|
1.12.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
135 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1041/2006
tas-7 ta' Lulju 2006
li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-monitoraġġ ta' l-enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu fil-bhejjem ovini
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, l-kontroll u l-qerda ta' ċerti enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu (1), u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 23 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi r-regoli għall-monitoraġġ ta' enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu (TSE) f'bhejjem ovini. |
|
(2) |
F’Marzu ta’ l-2006, bord ta’ l-esperti dwar it-TSE fl-annimali żgħar li jixtarru, ppresedut mil-laboratorju Komunitarju ta' Referenza għat-TSEs (CRL), ikkonferma li l-enċefalopatija sponġiformi bovina (BSE) f'dawk l-annimali ma tistax tiġi eskluża wara r-riżultati tat-tieni stadju ta' testjar diskriminatorju tal-kampjuni ta’ l-imħuħ minn żewġ nagħaġiet minn Franza u nagħġa waħda minnĊipru. Iktar testjar huwa meħtieġ sabiex tiġi eskluża l-preżenza tal-BSE f’tali annimali. |
|
(3) |
F’April 2002, l-ex Kumitat Xjentifiku ta’ Direzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (SSC) adotta opinjoni dwar il-provenjenza mingħajr perikolu ta’ materjali ruminanti żgħar jekk il-BSE ssir probabbiltà fil-bhejjem żgħar li jixtarru. Fl-opinjoni tiegħu ta’ Novembru 2003, il-Bord Xjentifiku dwar il-Perikoli Bijoloġiċi ta' l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà ta' l-Ikel (EFSA) approva r-rakkomandazzjonijiet ta' l-SSC fir-rigward tas-sigurtà ta' ċerti prodotti ta' annimali żgħar li jixtarru f'dak li għandu x'jaqsam mat-TSE. |
|
(4) |
Is-sinifikat ta’ dawn il-każijiet tat-TSE fi Franza u f’Ċipru, fejn il-preżenza tal-BSE ma tistax tiġi eskluża għandha tiġi vvalutata. Sabiex dan jista' jsir, ir-riżultati ta' monitoraġġ miżjud tat-TSEs fin-nagħaġ se jkun essenzjali. Għalhekk, u bi qbil ma' l-opinjonijiet ta' l-SSC u l-EFSA, il-monitoraġġ tan-nagħaġ għandu jkun estiż sabiex jittejjbu l-programmi ta' qerda tal-Komunità. Dawk il-programmi wkoll iżidu l-livell ta' protezzjoni tal-konsumaturi, flimkien mal-ksib mingħajr periklu ta' prodotti tan-nagħaġ żgurata wkoll bil-miżuri kurrenti, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar it-tneħħija ta' materjali speċifiċi ta' riskju, fir-Regolament (KE) Nru 999/2001. |
|
(5) |
Il-monitoraġġ estiż għandu jkun ibbażat fuq stħarriġ li huwa statistikament validu sabiex il-prevalenza probabbli tal-BSE fin-nagħaġ tiġi ddeterminata malajr kemm jista' jkun, kif ukoll sabiex jittejjeb l-għarfien dwar id-distribuzzjoni ġeografika u t-tqassim tal-marda. |
|
(6) |
Fid-dawl tal-livell għoli tat-TSEs fil-popolazzjoni ovina u kaprina f’ Ċipru il-monitoraġġ estiż ta’ l-annimali ovini jista’ jiġi llimitat f’imrieħel li mhumiex infettati. |
|
(7) |
Il-Programm ta’ monitoraġġ fl-annimali ovini għandu jiġi rrivedut wara mhux iktar minn sitt xhur tal-monitoraġġ effettiv. |
|
(8) |
Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandu għalhekk jiġi emendat. |
|
(9) |
Sabiex ikun aċċertat l-ogħla livell ta' ħarsien tal-konsumaturi permezz tal-prevalenza possibbli tal-BSE fl-annimali ovini, l-emendi magħmula minn dan ir-Regolament għandhom jidħlu fis-seħħ mill-iktar fis. |
|
(10) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness III għar-Regolament (KE) 999/2001 huwa emendat skond l-Anness għal dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada ta' meta ssir il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 7 ta' Lulju 2006.
Għall-Kummissjoni
Markos KYPRIANOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 688/2006 (ĠU L 120, 5.5.2006, p. 10).
ANNESS
Fil-Parti II ta' l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Kapitolu A, il-punti 2 u 3 jinbidlu b'dan li ġej:
“2. Monitoraġġ ta' bhejjem ovini jew kaprini maqtula għall-konsum mill-bniedem
(a) Annimali ovini
L-Istati Membri għandhom jittestjaw il-bhejjem ovini maqtula f' saħħithom skond id-daqs minimu ta' kampjunar elenkati f'Tabella A ta’ dan il-punt u r-regoli tal-kampjunar stipolati fil-punt 4.
Tabella A
|
Stat Membru |
Daqs massimu tal-kampjuni f’annimali ovini maqtula f’saħħithom (1) |
|
Il-Ġermanja |
37 500 |
|
Il-Greċja |
23 000 |
|
Spanja |
41 800 |
|
Franza |
42 400 |
|
L-Irlanda |
40 500 |
|
L-Italja |
43 700 |
|
L-Olanda |
23 300 |
|
L-Awstrija |
14 300 |
|
Il-Polonja |
23 300 |
|
Il-Portugall |
14 300 |
|
Ir-Renju Unit |
44 000 |
|
Stati Membri Oħra |
kollha |
Permezz tad-deroga mill-qisien minimu tal-kampjuni elenkati fit-Tabella A Ċipru jista' jiddeċiedi li jittestja minimu ta' żewġ annimali ovini biss mibgħuta għad-dbiċċir għall-konsum mill-bniedem minn kull merħla li fiha ebda każ tat-TSE ma ġie rreġistrat.
