28.11.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

201


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 339/2006

ta’ l-24 ta’ Frar 2006

li jemenda l-Anness XI għar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli għall-importazzjoni ta’ annimali bovini ħajjin u prodotti ta’ oriġini bovina, ovina u kaprina

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (1), u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 23 tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-opinjonijiet tiegħu ta’ l-2001 dwar ir-riskju ġeografiku ta’ l-Enċefalopatija Sponġiformi li Tinxtered (BSE) fil-Brażil, iċ-Ċili, l-El Salvador, in-Nikaragwa, il-Botswana, in-Namibja u l-Isważiland, il-Kumitat Xjentifiku ta’ Tmexxija (“l-SSC”) kkonkluda li l-okkorrenza tal-BSE fil-bhejjem li twieldu f’dawk il-pajjiżi hija minima ħafna. Bħala riżultat, ġew inklużi fil-lista ta' pajjiżi li huma eżenti minn ċerti kondizzjonijiet kummerċjali marbuta mat-TSE għal annimali bovini ħajjin u prodotti ta’ oriġini bovina, ovina u kaprina.

(2)

Fl-opinjonijiet aġġornati tagħha fi Frar 2005 u Awwissu 2005 dwar ir-riskju ġeografiku ta' BSE għal ċerti pajjiżi terzi, l-Awtorità Ewropea tas-Sikurezza ta’ l-Ikel ikkonkludiet li x’aktarx li hemm il-possibilità li jkun hemm każi tal-BSE fil-bhejjem imwielda fil-Brażil, iċ-Ċili, l-El Salvador, in-Nikaragwa, il-Botswana, in-Namibja u s-Sważiland. Għalhekk, dawk il-pajjiżi m’għandhomx iktar jiġu eżentati mill-kundizzjonijiet kummerċjali marbuta mat-TSE għall-annimali bovini ħajjin u l-prodotti ta’ oriġini bovina, ovina u kaprina.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan.

(4)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti fuq il-Katina Alimentari u Saħħa ta' l-Annimal,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness XI għar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huwa emendat skond l-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, nhar il-24 ta’ Frar 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 147, tal-31.5.2001, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1974/2005 (ĠU L 317, tas-3.12.2005, p. 4).


ANNESS

L-Anness XI huwa emendat kif ġej:

a)

Fil-parti A, fit-tieni subparagrafu tal-punt 15(b), il-lista tal-pajjiżi tinbidel b'dan li ġej:

“—

l-Arġentina

l-Awstralja

l-Iżlanda

in-Nouvelle Calédonie

in-New Zealand

il-Panama

il-Paragwaj

is-Singapor

l-Urugwaj

il-Vanuatu”

b)

Fil-parti D, il-punt 3 jinbidel b'dan li ġej:

“3.

Il-punt 2 m'għandux japplika għall-importazzjonijiet ta' annimali bovini mwielda u mrobbija kontinwament fil-pajjiżi li ġejjin:

L-Arġentina

l-Awstralja

l-Iżlanda

in-Nouvelle Calédonie

in-New Zealand

il-Panama

il-Paragwaj

is-Singapor

l-Urugwaj

il-Vanuatu”