8.3.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 68/6


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 366/2006

tas-27 ta’ Frar 2006

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1676/2001 u jimponi dazju anti-dumping definittiv ta’ dwar l-importazzjoni ta’ film tal-polyethylene terephthalate (PET) li joriġina, inter alia, fl-Indja

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra importazzjoni li hi l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), partikolarment l-Artikolu 11(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta preżentata mill-Kummissjoni wara li kkonsultat mal-Kumitat ta’ Konsulenza,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Miżuri eżistenti u investigazzjonijiet konklużi dwar l-istess prodott

(1)

Il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 2597/1999 (2), impona dazju kompensatorju definittiv fuq l-importazzjoni ta’ film tal-polyethylene terephthalate (“PET”) li jaqa’ taħt il-kodiċi CN ex 3920 62 19 u ex 3920 62 90 u li joriġina fl-Indja (“il-miżuri kompensatorji definittivi”). Il-miżuri ħadu l-forma ta’ dazju ad valorem ta’ bejn 3,8 % u 19,1 % impost fuq l-importazzjoni minn esportaturi msemmija individwalment, b’dazju residwali ta’ 19,1 % impost fuq l-importazzjoni mill-kumpaniji l-oħra kollha.

(2)

Il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1676/2001 (3), impona dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjoni ta’ film tal-PET li joriġina, inter alia, fl-Indja (il-miżuri definittivi anti-dumping). Ġew applikati kampjuni lill-produtturi Indjani li jesportaw, u ġew imposti dazji individwali ta’ bejn 0 % u 62,6 % fuq il-kumpaniji tal-kampjun, filwaqt illi kumpaniji oħra li kkoperaw u li ma kinux inklużi fil-kampjun ingħataw dazju bbażat fuq il-medja tal-marġini tad-dumping ta’ 57,7 % imnaqqsa bil-marġini tas-sussidju individwali fuq l-esportazzjoni. Dazju ta’ 53.3 % ġie impost fuq il-kumpaniji l-oħra kollha. Il-perijodu oriġinali ta’ l-investigazzjoni kien mill-1 ta’ April 1999 sal-31 ta’ Marzu 2000 (“l-IP oriġinali”).

(3)

Fit-22 ta’ Awissu 2001, il-Kummissjoni, permezz tad-Deċiżjoni (2001/645/KE) (4), aċċettat garanziji offruti minn ħames produtturi Indjani: Ester Industries Limited (“Ester”), Flex Industries Limited (“Flex”), Garware Polyester Limited (“Garware”), MTZ Polyfilms Limited (“MTZ”), u Polyplex Corporation Limited (“Polyplex”). Fis-17 ta’ Frar 2005, il-Kummissjoni ħabbret il-bidla fl-isem ta’ MTZ permezz ta’ avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (5).

(4)

Il-Kunsill, permezz tar-Regolamenti (KE) Nru 1975/2004 u 1976/2004, estenda l-miżuri definittivi kompensatorji u ta’ l-anti-dumping fuq l-importazzjoni ta’ film tal-PET li joriġina fl-Indja, għall-importazzjoni ta’ l-istess prodott konsenjat mill-Brażil u l-Iżrael, kemm jekk dikjarat bħala li joriġina fil-Brażil jew l-Iżrael kif ukoll jekk le.

(5)

Fit-28 ta’ Ġunju 2002 (6), il-Kummissjoni nidiet reviżjoni temporanja parzjali tar-Regolament (KE) Nru 2597/1999 limitata għall-forma tal-miżuri kompensatorji u, partikolarment għall-eżami ta’ l-aċċettabilità ta’ garanzija offruta minn produttur Indjan li jesporta, skond l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku. Din l-investigazzjoni ġiet konkluża permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 365/2006 (7).

(6)

Fit-22 ta’ Novembru 2003 (8), il-Kummissjoni nidiet reviżjoni temporanja parzjali tar-Regolament (KE) Nru 1676/2001 limitata għall-forma tal-miżuri definittivi ta’ l-anti-dumping. Din l-investigazzjoni ġiet konkluża permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 365/2006, li emenda r-Regolament KE Nru 1676/2001.

(7)

Fl-10 ta’ Diċembru 2004 (9), il-Kummissjoni bdiet reviżjoni ta’ l-iskadenza tal-miżuri kompensatorji definittivi. Din l-investigazzjoni ġiet konkluża permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 367/2006 (10) li żamm il-miżuri kompensatorji definittivi.

(8)

Fit-23 ta’ Awwisu 2005 (11), il-Kummissjoni bdiet reviżjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 1975/2004 u 1976/2004 rigward l-applikazzjoni ta’ produttur Iżraeljan għal eżenzjoni mill-miżuri estiżi. Din l-investigazzjoni ġiet konkluża mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 101/2006 (12).

2.   Talba għal reviżjoni

(9)

Fil-5 ta’ Novembru 2004, talba għal reviżjoni temporanja parzjali tar-Regolament (KE) Nru 1676/2001, limitata għal-livell ta’ dumping ġiet ippreżentata mill-produtturi Komunitarji li ġejjin: Du Pont Teijin Films, Mitsubishi Polyester Film GmbH u Nuroll SpA (“l-applikanti”). L-applikanti jirrappreżentaw proporzjon maġġoritarja tal-produzzjoni tal-Komunità tal-film tal-PET. Toray Plastics Europe wera l-appoġġ tiegħu għat-talba, għalkemm ma kienx applikant formali.

(10)

L-applikanti allegaw illi fir-rigward ta’ l-importazzjoni ta’ film tal-PET mill-ħames produtturi Indjani li mingħandhom ġew aċċettati garanziji permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2001/645/KE, il-livell tal-miżuri eżistenti m’għadux suffiċjenti sabiex jikkuntrasta d-dumping inġurjuż.

3.   Investigazzjoni

(11)

Wara li stabbiliet, wara konsultatazzjoni mal-Kumitat ta’ Konsulenza, illi teżisti evidenza biżżejjed sabiex tiġġustifika l-bidu ta’ reviżjoni temporanja parzjali, il-Kummissjoni ħabbret fl-4 ta’ Jannar 2005, permezz ta’ Avviż ta’ tnedija ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (13), il-bidu ta’ reviżjoni temporanja parzjali, skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

(12)

Ir-reviżjoni kienet limitata fil-firxa tagħha għall-eżami tad-dumping mill-ħames produtturi Indjani esportaturi li mingħandhom ġew aċċettati garanziji u għal-livell tad-dazju residwali, sabiex tiġi vvalutata l-ħtieġa għat-tkomplija, it-tneħħija jew tibdil tal-livell tal-miżuri eżistenti. Il-perijodu ta’ l-investigazzjoni kien mill-1 t’Ottubru 2003 sat-30 ta’ Settembru 2004.

