija sabiex teskludi ċerti kategoriji ta’ produtturi mill-obbligu li jiddistillaw il-prodotti sekondarji tal-produzzjoni tal-inbid għas-sena tal-inbid 2004/2005. Din l-awtorizzazzjoni ġiet imġedda għas-sena tal-inbid 2005/2006. Fid-dawl tas-sitwazzjoni deskritta hawn fuq, din l-awtorizzazzjoni għandha terġa’ tiġġedded għas-sena tal-inbid 2006/2007.

(5)

Għalhekk għandu jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 1990/2004.

(6)

Il-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament jaqblu mal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni tal-Inbejjed,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1990/2004, il-kliem “għas-snin tas-suq 2004/2005 u 2005/2006” huma mibdulin bil-kliem “għas-snin tas-suq 2004/2005, 2005/2006 u 2006/2007”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ mit-tielet jum wara li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Ufficjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 4 ta' Awwissu 2006.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 179, 14.7.1999, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2165/2005 tal-20 ta’ Diċembru 2005 (ĠU L 345, 28.12.2005, p. 1).

(2)  ĠU L 194, 31.7.2000, p. 45. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1820/2005 tat-8 ta’ Novembru 2005 (ĠU L 293, 9.11.2005, p. 8).

(3)  ĠU L 344, 20.11.2004, p. 8. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1215/2005 (ĠU L 199, 29.7.2005, p. 31).