29.9.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

369


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 511/2006

tas-27 ta' Marzu 2006

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1531/2002 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' riċevituri tat-televiżjoni bil-kulur li joriġinaw, inter alia, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikoli 8 u 9 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li kkonsulta lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi

A.   PROĊEDURA PREĊEDENTI

(1)

F'Awwissu ta' l-2002, bir-Regolament (KE) Nru 1531/2002 (2), il-kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' riċevituri tat-televiżjoni bil-kulur (“il-prodott konċernat”) li joriġinaw, inter alia, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-RPĊ”).

(2)

B'mod parallel, il-Kummissjoni, bid-Deċiżjoni 2002/683/KE (3) aċċettat impenn konġunt (“l-impenn”) offrut minn Haier Electrical Appliances Corp., Ltd, Hisense Import & Export Co., Ltd, Konka Group Co., Ltd, Sichuan Changhong Electric Co., Ltd, Skyworth Multimedia International (Shenzen) Co, Ltd, TCL King Electrical Appliances (Hui Zhou) Co., Ltd u Xiamen Overseas Chinese Electronic Co., Ltd, (“il-Kumpanniji”) flimkien mal-Kamra tal-Kummerċ Ċiniża għall-Importazzjoni u Esportazzjoni ta' Makkinarju u Prodotti Elettroniċi (“CCCME”).

(3)

Bħala riżultat ta' dan, l-importazzjonijiet fil-Komunità tal-prodott konċernat ta' oriġini mir-RPĊ, prodotti mill-Kumpanniji, u tat-tip kopert mill-impenn (“il-prodott kopert mill-impenn”), ġew eżentati mid-dazji anti-dumping definittivi.

B.   NUQQAS TA' KONFORMITÀ MA' L-IMPENN

(4)

L-impenn offrut mill-Kumpanniji jobbligahom li, inter alia, jesportaw il-prodott kopert mill-impenn lill-ewwel klijent indipendenti fil-Komunità b'ċerti livelli minimi ta' prezzijiet (“LMPs”) ta' importazzjoni jew livelli ogħla u li jirrispettaw ċerti livelli massimi kwantitattivi stipulati fl-impenn. Dawn il-livelli ta' prezzijiet u dawn il-livelli massimi jeliminaw l-effetti ta' ħsara tad-dumping.

(5)

Bil-għan li tiġi żgurata l-konformità ma' l-impenn, is-CCCME u l-Kumpanniji qablu wkoll li jipprovdu kull tagħrif meqjus bħala meħtieġ mill-Kummissjoni u li jippermettu żjarat ta' verifika fuq il-post tan-negozju tagħhom għall-verifika ta' l-eżattezza u l-veraċità tad-data preżentata fl-imsemmija rapporti ta' kull tliet xhur.

(6)

Kif ġie nnutat fil-premessa (239) tar-Regolament (KE) Nru 1531/2002, l-impenn b'mod speċifiku jistipula li l-ksur minn xi waħda mill-Kumpanniji jew mis-CCCME għandu jitqies bħala ksur ta' l-impenn mill-firmatarji kollha. In-nuqqas ta' koperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea fil-monitoraġġ ta' l-impenn jitqies bħala ksur ta' l-impenn.

(7)

F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni talbet sabiex twettaq żjarat ta' verifika fuq il-post tas-CCCME u taż-żewġ Kumpanniji bl-akbar volum ta' bejgħ rappurtat tal-prodott konċernat, jiġifieri Xiamen Overseas Chinese Electronic Co., Ltd u Konka Group Co., Ltd. Il-Kummissjoni bagħtet ittri ta' verifika minn qabel lis-CCCME, Xiamen Overseas Chinese Electronic Co., Ltd u Konka Group Co., Ltd b'indikazzjoni tad-dati tal-verifika fuq il-post. Is-CCCME u Xiamen Overseas Chinese Electronic Co., Ltd ikkonfermaw l-aċċettazzjoni taż-żjara ta' verifika mitluba mill-Kummissjoni. Iżda, Konka Group Co., Ltd irrifjutat li taċċetta żjara ta' verifika, b'hekk kisret l-impenn.

(8)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (KE) Nru 2006/258/KE (4) tistipula f'aktar dettall in-natura tal-ksur li ġie determinat.

(9)

Fid-dawl tal-ksur, l-aċċettazzjoni ta' l-impenn offrut mill-Kumpanniji flimkien mas-CCCME ġiet revokata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2006//258/KE+. Għalhekk għandu jiġi impost minnufih dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-prodott konċernat esportat lejn il-Komunità mill-kumpanniji konċernati.

(10)

Skond l-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku, ir-rata ta' dazju anti-dumping għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi tal-fatti stabbiliti fi ħdan il-kuntest ta' l-investigazzjoni li wasslet għall-impenn. Billi l-investigazzjoni konċernata ġiet konkluża b'determinazzjoni finali fir-Regolament (KE) Nru 1531/2002 dwar id-dumping u l-ħsara li rriżultat, huwa meqjus xieraq li r-rata anti-dumping definittiva tiġi ffissata fil-livell u fl-għamla imposta minn dak ir-Regolament, jiġifieri 44,6 % tal-prezz nett CIF, ħieles fuq il-fruntiera tal-Komunità, qabel id-dazju.

C.   L-EMENDAMENT TAR-REGOLAMENT (KE) Nru 1531/2002

(11)

Fid-dawl ta' hawn fuq, ir-Regolament (KE) Nru 1531/2002 għandu għalhekk jiġi emendat,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1531/2002 huwa b'dan emendat kif ġej:

1)

L-Artikolu 3, l-Anness I u l-Anness II għandhom jiġu mħassra;

2)

L-Artikoli 4 u 5 għandhom isiru l-Artikoli 3 u 4 rispettivament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, nhar is-27 ta' Marzu 2006.

F'isem il-Kunsill

Il-President

H. GORBACH


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

(2)  ĠU L 231, 29.8.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 231, 29.8.2002, p. 42.

(4)  Ara paġna 63 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.