(13)

Il-Kummissjoni infurmat uffiċjalment lill-produtturi esportaturi, lir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur u lill-produtturi Komunitarji dwar it-tnedija tar-reviżjoni. Partijiet interessati ngħataw l-opportunità sabiex iniżżlu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jitolbu udjenza fit-terminu indikat fl-avviż ta’ tnedija.

(14)

Sabiex tikseb l-informazzjoni meqjusa neċessarja għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-produtturi esportaturi konċernati, li kollha kkoperaw billi rrispondew għall-kwestjonarju. Żjajjar ta’ verika saru fil-bini tal-produtturi esportaturi fl-Indja li ġejjin:

Ester Industries Limited, New Delhi

Flex Industries Limited, New Delhi

Garware Polyester Limited, Aurangabad

MTZ Polyfilms Limited, Mumbai

Polyplex Corporation Limited, New Delhi

B.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

1   Prodott Ikkonċernat

(15)

Il-prodott ikkonċernat huwa, kif definit fl-investigazzjoni oriġinali, film tal-polyethylene terephthalate (“PET”) li joriġina fl-Indja, normalment dikjarat taħt il-kodiċi NM ex 3920 62 19 u ex 3920 62 90 .

2.   Prodott simili

(16)

Bħal ma kien il-każ fl-investigazzjoni oriġinali, instab illi l-film tal-PET magħmul u mibjugħ fis-suq domestiku ta’ l-Indja u l-film tal-PET esportat lejn il-Komunità mill-Indja għandhom l-istess karatteristiċi bażiċi fiżiċi u tekniċi u l-istess użu. Għaldaqstant, huma prodotti simili għall-finijiet tat-tifsira ta’ l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

Ċ.   DUMPING

1.   Valur normali

(17)

Sabiex tistabbilixxi l-valur normali, l-ewwel ġie verifikat illi t-total tal-bejgħ domestiku ta’ kull wieħed mill-produttur esportaturi kien rappreżentattiv skond l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, i.e. illi jammontaw għal 5 % jew aktar tal-volum tal-bejgħ totali tal-prodott ikkonċernatli huwa esportat lejn il-Komunità. Għall-kumpaniji kollha, il-bejgħ totali instab li kien rappreżentattiv.

(18)

Imbagħad ġie aċċertat jekk it-total tal-bejgħ domestiku ta’ kull tip ta’ prodott kienx jikkostitwixxi 5 % jew aktar tal-volum ta’ bejgħ ta’ l-istess tip esportat lejn il-Komunità. Għal żewġ kumpaniji nstab illi kienu biegħu film tat-tieni grad fis-suq domestiku imma mhux lill-Komunità. Peress illi l-film tat-tieni grad mhuwiex direttament paragunabbli mal-film ta’ l-ewwel grad, il-bejgħ ta’ film tat-tieni grad kien eskluż mill-kalkolu tal-valur normali. Kumpanija oħra biegħet tliet gradi differenti ta’ film fis-suq domestiku iżda biss dak ta’ l-aqwa kwalità lill-Komunità. Fil-bejgħ tat-tliet gradi ta’ film, il-kumpanija ta’ spiss biegħet il-films ta’ l-ewwel u t-tieni grad en masse mal-film tat-tielet grad. Dan kien spjegat bħala forma ta’ ħelsien mill-ħażna. Għal darb’oħra, dan il-bejgħ ġie eskluż mill-kalkolu.

(19)

Kumpanija waħda biegħet lin-negozjanti tas-suq domestiku merkanzija li kienet destinata għall-esportazzjoni. Il-merkanzija kienet faċilment identifikabbli bħala destinata għall-esportazzjoni, peress illi kienet soġġetta għal sistema ta’ taxxa differenti mill-bejgħ normali fis-suq domestiku. Il-kumpanija ma setgħetx tidentifika jekk id-destinazzjoni aħħarija tal-merkanzija kenitx se tkun il-Komunità jew pajjiż terz. Dan il-bejgħ kien għaldaqstant eskluż mill-kalkolu.

(20)

Għal dawk it-tipi ta’ prodott fejn il-bejgħ domestiku kkostitwixxa 5 % jew aktar tal-volum ta’ bejgħ ta’ l-istess tip esportat lejn il-Komunità, kien imbagħad investigat jekk kienx sar bejgħ suffiċjenti fl-andament ordinarju tal-kummerġ skond l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku. Għal kull tip ta’ prodott fejn il-volum tal-bejgħ domestiku li sar bi prezz tal-bejgħ nett li huwa ekwivalenti għal jew iżjed mill-ispiża tal-produzzjoni rrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum totali tal-bejgħ ta’ dak it-tip, u fejn il-prezz medju ta’ piż differenzjat ta’ dak it-tip kien ekwivalenti għal jew iżjed mill-ispiża tal-produzzjoni, il-valur normali ġie stabbilit abbażi tal-prezz medju ta’ piż differenzjat attwalment imħallas għall-bejgħ domestiku kollu ta’ dak it-tip, irrispettivament minn jekk dan il-bejgħ kienx bi qliegħ jew le. Għal dawk it-tipi ta’ prodott fejn il-volum ta’ bejgħ bi qliegħ kien ekwivalenti għal jew anqas minn 80 %, iżda mhux anqas minn 10 % tal-bejgħ, jew fejn il-prezz medju ta’ piż differenzjat ta’ dak it-tip kien taħt l-ispiża tal-produzzjoni, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezz medju ta’ piż differenzjat attwalment imħallas għall-bejgħ domestiku bi qliegħ ta’ dak it-tip biss.

(21)

Għat-tipi ta’ prodott fejn il-prezzijiet domestiċi tal-produtturi li jesportaw ma setgħux jintużaw sabiex jistabilixxu valur normali minħabba rappreżentattività insuffiċjenti jew nuqqas ta’ bejgħ suffiċjenti fl-andament normali tal-kummerċ, il-valur normali nħadem abbażi ta’ l-ispiża tal-manifattura tat-tipi ta’ prodott esportati lejn il-Komunità li jkunu daħlu għaliha l-produturi esportaturi konċernati flimkien ma’ ammont raġjonevoli għal spejjeż ta’ bejgħ, ġenerali u amministrattivi (“spejjeż SG&A”) u għall-qliegħ, skond l-Artikolu 2(3) u (6) tar-Regolament bażiku.

(22)

Bi qbil ma’ l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku, l-ispejjeż SG&A kienu bbażati fuq dawk l-ispejjeż inkorsi mill-produtturi esportaturi fir-rigward tal-bejgħ domestiku tagħhom tal-prodott konċernat, li nstabu li kienu rappreżentattivi. Il-marġini tal-qliegħ ġie kalkolat abbażi tal-marġini medju ta’ piż differenzjat tal-qliegħ ta’ kull kumpanija għal dawk it-tipi ta’ prodott mibjugħin fis-suq domestiku fi kwantitajiet suffiċjenti fl-andament ordinarju tan-negozju.

