1.8.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
541 |
DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2006/138/KE
tad-19 ta’ Diċembru 2006
li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud rigward il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ l-arranġamenti għat-taxxa fuq il-valur miżjud applikabbli għas-servizzi ta’ xandir bir-radju u bit-televiżjoni u għal ċerti servizzi pprovduti elettronikament
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 93 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Billi:
(1) |
L-arranġamenti temporanji tad-Direttiva 77/388/KEE (1) għat-taxxa fuq il-valur miżjud applikabbli għas-servizzi tax-xandir bir-radju u bit-televiżjoni u għal ċerti servizzi pprovduti b’mezzi elettroniċi ġew estiżi sal-31 ta’ Diċembru 2006 bid-Direttiva 2006/58/KE tas-27 ta’ Ġunju 2006 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2002/38/KE fir-rigward tal-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ l-arranġamenti dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud applikabbli għas-servizzi tax-xandir bir-radju u bit-televiżjoni u xi servizzi forniti b’mezzi elettroniċi (2). |
(2) |
Għadu ma kienx possibbli li jiġu adottati dispożizzjonijiet dwar il-post fir-rigward tal-provvista tas-servizzi u dwar mekkaniżmu elettroniku aktar ġenerali. Fid-dawl tal-fatt li s-sitwazzjoni ġuridika u l-fatti li ġġustifikaw l-estensjoni sal 31 ta’ Diċembru 2006 ma nbidlux u sabiex jiġi evitat il-vojt temporanju fl-arranġamenti dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud għas-servizzi tax-xandir bir-radju u bit-televiżjoni u ċerti servizzi pprovduti elettronikament, huwa meħtieġ li dawk l-arranġamenti jibqgħu fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2008. |
(3) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, li tikkostitwixxi riformulazzjoni tad-Direttiva 77/388/KEE, għandha għalhekk tiġi emendata kif jixraq. |
(4) |
Fid-dawl ta’ l-urġenza ta’ din il-materja, sabiex tiġi evitata lakuna ġuridika, huwa imperattiv li tingħata eżenzjoni għall-perjodu ta’ sitt ġimgħat imsemmi fil-punt I(3) tal-Protokoll dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej, |
ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Id-Direttiva 2006/112/KE hija b’dan emendata kif ġej:
1) |
fl-Artikolu 56, il-paragrafu 3 għandu jinbidel b’li ġej: “3. Il-punti (j) u (k) tal-paragrafu 1 u l-paragrafu 2 għandhom japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2008.” |
2) |
fl-Artikolu 57, il-paragrafu 2 għandu jinbidel b’li ġej: “2. Il-paragrafu 1 għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2008.” |
3) |
fl-Artikolu 59, il-paragrafu 2 għandu jinbidel b’li ġej: “2. Sal-31 ta’ Diċembru 2008, l-Istati Membri għandhom japplikaw l-Artikolu 58(b) lis-servizzi tax-xandir bir-radju u bit-televiżjoni, kif imsemmi fil-punt (j) ta’ l-Artikolu 56(1), ipprovduti lil persuni mhux taxxabbli li jkunu stabbiliti fi Stat Membru, jew li jkollhom l-indirizz permanenti tagħhom jew li ġeneralment huma residenti fi Stat Membru, minn persuna taxxabbli li stabbilixxa n-negozju tiegħu barra l-Komunità jew li jkollu stabbiliment fiss hemmhekk li minnu jkunu pprovduti s-servizzi, jew li, fin-nuqqas ta’ tali post ta’ negozju jew stabbiliment fiss, ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew ġeneralment ikun residenti barra l-Komunità.” |
4) |
l-Artikolu 357 għandu jinbidel b’li ġej: “Artikolu 357 Dan il-Kapitolu għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2008.” |
Artikolu 2
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrativi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007. L-Istati Membri għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2007.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, 19 ta’ Diċembru 2006.
Ghall-Kunsill
Il-President
J. KORKEAOJA
(1) Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1). Direttiva mħassra mid-Direttiva 2006/112/KE (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).
(2) ĠU L 174, 28.6.2006, p. 5.