9.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

267


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 263/2006

tal-15 ta' Frar 2006

li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 796/2004 u (KE) Nru 1973/2004, għal dak li għandu x'jaqsam mal-ġewż

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 145, il-punti (c), (l) u (m) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 introduċa skema ta' appoġġ għas-settur tal-ġewż biex jiġi evitat għejbien eventwali tal-produzzjoni tal-ġewż fiż-żoni tradizzjonali u l-effetti negattivi li jiriżultaw minn dan fuq livell ambjentali, rurali, soċjali u ekonomiku.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 stabbilixxa kondizzjonijiet ta' densità tas-sigar u daqs minimu għall-ħlas fuq is-superfiċje.

(3)

Sabiex titħaffef il-ġestjoni tal-iskema ta' ħlas għas-superfiċje għall-ġewż, filwaqt li jitħarsu il-kondizzjonijiet ta' eliġibbiltà stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u filwaqt li jissegwew l-għanjiet stipulati mir-Regolament imsemmi, jeħtieġ li jiġu emendati l-kondizzjonijiet rigward l-identifikazzjoni tal-irqajja' agrikoli u għall-kontenut tat-talb għall-għajnuna, stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 tal-21 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta' kontroll stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta' Settembru 2003 li jistabbilixi regoli komuni għal skemi ta' sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' sostenn għall-bdiewa (2). Jeħtieġ ukoll li jiġu addattati d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1973/2004 li jistabbilixxi regoli dettaljati ta' applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 għal dak li għandu x'jaqsam mal-iskemi ta' għajnuna stipulati fit-titoli IV u IVa tar-Regolament imsemmi u l-użu tal-art li jħalluha għall-produzzjoni tal-materja prima (3) għal dak li għandu x'jaqsam mal-kondizzjonijiet għall-ħlas tal-għajnuna għas-superfiċje għall-ġewż.

(4)

Sabiex tiġi addattata s-sistema ta' kontroll għar-rata ta' kontroll standard applikabbli għall-iskemi ta' għajnuna għas-superfiċje, jeħtieġ li jiġu emendati l-kondizzjonijiet stipulati għar-Regolament (KE) Nru 796/2004.

(5)

Ir-Regolamenti (KE) Nru 796/2004 u (KE) Nru 1973/2004 għalhekk għandhom jiġu emendati skont dan.

(6)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni għall-Ħlasijiet Diretti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 796/2004 hu emendat kif ġej:

1)

Fl-Artikolu 6, jitħassar il-paragrafu 3.

2)

Fl-Artikolu 13, il-paragrafu 5 hu ssostitwit b'dan li ġej:

“5.   Fil-każ ta' applikazzjoni għall-ħlas taż-superfiċje għall-ġewż stipulata fil-Titolu 4, il-Kapitolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, l-applikazzjoni waħdanija għandu jkun fiha n-numru tas-siġar tal-ġewż mqassma skont l-ispeċi.”.

3)

L-Artikolu 26(1)(d) it-tieni inċiż huwa mibdul b'dan li ġej:

“d)

5 % tat-total tal-bdiewa li jirreġistraw talba għall-għajnuna għall-ġewż f'isem it-titolu IV, il-Kapitolu 4, tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003.”

Artikolu 2

L-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1973/2004 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 15

Kondizzjonijiet għall-ħlas tal-għajnuna Komunitarja

1.   Huma biss l-irqajja' agrikoli b'siġar tal-ġewż li jissodisfaw il-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu fid-data ffissata skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 796/2004 li huma eliġibbli għall-benefiċċju tal-ħlas għas-superfiċje stipulat fl-Artikolu 83 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003.

F'każ ta' roqgħa b'siġar ta' speċi differenti ta' ġewż u meta l-għajnuna hi differenti skont l-ispeċi, l-eliġibbiltà għall-għajnuna għandha l-kondizzjoni li jrid jitħares l-għadd minimu ta' siġar għal kull ettaru stabbilit fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, għal mill-inqas speċi waħda tal-ġewż.

2.   L-iżgħar daqs tar-roqgħa eliġibbli għall-benefiċċju tal-ħlas għas-superfiċje stipulat fl-Artikolu 83 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 hu ffissat għal 0,10 ettaru. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiffissaw daqs minimu ogħla fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi b'kunsiderazzjoni tal-ispeċifiċità taż-żoni kkonċernati.

3.   In-numru ta' siġar tal-ġewż għal kul ettaru m'għandux ikun inqas minn:

i)

125 għall-ġellewż,

ii)

50 għal-lewż morr,

iii)

50 għall-ġewż,

iv)

50 għall-pistaċċi,

v)

30 għall-ħarrub.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiffissaw densità minima ogħla ta' siġar fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi b'kunsiderazzjoni tal-ispeċifiċità tal-produzzjonijiet ikkonċernati.

4.   Fil-każijiet stipulati fil-paragrafu 1, it-tieni inċiż, il-livell ta' għajnuna li għandu jingħata hu l-livell korrispondenti għall-ispeċi li għaliha huma ssodisfatti l-kondizzjonijiet ta' eliġibbiltà għall-għajnuna u li l-ammont tagħha hu l-ogħla.”

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Japplika għat-talb ta' għajnuna mressqa fis-sena 2006 u s-snin ta' wara.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 15 ta' Frar 2006.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 118/2005 (ĠU L 24, 27.1.2005, p. 15).

(2)   ĠU L 141, 30.4.2004, p. 18. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 2184/2005 (ĠU L 347, 30.12.2005, p. 61).

(3)   ĠU L 345, 20.11.2004, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 2184/2005 (ĠU L 347, 30.12.2005, p. 61).