9.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

272


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 354/2006

tat-28 ta’ Frar 2006

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 639/2003 li jippreskrivi regoli dettaljati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 fir-rigward ta’ rekwiżiti għall-għoti ta’ rifużjonijiet konnessi mal-welfare tal-annimali tal-ifrat ħajjin matul it-trasport

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq taċ-ċanga u l-vitella (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 33(12) tiegħu,

Billi:

(1)

Fi skambju ta’ ittri bejn il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Uffiċċju internazzjonali des épizooties (“OIE”) (2), iż-żewġ partijiet ftehmu li jaġixxu b’kollaborazzjoni. Bl-appoġġ tal-Komunità, l-OIE sussegwentement adottat, f'Mejju 2005, prinċipji u linji gwida speċifiċi għall-benessri tal-annimali soġġetti għal kummerċ internazzjonali, u m’mod partikolari rigward it-trasport bil-baħar, bl-art u bl-ajru, bħala t-Taqsima 3.7 tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali tal-Ajru. Sabiex jingħata effett lill-Artikolu 3.7.2.1 tal-Linji Gwida għat-Trasport tal-annimali bil-Baħar u lill-Artikolu 3.7.3.1 tal-Linji Gwida għat-Trasport tal-Annimali bl-Art, li jiddefinixxu r-responsabbiltajiet tal-Awtoritajiet Kompetenti, huwa xieraq li jissaħħu l-istrumenti għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-benessri billi tittejjeb is-sistema ta’ rapportar ta’ spezzjonijiet li jsiru mill-Istati Membri, immirati lejn il-kundizzjonijiet tal-benessri tal-annimali li jiġu esportati mill-Komunità.

(2)

Biex tkun faċilitata evalwazzjoni bir-reqqa tal-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 639/2003 (3), l-Istati Membri għandhom jintalbu jipprovdu informazzjoni dettaljata ta’ statistika dwar każijiet fejn ir-rifużjonijiet tal-esportazzjoni ma jitħallsux. Għal dan il-għan, l-informazzjoni għandha tkun ikkonċentrata fil-livell tal-aġenziji tal-ħlas u dan għandu jgħin ukoll biex tinkiseb aktar trasparenza. Għalhekk għandu jkun previst li l-awtorità veterinarja responsabbli għall-punt ta’ ħrug, tibgħat kopja tar-rapport tal-ispezzjoni tal-punt tal-ħruġ lill-aġenzija tal-ħlas.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 639/2003 jipprovdi biex isiru kontrolli wara t-tluq mit-territorju tad-dwana tal-Komunità. Barra minn hekk, jipprovdi li l-kontrolli jistgħu jsiru biss minn veterinarju. Sabiex tissaħħaħ l-effikaċja ta’ dawn il-kontrolli għandu jkun previst li jistgħu jsiru biss minn veterinarju li jkollu kwalifika formali fil-mediċina veterinarja fl-ambitu tat-tifsira tad-Direttiva tal-Kunsill 78/1026/KEE tat-18 ta’ Diċembru 1978 li tikkonċerna r-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħra ta’ kwalifiki formali fil-mediċina veterinarja, inklużi miżuri biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (4).

(4)

Alternattivament, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivit tal-Komunità u tal-Istati Membri, l-Istati Membri għandhom jintalbu jivverifikaw li l-aġenziji internazzjonali tal-kontroll u tas-sorveljanza jikkontrollaw li l-veterinarji li għandhom kwalifika li ma taqax taħt id-Direttiva 78/1026/KEE jkollhom l-għarfien tar-rekwiżiti imposti mid-Direttiva tal-Kunsill 91/628/KEE tad-19 ta’ Novembru 1991 dwar il-ħarsien tal-animmali waqt it-trasport u li temenda d-Direttivi 90/425/KEE u 91/496/KEE (5).

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 639/2003 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(6)

Ir-Regolament għandu japplika wara perijodu ta’ żmien adattat għall-implimentazzjoni tal-emendi.

(7)

Il-Kumitat tat-Tmexxija għaċ-Ċanga u l-Vitella ma tax l-opinjoni tiegħu fi ħdan il-limitu ta’ żmien stipulat mill-president tiegħu.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT;

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 639/2003 huwa emendatl kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2(2), it-tielet subparagrafu jinbidel b’li ġej:

“L-awtorità veterinarja responsabbli għall-punt tal-ħruġ għandha żżomm dan ir-rapport għall-anqas għal tliet snin. Kopja ta’ dan ir-rapport għandha tinbagħat lill-aġenżija tal-ħlas.”

(2)

Fl-Artikolu 3(2), it-tieni subparagrafu jinbidel b’li ġej:

“Il-kontrolli previsti fil-paragrafu 1 għandhom isiru minn veterinarju li għandu diploma, ċertifikat jew prova oħra ta’ kwalifika formali fil-mediċina veterinarja kif imsemmi fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 78/1026/KEE (*1). Madankollu, l-Istati Membri, li approvaw l-aġenziji internazzjonali tal-kontroll u tas-sorveljanza, msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandhom jivverifikaw li dawn l-aġenziji jikkontrollaw li l-veterinarji li għandhom kwalifika mhux koperta minn dik id-Direttiva, għandhom l-għarfien tar-rekwiżiti imposti mid-Direttiva 91/628/KEE. Dawn il-kontrolli għandhom jitwettqu b’mod raġjonevoli, oġġettiv u imparzjali permezz ta’ proċeduri xierqa.

(*1)   ĠU L 362, 23.12.1978, p. 1.” "

(3)

Fl-Artikolu 8, il-punt (d) jinbidel b’dan li ġej:

“(d)

ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ ħlas u l-irkupru tar-rifużjoni għall-annimali msemmija fil-punti (b) u (c), kif ukoll l-għadd ta’ dawk l-annimali rreġistrati taħt il-kategorija B, C u D rispetttivament kif imsemmi fl-Annessi I, II u III;

(da)

l-għadd ta’ penali għal kull kategorija definita fl-Artikolu 6(1) u (2) bl-għadd ta’ annimali u l-ammonti ta’ rifużjonijiet mhux imħallsa korrispondenti;”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1(1) u (2) għandhom japplikaw għad-dikjarazzjonijiet tal-esportazzjoni aċċettati mill-1 ta’ Jannar 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 28 ta’ Frar 2006.

Mill-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 160, 26.6.1999, p. 21. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1913/2005 (ĠU L 307, 25.11.2005, p. 2).

(2)   ĠU C 215, 27.8.2004, p. 3.

(3)   ĠU L 93, 10.4.2003, p. 10. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1979/2004 (ĠU L 342, 18.11.2004, p. 23).

(4)   ĠU L 362, 23.12.1978, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2001/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 206, 31.7.2001, p. 1).

(5)   ĠU L 340, 11.12.1991, p. 17. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 806/2003 (ĠU L 122, 16.5.2003, p. 1).