29.9.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

357


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 486/2006

ta' l-20 ta' Marzu 2006

dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar it-Trattament Bla Dazju taċ-Ċirkuwiti Integrati Multichip (MCPs) bl-emendar ta' l-Anness I għar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffi u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 133 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (1) stabbilixxa nomenklatura għall-merkanzija, minn hawn ’il quddiem “In-Nomenklatura Magħquda”, u stipula r-rati konvenzjonali tad-dazju tat-Tariffa Doganali Komuni.

(2)

Bid-Deċiżjoni tiegħu 2005/964/KE (2), il-Kunsill ikkonkluda, f’isem il-Komunità Ewropea, il-Ftehim dwar it-Trattament ta’ l-eżenzjoni mid-Dazji doganali taċ-ċirkuwiti integrati Multichip (MCPs) (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”).

(3)

Il-Ftehim inaqqas għal żero r-rata tad-dazji doganali kollha u dazji u ħlasijiet oħra li japplikaw għall-MCPs.

(4)

Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea bħala d-depożitarju desinjat mill-Ftehim irċieva strumenti ta’ aċċettazzjoni minn erba’ Partijiet. Skond l-Artikolu 7(a) tal-Ftehim, dawn l-erba’ Partijiet qablu li l-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-[1 ta’ April 2006].

(5)

Il-Ftehim għandu għaldaqstant jiġi implimentat billi jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness I, l-Ewwel Parti, it-Taqsima II “Dispożizzjonijiet Speċjali” tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, għandha tiżdied l-ittra G “Trattament ta’ l-eżenzjoni mid-Dazji doganali taċ-ċirkuwiti integrati tal-multichip (MCPs)” kif tinsab fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' April 2006.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, nhar l-20 ta' Marzu 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

U. PLASSNIK


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1989/2004 (ĠU L 344, 20.11.2004, p. 5).

(2)  ĠU L 349, 31.12.2005, p. 24.


ANNESS

“G.   Trattament Bla Dazju għaċ-Ċirkuwiti Integrati Multichip (MCPs)

(1)

Eżenzjoni mid-dazji doganali huwa pprovdut għal ċirkuwiti integrati multichip (MCPs) li jikkonsistu f’żewġ ċirkuwiti jew aktar ta’ ċirkuwiti integrati monolitiċi interkollegati, magħquda għall-għanijiet prattiċi kollha b’mod li ma jistgħux jinfirdu, kemm jekk huma fuq sustratt iżolatur wieħed, jew aktar minn wieħed, u kemm jekk mhumiex, bi frejm taċ-ċomb jew mingħajru, iżda mingħajr ebda elementi attivi jew passivi oħra ta’ ċirkuwiti;

(2)

Prodotti eliġibbli għall-eżenjoni mid-dazji doganali huma koperti mill-intestaturi li ġejjin: 8418, 8422, 8450, 8466, 8473, 8517, 8518, 8522, 8523, 8525, 8528, 8529, 8530, 8531, 8535, 8536, 8537, 8538, 8543, 8548, 8708, 9009, 9026, 9031, 9504.

(3)

Mal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali għar-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ l-MCPs lill-awtoritajiet doganali ta’ l-Istati Membri, min jiddikjara għandu jindika fil-kaxxa 44 tad-Dokument Amministrattiv Uniku (- ‘SAD’) in-numru ta’ referenza C500.”