(23)

Wara l-iżvelar, produttur ta’ esportazzjoni kkuntesta l-aġġustament li sar fil-prezz imħallas fir-rigward ta’ tip speċifiku ta’ materja prima. L-aġġustament ikkonstestat reġa’ ġie eżaminat, u wara l-livell ta’ l-aġġustament ġie rivedut u l-marġni tad-dumping reġgħet ġiet ikkalkulata.

(24)

Kumpanija oħra argumentat li film li mhux ta’ kwalità għolja għandu jkun inkluż fil-kalkulazzjoni u li l-aġġustamenti għandhom isiru biex il-film jitqabbel mal-livell ta’ film ta’ l-ewwel grad. Kien argumentat ukoll li apparti l-inklużjoni ta’ dawn it-tranżazzjonijiet, tkun meħtieġa kalkulazzjoni mill-ġdid tal-marġni ta’ profitt.

(25)

Il-volum tal-film fit-tieni u t-tielet grad eskluż mill-kalkulazzjoni jirrappreżenta anqas minn 3 % tal-bejgħ domestiku kollu. Fil-fatt huwa kkunsidrat li t-tranżazzjonijiet domestiċi li fadal huma rapreżentattivi biżżejjed għal kalkulazzjoni ta’ valur normali preċiż. Għalhekk ma tinħtieġ l-ebda kalkulazzjoni mill-ġdid tal-marġni ta’ profitt.

(26)

Il-produtturi li jesportaw irċevew l-iżvelar tal-kalkulazzjonijiet u ssottomettew ċerti kummenti. Il-Kummissjoni qieset dawk il-kummenti u irranġat il-kalkulazzjonijiet fejn instabu li kienu ġġustifikati.

2.   Prezz ta’ l-esportazzjoni

(27)

Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-prezzijiet għall-esportazzjoni, għandu jiġi mfakkar illi l-investigazzjoni preżenti tfittex li tistabbilixxi jekk il-livelli tad-dumping inbidlux u jekk dawn il-bidliet jistgħux jiġu konsidrati bħala ta’ natura dewwiema. F’dak il-kuntest, id-determinazzjoni tal-prezzijiet għall-esportazzjoni ma tistax tkun limitata għall-eżami ta’ l-imġieba ta’ l-esportatur fl-imgħoddi, iżda għandha teżamina ukoll jekk il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni ta’ l-imgħoddi humiex li wieħed jista’ joqgħod fuqhom bħala indikazzjoni ta’ prezzijiet probabbli ta’ l-esportazzjoni fil-futur. F’dan il-każ, u meta wieħed iqis il-fatt li ġew aċċettati l-garanziji, ġie eżaminat partikolarment jekk l-eżistenza ta’ garanziji bħal dawn influwenzatx il-prezzijiet għall-esportazzjoni tal-passat, sabiex tagħmilhom inaffidabbli għall-istabbiliment ta’ imġieba futura għall-esportazzjoni.

(28)

Sabiex teżamina jekk il-prezzijiet għall-esportazzjoni lejn il-Komunità kienux affidabbli u meta wieħed iqis l-eżistenza ta’ garanziji, il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lejn il-Komunità kienu analizzati in konnessjoni mal-prezzijiet minimi ta’ l-importazzjoni (MIPs) fil-garanziji. Kien fil-fatt neċessarju li jiġi aċċertat jekk il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lejn il-Komunità kienux iffissati f’ċertu livell prinċipalment bħala effett ta’ l-eżistenza ta’ l-MIPs stabbilit mill-garanziji u għaldaqstant jekk kienux sostenibbli jew le. Kien għalhekk kunsidrat, abbażi ta’ medja ta’ piż differenzjat fil-livell ta’ kull kumpanija, jekk il-prezzijiet applikati għal bejgħ lis-suq tal-Komunità kienux sostanzjalment aktar mill-MIPs jew le, meta jittieħdu in kunsiderazzjoni l-partikolaritajiet tal-prodott ikkonċernatu s-swieq li fihom kien qed jinbiegħ matul l-IP, u kif dawn il-prezzijiet jirrelataw ma’ prezzijiet għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi. Meta l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lejn il-Komunità kienu bħala medja ‘il fuq sew mill-MIPs f’livell ta’ kumpanija, ġie konsiderat illi dawn il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni kienu ffissati b’mod suffiċjentement indipendenti mill-garanziji, u kienu għalhekk affidabbli bħala indikazzjoni tal-prattiċi ta’ l-iffissar tal-prezzijiet li l-esportaturi kienu x’aktarx ser jużaw fil-futur. Għall-kuntrarju, meta l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lejn il-Komunità kienu bħala medja mhux suffiċjentement ‘il fuq mill-MIPs u barra minn hekk sinifikattivament ‘il fuq mill-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni għall-pajjiżi terzi, ta’ l-ewwel kienu konsiderati bħala influwenzati mill-garanziji u għaldaqstant mhux affidabbli biżżejjed sabiex jintużaw għall-kalkolu tad-dumping, skond l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku, fil-kuntest ta’ reviżjoni temporanja.

(29)

Għal żewġ esportaturi Indjani, Flex u Polyplex, instab illi l-prezzijiet tagħhom għall-esportazzjoni lejn il-Komunità kienu sostanzjalment ‘il fuq mill-MIPs. Għaldaqstant, dawn il-prezzijiet għall-esportazzjoni lejn il-Komunità kienu meqjusa affidabbli u ntużaw fil-kalkoli tad-dumping.

(30)

Għat-tliet produtturi esportaturi l-oħra, Ester, Garware u MTZ, instab illi l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lejn il-Komunità kienu qrib ħafna ta’ l-MIPs. Barra minn hekk, instab ukoll illi l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni ta’ dawn it-tliet kumpaniji lejn pajjiżi terzi oħrajn kienu, meta konsiderati tip tip, konsiderevolment taħt il-prezzijiet lill-Komunità, u b’hekk jagħmluha probabbli li, fl-assenza ta’ garanziji, dawn il-prezzijiet lil-Komunità kienu jkunu fl-istess livell mal-prezzijiet li jingħataw għall-istess tipi lill-pajjiżi terzi oħra. Kien għaldaqstant konkluż illi l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni ta’ dawn it-tliet kumpaniji lill-Komunità ma setgħux jintużaw sabiex jistabbilixxu prezzijiet affidabbli għall-esportazzjoni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku, fil-kuntest tar-reviżjoni temporanja preżenti.

