9.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

303


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 661/2006

tat-28 ta' April 2006

li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 312/2001 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-importazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa li ġej mit-Tuneżija, f’dak li jirrigwarda l-limitazzjoni mensili għall-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2006 sal-31 ta’ Ottubru 2006

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/822/KE tat-22 ta' Diċembru 2000 fuq il-konklużjoni ta' Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tat-Tuneżija dwar miżuri ta' liberalizzazzjoni reċiproċi u emendi għall-Protokolli tal-Agrikultura fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni KE/Tuneżija (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 865/2004 tad-29 ta' April 2004 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq taż-żejt taż-żebbuġa u żebbuġ tal-mejda u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 827/68 (2),

Billi:

(1)

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 312/2001 (3) jipprovdi limitu mensili għall-kwantità taż-żejt taż-żebbuġa għall-ħruġ ta’ liċenzji tal-importazzjoni fil-kuntest tal-kwota pprovduta bil-paragrafu 1 tal-Artikolu msemmi.

(2)

Is-sena tas-suq 2005/2006 fil-Komunità hija kkaratterizzata minn produzzjoni baxxa taż-żejt taż-żebbuġa, li tikkawża xi diffikultajiet ta’ provvista. Bil-għan li tkun faċilitata l-provvista taż-żejt taż-żebbuġa fis-suq Komunitarju, jeħtieġ li jkun awtorizzat, mill-1 ta’ Mejju 2006 u b’deroga mir-Regolament (KE) Nru 312/2001, il-ħruġ ta’ liċenzji mingħajr limitu mensili.

(3)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għaż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 1(2), l-ewwel subparagrafu, ir-raba’ inċiż, tar-Regolament (KE) Nru 312/2001, huwa awtorizzat il-ħruġ ta’ liċenzji mingħajr limitu mensili għall-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2006 sal-31 ta’ Ottubru 2006.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Mejju 2006.

Dan ir-Regolament għandu jkun jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 28 ta' April 2006.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 336, 30.12.2000, p. 92.

(2)  ĠU L 161, 30.4.2004, p. 97. Il-verżjoni korreġuta fil-ĠU L 206, 9.6.2004, p. 37.

(3)  ĠU L 46, 16.2.2001, p. 3. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1721/2005 (ĠU L 276, 21.10.2005, p. 3).