(b) Annimali kaprini
L-Istati Membri għandhom jittestjaw bhejjem kaprini maqtula f' saħħithom skond id-daqs minimu ta' kampjunar elenkati f'Tabella A ta’ dan il-punt u r-regoli tal-kampjunar stipolati fil-punt 4.
Tabella B
|
Stat Membru |
Daqs massimu tal-kampjuni f’annimali kaprini maqtula f’saħħithom (2) |
|
Il-Greċja |
20 000 |
|
Spanja |
125 500 |
|
Franza |
93 000 |
|
L-Italja |
60 000 |
|
Ċipru |
5 000 |
|
L-Awstrija |
5 000 |
|
Stati Membri Oħra |
kollha |
(c) Fejn Stat Membru jsibha diffiċli jiġbor numri biżżejjed ta' bhejjem ovini jew kaprini maqtula f'saħħithom sabiex ikun jista' jilħaq id-daqs minimu ta' kampjun allokat lilu stabbilit fil-punti (a) u (b), jista' jagħżel li jibdel il-massimu ta' 50 % tad-daqs minimu tal-kampjun tiegħu billi jittestja bhejjem kaprini mejta ta' età 'l fuq minn 18-il xahar b' rata ta' wieħed għal wieħed, u flimkien mad-daqs minimu tal-kampjuni stabbilit f'punt 3. Aktar minn hekk Stat Membru jista’ jagħżel li jbiddel massimu ta’ 10 % tad-daqs tal-kampjun tiegħu billi jittestja l-annimali ovini u kaprini maqtula fil-qafas ta’ kampanja għall-qerda tal-marda ta’ età ogħla minn 18-il xahar fil-proporzjon ta’ wieħed għal kull wieħed.
3. Monitoraġġ ta' bhejjem ovini jew kaprini mhux maqtula għall-konsum mill-bniedem
L-Istati Membri għandhom jittestjaw skond ir-regoli tal-kampjunar stipolati fil-punt 4 u d-daqs minimu tal-kampjuni indikati fit-tabella B u t-tabella C, l-annimali ovini u kaprini li kienu mietu jew li ġew maqtula, iżda li ma kinux:
|
— |
ġew maqtula fil-qafas ta’ kampanja għall-qerda ta’ marda, jew |
|
— |
ġew maqtula għall-konsum tal-bniedem. |
Tabella Ċ
|
Popolazzjoni fl-Istati Membri tan-nagħaġ u tal-ħrief mgħammra għall-muntun |
Daqs minimu tal-kampjun ta’ annimali ovini maqtula (3) |
|
> 750 000 |
20 000 |
|
100 000 -750 000 |
3 000 |
|
40 000 -100 000 |
100 % sa 1 000 |
|
< 40 000 |
100 % sa 200 |
Tabella D
|
Popolazzjoni fl-Istat Membru ta’ mogħoż li diġà kellhom il-gidjien u mogħoż li ġew mgħammra |
Daqs minimu tal-kampjun ta’ l-annimali kaprini mejtin (4) |
|
> 750 000 |
10 000 |
|
250 000 -750 000 |
3 000 |
|
40 000 -250 000 |
100 % sa 1 000 |
|
< 40 000 |
100 % sa 200 |
(1) Daqsijiet minimi tal-kampjuni huma stipolati sabiex jittieħed in konsiderazzjoni n-numru ta' annimali ovini maqtula f’saħħithom u huma maħsuba li jwasslu għal miri li jistgħu jinkisbu. Id-daqs minimiu tal-kampjuni ogħla minn 30 000 jippermetti d-determinazzjoni dwar il-prevalenza ta’ 0,003 % b’ possibbiltà ta’ konfidenza ta’ 95 %.
(2) Id-daqs minimu tal-kampjuni huwa stipolat sabiex jittieħed in konsiderazzjoni l-ammont tan-numru ta’ l-annimali kaprini maqtula u l-prevalenza tal-BSE fl-Istat Membru individwali. Huma maħsuba wkoll biex jipprovdu mira li hija aċċessibbli. Id-daqs minimu tal-kampjuni ogħla minn 60 000 jippermetti d-determinazzjoni dwar il-prevalenza ta’ 0,0017 % b’ possibbiltà ta’ konfidenza ta’ 95 %.
(3) Daqsijiet minimi tal-kampjuni huma stipolati sabiex jittieħed in konsiderazzjoni id-daqs tal-popolazzjoni ta’ l-annimali ovini u kaprini fl-Istati Membri individwali u li huma maħsuba li jipprovdu miri li huma aċċessibbli.
(4) Daqsijiet minimi tal-kampjuni huma stipolati sabiex jittieħed in konsiderazzjoni id-daqs tal-popolazzjoni ta’ l-annimali ovini u kaprini fl-Istati Membri individwali u li huma maħsuba li jipprovdu miri li huma aċċessibbli.”