(31)

Ġie kkunsidrat, madanakollu, illi n-nuqqas ta’ prezz affidabbli għal dawn it-tliet esportaturi Indjani, minħabba l-eżistenza tal-garanziji f’dan il-każ, m’għandux iwassal għall-konklużjoni tar-reviżjoni għal dawn l-esportaturi, jekk bidla dewwiema fiċ-ċirkostanzi fir-rigward ta’ l-imġieba tagħhom fid-dumping, partikolarment fir-rigward ta’ prezzijiet għall-esportazzjoni, setgħet minkejja dan tkun stabbilita mod ieħor. Għal dan l-għan u, peress illi l-produtturi esportaturi kienu qed ibiegħu l-prodott ikkonċernat fis-suq dinji, ġie deċiż illi l-prezz għall-esportazzjoni jkun stabbilit abbażi tal-prezzijiet attwalment imħallsin jew li għandhom jitħallsu lill-pajjiżi terzi kollha għal dawk il-mudelli mibjugħin lill-Komunità.

(32)

Wara l-iżvelar tal-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom kien hemm l-intenzjoni li tkun ibbażata l-proposta għal emenda tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1676/2001, għadd ta’ partijiet ressqu l-kummenti tagħhom.

(33)

Għadd ta’ produtturi ta’ l-esportazzjoni Indjani u l-Gvern Indjan sostnew li ma teżisti l-ebda bażi legali taħt l-Artikoli 2(8) jew 2(9) tar-Regolament bażiku biex il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni jiġu bbażati fuq dawk għal pajjiżi terzi. Huma saħqu li l-prezzijiet ta’ esportazzjoni lejn il-Komunità kienu jeżistu u li ma ntweriex b’mod sodisfaċenti li kien hemm bażi biżżejjed biex jiġi rrifjutat l-użu ta’ dawk il-prezzijiet ta’ esportazzjoni. Huma sostnew li l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lejn il-Komunità kienu ta’ min joqgħod fuqhom u li għandhom jintużaw flok il-prezzijiet lejn il-pajjiżi terzi.

(34)

Rigward l-użu tal–prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lejn il-pajjiżi terzi, irid ikun iddikjarat li l-għan ta’ din ir-reviżjoni skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku huwa li tiġi ddeterminata jekk l-impożizzjoni dejjiema tal-miżuri għadhiex meħtieġa biex tibbilanċja d-dumping. Fl-eżaminazzjoni tal-livell tad-dumping ta’ l-esportaturi kkonċernati, jinħtieġ li tiġi eżaminata l-bidla fil-livell ta’ dumping meta mqabbel mas-sejbiet oriġinali dwar id-dumping. Ta’ min jinnota li l-użu tal-prezzijiet lill-pajjiżi terzi flok dawk lill-Komunità fil-każ ta’ tliet produtturi ta’ esportazzjoni Indjani mhux ibbażat fuq l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 2(8) u 2(9) tar-Regolament bażiku. Kif spjegat fil-premessi (27) u (28), din hija ġġustifikata bil-bżonn li tiġi analizzata l-possibilità li dawn il-prezzijiet lill-Komunità jinżammu fil-ġejjieni u, għaldaqstant, il-possibilità li jerġa’ jkun hemm dumping.

(35)

Il-konklużjoni minn dan l-analiżi kienet li fil-każ tat-tliet produtturi ta’ esportazzjoni Indjani, il-prezzijiet tagħhom lill-Komunità kienu influwenzati mill-eżistenza ta’ l-MIPs, peress li kienu veru viċin ta’ l-MIPs. Għalhekk, ma kienux riżultat tal-forzi tas-suq biss u x’aktarx ma kinux se jinżammu fuq l-istess livell fil-ġejjieni. Għaldaqstant, tqies li ma kienx hemm prezzijiet lill-Komunità li setgħu jintużaw għal kalkulazzjoni ta’ dumping. Fin-nuqqas ta’ prezz ta’ esportazzjoni lejn il-Komunità, tqies li l-prezzijiet tal-pajjiżi terzi ffurmaw bażi alternattiva preċiża u raġonevoli għall-ħolqien ta’ prezzijiet ta’ esportazzjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni u għall-kalkulazzjoni ta’ dumping.

(36)

Produttur ta’ esportazzjoni Indjan saħaq li r-rifjut tal-prezzijiet tal-bejgħ tiegħu lill-Komunità u l-użu tal-prezzijiet tiegħu lill-pajjiżi terzi kienu diskriminazzjoni minħabba li kien trattat differenti minn dawk l-esportaturi li għalhom intużaw il-prezzijiet tal-bejgħ proprji tal-Komunità.

(37)

F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li ma saret l-ebda diskriminazzjoni fil-ħolqien ta’ prezzijiet ta’ l-esportazzjoni peress li l-istess strateġija ntużat fir-rigward ta’ l-esportaturi Indjani kollha. Fir-rigward ta’ kull produttur ta’ esportazjoni, l-eżistenza ta’ prezzijiet xierqa lill-Komunità għall-għan tal-kalkulazzjoni tad-dumping ġiet vvalutata. Dan twettaq billi ġew imqabbla l-prezzijiet ta’ kull produttur ta’ esportazzjoni lill-Komunità ma’ l-MIPs sabiex jiġi stabbilit jekk jistgħux jitqiesu bħala li twaqqfu indipendentement mill-MIPs. Kif spjegat fil-premessa (28) hawn fuq, fil-każijiet fejn dawk il-prezzijiet kienu biżżejjed ‘il fuq mill-MIPs, ġie konkluż li ma kienux influwenzati mill-MIPs u li l-prezzijiet setgħu jintużaw għal kalkulazzjoni tad-dumping peress li kienu ta’ min joqgħod fuqhom bħala indikazzjoni ta’ l-aġir ta’ l-iffissar tal-prezzijiet li l-produttur ta’ esportazzjoni x’aktarx li juri fil-ġejjieni.

(38)

Fejn tqies li l-prezzijiet lill-Komunità kienu influwenzati mill-eżistenza ta’ l-MIPs, dawk il-prezzijiet ma tqisux li kienu ta’ min joqgħod fuqhom bħala indikazzjoni ta’ l-aġir ta’ l-iffissar tal-prezzijiet li l-esportatur x’aktarx juri fil-ġejjieni u ma ntużawx għal kalkulazzjoni ta’ dumping, il-prezzijiet għal pajjiżi terzi ntużaw bħala alternattiva. Għalhekk, il-fatt li ntużaw il-prezzijiet proprji ta’ l-esportazzjoni ta’ xi esportaturi, filwaqt li għal esportaturi oħrajn intużaw il-prezzijiet ta’ esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, mhix diskriminazzjoni tat-trattament bejn l-esporaturi.

(39)

Numru ta’ produtturi ta’ esportazzjoni Indjani ma qablux mal-konklużjoni li l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni tagħhom lejn il-Komunità kienu qrib ta’ l-MIPs u għalhekk ma setgħux jintużaw għall-kalkulazzjoni ta’ dumping. Huma qiesu li l-prezzijiet tagħhom kienu biżżejjed ‘l fuq mill-MIPs u ġibdu l-attenzjoni li taħt il-wegħda tal-prezz huma kienu biss mitluba li ma jbigħux taħt l-MIPs. Esportatur minnhom saħaq li l-paragun ma’ l-MIPs ma kienx bażi sodisfaċenti biżżejjed biex jiġi ddeterminat jekk il-prezzijiet lejn il-Komunità kienux raġonevoli jew ta’ min joqgħod fuqhom, iżda paragun mal-prezzijiet ta’ produtturi ta’ esportazzjoni Indjani oħrajn jew ma’ l-industrija tal-Komunità tkun aktar xierqa.

