1.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

43


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 949/2006

tas-27 ta' Ġunju 2006

li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-Nomenklatura tat-Tariffa u l-lstatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-Nomenklatura tat-Tariffa u l-Istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u partikolarment l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Bir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 535/94 tad-9 ta' Marzu 1994 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-Nomenklatura tat-Tariffa u l-Istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (2), in-Nota Addizzjonali 8 iddaħlet fil-Kapitolu 2 tan-Nomenklatura Magħquda sabiex tiċċara l-klassifikazzjoni tal-laħam immellaħ u l-ġewwieni (laħam) li jittiekel u li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 0210 (“Laħam u ġewwieni li jittiekel, immellaħ, imnixxef jew affumikat; dqiq u pasti mill-laħam u mill-ġewwieni li jittieklu”) Fl-1995 din in-nota ingħatalha n-numru ġdid Nota Addizzjonali 7.

(2)

In-nota Addizzjonali 7 ġiet emendata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1871/2003 tat-23 ta’ Ottubru 2003 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-Nomenklatura tat-Tariffa (3) u l-Istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni sabiex tiċċara, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, li t-tmelliħ fit-tifsira ta’ l-intestatura 0210 huwa sabiex tiġi żgurata l-preżervazzjoni fit-tul.

(3)

Il-Kummissjoni adottat fl-2002 ir-Regolament (KE) Nru 1223/2002 tat-8 ta’ Lulju 2002 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda (4) li skondu qatgħat tal-laħam tat-tiġieġ mingħajr għadam, iffriżati u mmellħa f’kull parti, b’kontenut ta’ melħ bil-piż bejn 1.2 u 1.9 %, għandhom jiġu kklassifikati taħt il-Kodiċi NM 0207 14 10.

(4)

Wara oġġezzjoni fil-WTO minn ċerti pajjiżi esportaturi għar-Regolament tal-Kummissjoni 1223/2002, Bord tal-WTO u l-Organu ta’ l-Appell tal-WTO ikkonkludew lit-tiġieġ bla għadam iffriżat b’kontenut ta’ melħ bejn 1.2 u 3 % huwa kopert mill-intestatura 0210.

(5)

Il-kwistjoni ġenerali ta' l-interpretazzjoni ta' l-intestatura 0210 u l-klassifikazzjoni ta' dawn l-oġġetti tqajmet mill-Komunità Ewropea fil-korpi xierqa ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana.

(6)

Sabiex il-liġi Komunitarja tinġieb konformi ma' l-obbligi internazzjonali tal-Komunità kif inhuma bħalissa, kif interpretati mill-oragni kompetenti tal-WTO, in-Nota Addizzjonali 7 għall-Kapitolu 2 jeħtiġilha tiġi emendata fir-rigward tal-laħam u l-ġewwieni mil-laħam li jaqa' taħt 0210 99. Dan mingħajr preġudizzju għar-riżultat eventwali ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħuda f’dan ir-rigward mill-korpi xierqa ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana.

(7)

L-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 2658/87 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan.

(8)

Jixraq li r-Regolament (KE) Nru 1223/2002, li jikklassifika taħt il-Kodiċi NM 0207 14 10 qatgħat tal-laħam tat-tiġieġ mingħajr għadam, iffriżati u mmellħa f’kull parti, b’kontenut ta’ melħ bil-piż bejn 1.2 u 1.9 %, għandu jieqaf milli jibqa’ validu sa mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u għandu għalhekk jiġi rrevokat.

(9)

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-27 ta’ Ġunju 2006 fi tmiem il-perjodu raġonevoli ta’ żmien mogħti mill-WTO biex il-Komunità ġġib lilha nnifsha konformi. Ir-rikors għad-DSU mhuwiex soġġett għal limiti ta’ żmien. Ir-rakkomandazzjonijiet fir-rapport adottati mid-DSB għandhom biss effett prospettiv. B’hekk, ir-regolament ma jistax ikollu effetti retroattivi u lanqas ma jipprovdi gwida interprettativa fuq bażi retroattiva. Billi ma jistax jopera biex jipprovdi gwida interpretattiva għall-klassifikazzjoni tal-prodotti li ġew importati qabel is-27 ta’ Ġunju 2006, ma jistax iservi bħala bażi għar-rimbors ta’ kwalunkwe dazju mħallas qabel dik id-data.

(10)

Il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali ma ppubblikax opinjoni fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-President tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

In-Nota Addizzjonali 7 tal-Kapitolu 2 tan-Nomenklatura Magħquda stipulata fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 2658/87 hija sostitwita minn li ġej:

“Għall-fini ta’ l-intestatura 0210 11 sa 0210 93, it-termini ‘laħam u ġewwieni li jittiekel, immellaħ’, tfisser laħam u ġewwieni tal-laħam li jittiekel mimli bil-melħ fil-fond u b’mod omoġeneu fil-partijiet kollha u li għandu kontenut totali ta’ melħ bil-piż ta’ 1.2 % jew aktar, sakemm ikun it-tmelliħ li jiggarantixxi l-preżervazzjoni fit-tul. Għall-fini ta’ l-intestatura 0210 99, it-terminu ‘laħam u ġewwieni li jittiekel, immellaħ’, jfisser laħam u ġewwieni tal-laħam li jittiekel mimli bil-melħ fil-fond u b’mod omoġeneu fil-partijiet kollha, u li għandu kontenut totali ta’ melħ bil-piż ta’ 1.2 % jew aktar.”

Artikolu 2

Ir-Regolament (KE) Nru 1223/2002 huwa rrevokat b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-27 ta’ Ġunju 2006. M’għandu jkollu la effett retroattiv u lanqas m’għandu jagħti gwida interpretattiva fuq bażi retroattiva.

Ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, 27 ta' Ġunju 2006.

Għall-Kummissjoni

László KOVÁCS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 838/2006 (ĠU L 154, 8.6.2006, p. 1).

(2)  ĠU L 68, 11.3.1994, p. 15.

(3)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 5.

(4)  ĠU L 179, 9.7.2002, p. 8.