(40)

F’dan ir-rigward, kif spjegat fil-premessa (30) hawn fuq, l-istituzzjonijiet Komunitarji sabu li l-prezzijiet tat-tliet produtturi ta’ esportazzjoni ma kienux biżżejjed ‘l fuq mil-livell ta’ l-MIPs sabiex juru li kienu tpoġġew indipendentement mill-MIPs. Għalhekk, dawn il-prezzijiet ma kienux bażi xierqa għal kalkulazzjoni tad-dumping. Il-fatt li, skond il-wegħda tal-prezzijiet, il-produtturi ta’ esportazzjoni ntalbu biss li ma jbigħux anqas mill-MIPs, kien għalhekk mhux biss mhux ikkontestat iżda irrelevanti għal din it-tip ta’ analiżi.

(41)

Fil-kuntest tal-kunsiderazzjoni ta’ jekk il-prezzijiet lejn il-Komunità kinux influwenzati mill-eżistenza ta’ l-MIPs, ta’ min jinnota li meta hemm il-wegħdiet jinħtieġ li jitqies jekk il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni humiex ta’ min joqgħod fuqhom u jifformawx bażi propja għall-kalkulazzjoni tal-marġni ta’ dumping. Meta l-prezzijiet lill-Komunità huma influwenzati b’fatturi oħra barra l-forzi tas-suq, bħall-MIPs imwiegħda, dawk il-prezzijiet huma kkunsidrati bħala li mhumiex raġonevoli jew ta’ min joqgħod fuqhom. F’dan il-każ, ta’ min jinnota li l-paragun mal-prezzijiet ta’ kull produttur ta’ esportazzjoni lill-pajjiżi terzi, kif imsemmi fil-premessa (28), kien ikkunsidrat aktar xieraq biex jiddetermina l-imġieba ta’ l-issettjar tal-prezz ta’ produttur ta’ esportazzjoni partikolari, milli għal paragun mal-prezzijiet ta’ produtturi ta’ esportazzjoni Indjani oħrajn jew l-industrija tal-Komunità, peress li pprovdiet intuwitu aħjar fl-aġir individwali tan-negozju tal-produttur ta’ l-esportazzjoni.

(42)

L-industrija tal-Komunità saħqet li fid-dawl ta’ l-effett li jfixkel ta’ l-MIPs imwiegħda, prezzijiet proprji tal-bejgħ lill-Komunità kellhom ikunu rrifjutati u minflok kellhom jintużaw il-prezzijiet lejn il-pajjiżi terzi fil-każ tal-produtturi ta’ esportazzjoni Indjani kollha. Huma wkoll esprimew tħassib li dawk il-produtturi ta’ esportazzjoni Indjani b’marġni baxxa ta’ dumping ikkalkulata bl-użu ta’ prezzijiet ta’ l-esportazzjoni tal-Komunità, ma jkomplux iżommu l-prezzijiet tagħhom fuq l-istess livell fil-ġejjieni.

(43)

Fir-rigward ta’ dan l-argument, kif spjegat fil-premessa (32), l-istess strateġija kienet adottata fir-rigward tal-produtturi ta’ esportazzjoni Indjani kollha. L-użu jew in-nuqqas ta’ użu tal-prezzijiet ta’ kull esportatur lejn il-Komunità kien ibbażat fuq ir-riżultat tal-valutazzjoni ta’ jekk dawk il-prezzijiet kinux influwenzati jew le mill-eżistenza ta’ l-MIPs u mid-differenza bejn il-prezzijiet tagħhom lejn il-Komunità u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, kif spjegat fil-premessa (28).

(44)

L-industrija tal-Komunità wkoll sostniet li l-paragun bejn il-bażi tal-medja mwieżna tal-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni ma’ l-MIPs, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-prezzijiet lejn il-Komunità kinux rappreżentattivi ta’ l-aġir fil-ġejjieni u kinux ta’ min joqgħod fuqhom għall-valutazzjoni tad-dumping, kienet kontradittorja mas-sejbiet tar-reviżjoni tal-forma tal-miżuri li l-MIPs ma kienux aktar xierqa.

(45)

F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li l-kwistjoni fil-proċess ta’ reviżjoni tal-forma tal-miżuri anti-dumping kien jekk il-wegħdiet tal-prezzijiet kinux għadhom xierqa jew rilevanti (fis-sens li kien ikollhom l-istess effett bħall-impożizzjoni ta’ dazju anti-dumping) għal prodotti li qegħdin jiġu esportati taħthom (ara l-premessa (8) tar-Regolament (KE) Nru 365/2006). F’dik ir-reviżjoni nstab li għal xi ġabriet ta’ prodotti, il-firxa tal-prezzijiet proprji għall-KE kienet inbidlet (jew mwessgħa jew imdejqa) b’mod sinjifikanti mill-investigazzjoni oriġinali u ġie konkluż li l-MIPs speċifiċi bbażati fuq il-prezzijiet oriġinali ma kienux xierqa biex ippattu għad-dannu li jagħmel id-dumping fir-rigward tal-bejgħ attwali. Skond ir-reviżjoni attwali, il-kwistjoni kienet jekk il-prezzijiet lejn il-Komunità kienux influwenzati mill-eżistenza ta’ l-MIPs imwiegħda, i.e. jekk kienux dejjiema. Huwa sostnut li fejn il-prezzijiet huma sostanzjalment ‘l fuq mill-MIPs, dawk il-prezzijiet mhumiex influwenzati mill-MIPs. Dan japplika irrespettivament mill-fatt jekk il-wegħdiet tal-prezzijiet humiex xierqa għall-prodott. F’dan il-każ, il-prezzijiet huma għalhekk stabbiliti mill-forzi tas-suq u jiffurmaw bażi xierqa għall-valutazzjoni ta’ l-aġir tad-dumping. Dan l-argument huwa għalhekk irrifjutat.

3.   Paragun

(46)

Il-valur normali u l-prezz ta’ l-esportazzjoni kienu mqabblin qabel ma ġew inklużi x-xogħlijiet. Tħalla spazju fil-forma ta’ modifiki għad-differnzi li jaffettwaw il-prezz u kif jiġu mqabbla l-prezzijiet skond l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Bl-istess mod, saru aġġustamenti għal differenzi fl-iskonti, it-tnaqqis fil-prezz, it-trasport, l-assigurazzjoni, l-ipproċessar, it-tagħbija u spejjeż relatati, l-ippakkjar, il-kreditu u l-kummissjonijiet, fejn applikabbli u fejn kien hemm evidenza verifikata. Aġġustamenti għall-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni saru ukoll għal xi mudelli ta’ Ester, Garware u MTZ, f’dak li jirrigwarda d-differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi tal-prodott mibjugħ lil swieq terzi vis-à-vis l-prodott mibjugħ lill-Komunità, skond l-Artikolu 2(10)(a) tar-Regolament bażiku.

(47)

Żewġ produtturi esportaturi talbu ukoll, għal numru limitat ta’ prodotti esportati, aġġustament fil-prezz ta’ l-esportazzjoni skond l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku, ibbażat fuq l-ammont ta’ benefiċċji rċevuti ma’ l-esportazzjoni taħt l-Iskema tal-Ktieb dwart id-Dritt għad-Dazju. (DEPB) wara l-esportazzjoni. F’dan ir-rigward, instab illi taħt din l-iskema, il-krediti rċevuti meta l-prodott in kwistjoni kien jiġi esportat setgħu jintużaw sabiex jaqtgħu d-dazji. Dovuti fuq l-improtazzjoni ta’ xi merkanzija jew setgħu liberament jinbiegħu lil kumpaniji oħra. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda rabta illi l-prodotti improtati għandhom jintużaw biss fil-produzzjoni tal-prodott esportat. Il-produtturi għaldaqstant ma wrewx illi l-benefiċċju taħt l-iskema DEPB wara l-esportazzjoni affettwa l-paragunabilità tal-prezz u, partikolarment, illi l-klijenti konsistentement ħallsu prezzijiet differenti fis-suq domestiku minħabba l-benefiċċji tal-DEPB. Għalhekk, it-talba ġiet miċħuda.

4.   Marġini tad-dumping

(48)

Il-marġini tad-dumping ġiet stabbilita abbażi ta’ paragun bejn il-valur normali medju ta’ piż differenzjat ma’ prezz medju ta’ piż differenzjat ta’ l-esportazzjoni, skond l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku. Fejn il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni kienu bbażati fuq prezzijiet lil pajjiżi terzi, valuri adegwati ta’ CIF kienu kkalkolati billi żdied l-prezz mingħajr ix-xogħol lil pajjiżi terzi bid-differenza medja ta’ piż differenzjat, skond it-tip ta’ prodott, bejn il-prezzijiet mingħajr ix-xogħol u l-livell ta’ CIF lill-Komunità.

(49)

Meta wieħed iqis it-tnaqqis konsiderevoli tal-marġini tad-dumping individwali meta mqabbel mal-miżuri inizjali, kien ukoll ikkonsiderat propizju illi jiġi modifikat id-dazju residwali. Dan ta’ l-aħħar kien stabbilit, skond l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, abbażi ta’ l-ogħla marġini ta’ l-istabbilità tad-dumping għall-ħames produtturi Indjani li jesportaw soġġetti għal din ir-reviżjoni, peress illi l-ħames kumpaniji konċernati kienu meqjusa bħala rappreżentattivi tal-produtturi li qed jikkoperaw fil-kampjun f’termini ta’ volumi ta’ esportazzjoni li l-bażi tagħhom ġie kalkolat id-dazju residwali inizjali.

(50)

Il-marġini tad-dumping, espressi bħala perċentwali tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Komunità, dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Ester Industries Ltd.

29,3 %

Flex Industries Ltd.

3,2 %

Garware Polyester Ltd.

20,1 %

MTZ Polyfilms Ltd.

26,7 %

Polyplex Corporation Ltd.

3,7 %

Il-kumpaniji l-oħra kollha

29,3 %

D.   NATURA DEWWIEMA TAĊ-ĊIRKOSTANZI MIBDULA

(51)

Skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, saret analiżi sabiex tistabbilixxi jew it-tibdil fiċ-ċirkostanzi fir-rigward tad-dumping setax raġjonevolment jingħad illi kien ta’ natura dewwiema.

(52)

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat illi l-valur normali ġie stabbilit abbażi ta’ l-ispejjeż u l-prezzijiet ta’ l-applikanti. L-esportaturi għandhom suq domestiku sostanzjali għall-prodott konċernat, u l-prezzijiet domestiċi żdiedu meta mqabblin ma’ l-investigazzjoni oriġinali. Ma setgħu jinstabu ebda indikazzjonijiet illi l-valur normali stabbilit matul ir-reviżjoni preżenti ma setax jiġi konsiderat li huwa ta’ natura dewwiema.

(53)

Jista’ jiġi argumentat illi l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-materja prima, relatati ħafna mal-prezzijiet taż-żejt, jistgħu jkollhom influwenza sinifikanti fuq il-valur normali. Madanakollu kien konsiderat illi peress illi l-materja prima huma komoditajiet li l-prezz tagħhom jiġi stabbilit internazzjonalment, l-effett taż-żieda fil-prezz ser teffettwa l-partijiet kollha fi-suq u għaldaqstant ser ikollha impatt kemm fuq il-valur normali kif ukoll fuq il-prezz ta’ l-esportazzjoni.

(54)

Kif diġà ssemma fil-premessi 22 u 23, meta wieħed iqis l-eżistenza tal-garanziji, sabiex jiġi eżaminat jekk il-prezzijiet għall-esportazzjoni lejn il-Komunità setgħux jiġu konsiderati bħala ta’ natura dewwiema jew le, dawn ta’ l-aħħar iridu jiġu analizzati in relazzjoni mal- MIPs imniżżla fil-garanziji. Barra minn hekk, sar paragun tal-prezz bejn il-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat mibjugħ għall-esportazzjoni lill-Komunità u għall-esportazzjoni lil pajjiżi terzi matul il-perijodu ta’ l-investigazzjoni. Kif ġie spjegat fil-premessa (23), kien konsiderat illi meta l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lill-Komunità ma kienux suffiċjentement ‘il fuq mill-MIPs u kienu sostanzjalment ‘il fuq mill-prezzijiet għall-esportazzjoni lil pajjiżi terzi, ta’ l-ewwel ma tqiesux bħala indikazzjoni affidabbli ta’ l-imġieba għall-iffissar ta’ prezzijiet li x’aktarx ser ikunu qed juru l-esportaturi fil-futur. Minflok, il-prezzijiet għall-esportazzjoni lil pajjiżi terzi intużaw sabiex jiddeterminaw il-prezzijiet futuri għall-esportazzjoni li jitgħu jitqiesu bħala dewwiema.

(55)

Abbażi ta’ dan, qed jiġi konkluż illi ċ-ċirkostanzi mibdulin fir-rigward ta’ l-investigazzjoni oriġinali dwar id-dumping jistgħu raġjonevolment jitqiesu bħala ta’ natura dewwiema, bil-partikolarità illi għal tliet esportaturi Indjani, kif konkluż fil-premessa 26, il-bidla dewwiema fiċ-ċirkostanzi li jirrigwardaw l-imġieba tagħhom fid-dumping, partikolarment fir-rigward ta’ prezzijiet għall-esportazzjoni, kellha tiġi stabbilita abbażi tal-prezzijiet attwalment imħallsin jew li għandhom jitħallsu lil pajjiżi terzi oħrajn għal dawk il-mudelli mibjugħin lill-Komunità minflok abbażi tal-prezz ta’ l-esportazzjoni tagħhom lill-Komunità.

(56)

It-tnaqqis konsiderevoli tal-marġini individwali tad-dumping tal-kumpaniji fil-kampjun, meta mqabbla mal-miżuri inizjali, u n-natura dewwiema tagħhom, jistgħu jkunu meqjusa bħala rappreżentattivi tal-kumpaniji l-oħra kollha wkoll. Għalhekk, id-dazju residwali kellu jiġi modifikat skond il-bżonn, kif spjegat fi premessa 30.

E.   KONKLUŻJONI

(57)

Meta wieħed iqis il-konklużjonijiet milħuqa fir-rigward tad-dumping u n-natura dewwiema taċ-ċirkostanzi mibdula, u meta wieħed jieħ f’kunsiderazzjoni l-konklużjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 365/2006 fir-rigward tal-forma tal-miżuri ta’ l-anti-dumping (irtirar tal-garanziji fis-seħħ), il-miżuri kontra d-dumping fuq l-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat li joriġina fl-Indja, għandhom jiġu emendati sabiex jirriflettu l-marġini tad-dumping il-ġodda li nstabu.

(58)

Peress illi, skond l-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku, l-ebda prodott m’għandu jkun soġġett għal dazji ta’ l-anti-dumping u dazji kompensatorji għall-finijiet ta’ l-istess sitwazzjoni li tirriżulta mid-dumping jew mis-sussidju għall-esportazzjoni, id-dazju kompensatorju fis-seħħ li jikkorrespondi mas-sussidji għall-esportazzjoni għandu jitnaqqas mid-dazju ta’ l-anti-dumping applikabbli. Għad-dazju residwali, it-tnaqqis jikkorrispondi għall-marġini tas-sussidju għall-esportazzjoni tal-kumpanija li abbażi tagħha ġie stabbilit il-marġini residwali tad-dumping.

(59)

Abbażi ta’ dan t’hawn fuq, u meta jittieħdu f’kunsiderazzjoni is-sejbiet tar-reviżjoni fl-iskadenza tad-dazji kompensatorji definittivi (Regolament Nru 367/2006), l-ammonti ta’ dazju proposti, espressi skond il-prezz tas-CIF fil-fruntiera tal-Komunità, dazju doganali mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Marġini ta’ Sussidju fuq l-Esportazzjoni

Marġini tas-Sussidju Totali

Marġini tad-Dumping

Dazju tas-CVD

Dazju ta’ l-AD

Total tar-Rata tad-Dazju

Ester Industries Ltd

12,0 %

12,0 %

29,3 %

12,0 %

17,3 %

29,3 %

Flex Industries Ltd

12,5 %

12,5 %

3,2 %

12,5 %

0, %

12,5 %

Garware Polyester Ltd

2,7 %

3,8 %

20,1 %

3,8 %

17,4 %

21,2 %

MTZ Polyfilms Ltd

8,7 %

8,7 %

26,7 %

8,7 %

18,0 %

26,7 %

Polyplex Corporation Ltd

19,1 %

19,1 %

3,7 %

19,1 %

0 %

19,1 %

Il-kumpaniji l-oħra kollha

12,0 % (14)

19,1 %

29,3 %

19,1 %

17,3 %

36,4 %

(60)

Kif enfasizzat il-premessa (4), il-miżuri ta’ l-anti-dumping fis-seħħ kienu estiżi biex ikopru wkoll l-importazzjonijet tal-film PET ikkunsinjati mill-Brażil u l-Iżrael, kemm jekk iddikjarati bħala li oriġinaw mill-Brażil jew l-Iżrael u kemm jekk le. Il-miżuri ta’ anti-dumping emendati, kif stipulati fil-premessa (59), għandhom ikomplu jiġu estiżi għall-importazzjonijiet tal-film PET ikkunsinjat mill-Brażil jew l-Iżrael, sew jekk iddikjarat bħala li oriġina mill-Brażil jew l-Iżrael u sew jekk le. Il-produtturi ta’ l-esportazzjoni Brażiljani u Iżraeljani li kienu eżenti mill-miżuri kif estiżi mir-Regolament (KE) Nru 1975/2004 u emendat mir-Regolament (KE) Nru 101/2006 għandhom ukoll ikunu eżentati mill-miżuri kif emendati b’dan ir-Regolament.

(61)

Il-partijiet kollha kkonċernati kienu infurmati bil-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom kien hemm il-ħsieb li tiġi proposta emenda għal Regolament (KE) Nru 1676/2001 u ngħataw l-opportunità li jikkumentaw.

(62)

Ir-rati ta’ dazju ta’ l-anti-dumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-regolament kienu stabbiliti abbażi tas-sejbiet ta’ l-investigazzjonijiet preżenti. Għaldaqstant jirriflettu s-sitwazzjoni misjuba matul dik l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati ta’ dazju (bil-kontra tad-dazju applikabbli mal-pajjiż kollu fil-każ tal-“kumpaniji l-oħra kollha”) huma għalhekk esklussivament applikabbli għall-importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw fil-pajjiż ikkonċernat u magħmulin mill-kumpaniji u għaldaqstant mill-entitajiet legali msemmija. Prodotti importati magħmulin minn xi kumpanija oħra mhux speċifikament imsemmija b’isimha u bl-indirizz fil-parti operattiva tar-Regolament, inklużi entitajiet konnessi ma’ dawk speċifikament imsemmija, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu soġġetti għar-rata ta’ dazju applikabbli lill-“pajjiżi l-oħra kollha”.

(63)

Kull talba li ssir għall-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati ta’ dazju ta’ l-anti-dumping ta’ dawn il-kumpaniji individwali, per eżempju wara bidla fl-isem ta’ l-entità jew wara t-twaqqif ta’ entitajiet ġodda ta’ produzzjoni jew bejgħ, għandha tkun indirizzata lill-Kummissjoni minnufih flimkien ma’ l-informazzjoni kollha relevanti, partikolarment kull modifika fl-attivitajiet tal-kumpanija konnessi mal-produzzjoni, il-bejgħ domestiku u l-bejgħ għall-esportazzjoni assoċjati ma’, per eżempju, dik il-bidla fl-isem jew dik il-bidla fl-entitajiet tal-produzzjoni jew bejgħ. Jekk xieraq, ir-Regolament (KE) Nru 1676/2001 ser bl-istess mod ikun emendat billi tiġi aġġornata l-lista ta’ kumpaniji li jibbenefikaw minn dazji individwali.

(64)

Sabiex jiġi assigurat infurzar propizju tad-dazju ta’ l-anti-dumping, il-livell residwali tad-dazju m’għandux japplika biss għall-esportaturi li ma jikkoperawx, iżda wkoll għall dawk il-kumpaniji li ma kellhomx esportazjoni matul l-IP.

(65)

Għandu jiġi osservat illi l-esportatur Indjan MTZ biddel l-indirizz tiegħu b’effett minn Lulju 2005, b’ebda bidliet oħra fis-sidien tal-kumpanija jew fl-istruttura jew l-operat.

(66)

Għall-finijiet tat-trasparenza u wara li jiġi kunsidrat Regolament (KE) Nru  365/2006, addottat fl-istess jum ta’ dan ir-Regolament, u li wkoll jikkonċerna reviżjoni tal-miżuri definittivi kontra d-dumping, verżjoni konsolidata ġdida ta’ l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1676/2001 għandha tiġi inkluża fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament.

ADDOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1676/2001 kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 365/2006 ser jiġi mibdul minn dan li ġej:

“Artikolu 1

1.   Dazju definittiv ta’ l-anti-dumping qiegħed b’dan jiġi impost fuq l-importazzjoni ta’ film tal-polyethylene terephthalate PET li jaqa’ taħt dak li kien il-kodiċi tan-NM ex 3920 62 19 (kodiċi TARIC 3920 62 19 03, 3920 62 19 06, 3920 62 19 09, 3920 62 19 13, 3920 62 19 16, 3920 62 19 19, 3920 62 19 23, 3920 62 19 26, 3920 62 19 29, 3920 62 19 33, 3920 62 19 36, 3920 62 19 39, 3920 62 19 43, 3920 62 19 46, 3920 62 19 49, 3920 62 19 53, 3920 62 19 56, 3920 62 19 59, 3920 62 19 63, 3920 62 19 69, 3920 62 19 76 u 3920 62 19 94) u ex 3920 62 90 (kodiċi TARIC 3920 62 90 33 u 3920 62 90 94) u li joriġina fl-Indja u r-Repubblika tal-Korea.

2.   Ir-rata tad-dazju definittiv ta’ l-anti-dumping applikabbli għal-prezz nett u ħieles minn xkiel fil-fruntiera, qabel id-dazju, ser ikun kif ġej għal prodotti li joriġinaw fi:

Pajjiż

Kumpanija

Dazju Definittiv (%)

Kodiċi Addizzjonali tat-TARIC

l-Indja

Ester Industries Limited

75-76, Amrit Nagar,

Behind South Extension Part-1,

New Delhi - 110 003,

India

17,3 %

A026

l-Indja

Flex Industries Limited

A-1, Sector 60,

Noida 201 301, (U.P.),

India

0,0 %

A027

l-Indja

Garware Polyester Limited

Garware House,

50-A, Swami Nityanand Marg,

Vile Parle (East),

Mumbai 400 057

India

17,4 %

A028

l-Indja

Jindal Poly Films Limited

56 Hanuman Road,

New Delhi 110 001,

India

0,0 %

A030

l-Indja

MTZ Polyfilms Limited

New India Centre, 5th floor,

17 Co-operage Road,

Mumbai 400 039,

India

18,0 %

A031

l-Indja

Polyplex Corporation Limited

B-37, Sector-1,

Noida 201 301,

Dist. Gautam Budh Nagar,

Uttar Pradesh,

India

0,0 %

A032

l-Indja

Il-kumpaniji l-oħra kollha

17,3 %

A999

Il-Korea

Kolon Industries Inc.

Kolon Tower,

1-23, Byulyang-dong,

Kwacheon-city,

Kyunggi-do,

Korea

0,0 %

A244

Il-Korea

SKC Co. Ltd.

Kyobo Gangnam Tower,

1303-22, Seocho 4 Dong

Seocho Gu,

Seoul 137-074

Korea

7,5 %

A224

Il-Korea

Toray Saehan Inc.

17F, LG Mapo B/D

275 Kongdug-Dong

Mapo-Gu

Seoul 121-721

Korea

0,0 %

A222

Il-Korea

HS Industries Co. Ltd

Kangnam Building, 5th floor

1321, Seocho-Dong

Seocho-Ku

Seoul

Korea

7,5 %

A226

Il-Korea

Hyosung Corporation

450, Kongduk-Dong

Mapo-Ku

Seoul

Korea

7,5 %

A225

Il-Korea

KP Chemical Corporation

No. 89-4, Kyungun-Dong

Chongro-Ku

Seoul

Korea

7,5 %

A223

Il-Korea

Il-kumpaniji l-oħra kollha

13,4 %

A999

3.   Fejn xi parti tipprovdi evidenza suffiċjenti lill-Kummissjoni:

illi ma esportatx il-merkanzija deskritta fl-Artikolu 1(1) matul il-perijodu ta’ l-investigazzjoni oriġinali

illi mhijiex konnessa ma’ xi esportatur jew produttur li huwa soġġett għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament

u

illi esportat il-merkanzija konċernatat wara l-perijodu ta’ l-investiugazzjoni, jew li daħlet f’obbligazzjoni kontrattwali irrevokabbli biex tesporta kwantità sostanzjali lejn il-Komunità,

il-Kunsill, billi jaġixxi b’maġġoranza sempliċi fuq proposta ppreżentata mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat ta’ Konsulenza, jista’ jemenda l-Artikolu 1(2) billi jżid lil dik il-parti mal-lista ta’ kumpaniji soġġetti għal miżuri ta’ l-anti-dumping kif jidher fit-tabella fl-Artikolu 1(2).

4.   Sakemm mhux speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali għandhom japplikaw.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jkun jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-27 ta’ Frar 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

U. PLASSNIK


(1)   ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

(2)   ĠU L 316, 10.12.1999, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1076/2004 (ĠU L 342, 18.11.2004, p. 8).

(3)   ĠU L 227, tat-23.8.2001, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1875/2004 (ĠU L 342, 18.11.2004, p. 1).

(4)   ĠU L 227, 23.8.2001, p. 56.

(5)   ĠU C 40, 17.2.2005, p. 8.

(6)   ĠU C 154, 28.6.2002, p. 2.

(7)  Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(8)   ĠU C 281, 22.11.2003, p. 4.

(9)   ĠU C 306, 10.12.2004, p. 2.

(10)  Ara paġna 15 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(11)   ĠU L 218, 23.8.2005, p. 3.

(12)   ĠU L 17, 21.1.2006, p. 1.

(13)   ĠU C 1, 4.1.2005, p. 5.

(14)  Għall-finijiet tal-kalkolu tad-dazju finali ta’ l-anti-dumping għall-“kumpaniji l-oħra kollha”, ittieħed f’kunsiderazzjoni l-marġini tas-sussidju fuq l-esportazzjoni tal-kumpanija li fuqu huwa bbażat il-marġini tad-dumping tal-“kumpaniji l-oħra kollha”.