1.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

362


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2006/120/KE

tas-27 ta’ Novembru 2006

li tikkoreġi u temenda d-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/30/KE li temenda, għall-finijiet ta’ l-addattament tagħhom għall-progress tekniku, id-Direttivi 97/24/KE u 2002/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li għandhom x’jaqsmu ma’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 97/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 1997 dwar ċerti komponenti u karatteristiċi ta' vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2002/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Marzu 2002 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur b'żewġ roti jew bi tlieta u li tirrevoka d-Direttiva tal-Kunsill 92/61/KEE (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 17 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/30/KE fiha xi żbalji li jridu jiġu kkoreġuti.

(2)

Huwa meħtieġ li jiġi ċċarat b'effett retroattiv li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/30/KE jikkonċerna konverturi katalitiċi ġodda ta’ sostituzzjoni li jikkonformaw mad-Direttiva 97/24/KE kif emendata bid-Direttiva 2005/30/KE.

(3)

Għandhom isiru wkoll xi tiswijiet editorjali fl-Anness I tad-Direttiva 2005/30/KE.

(4)

Barra minn hekk, jeħtieġ li jkun iċċarat, permezz ta’ dispożizzjoni ġdida, li l-bejgħ jew l-installar fuq vettura ta’ konvertituri katalitiċi ta’ sostituzzjoni li mhumiex ta’ tip li dwaru tkun ingħatat approvazzjoni tat-tip b'konformità mad-Direttiva 97/24/KE, kif emendata bl-2005/30/KE, huwa pprojbit wara ċertu perjodu ta’ tranżizzjoni.

(5)

Id-Direttiva 2005/30/KE għaldaqstant għandha tiġi kkorreġuta u emendata skond dan.

(6)

Il-miżuri stipulati f'din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Adattament għall-Progress Tekniku,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2005/30/KE hija korretta kif ġej:

1.

L-Artikolu 3, huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   B’seħħ mit-18 ta’ Mejju 2006, l-Istati Membri, fir-rigward ta’ konverturi katalitiċi ġodda ta’ sostituzzjoni li jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-Direttiva 97/24.KE kif emendata b’din id-Direttiva u li huma maħsuba biex jitwaħħlu f’vetturi li t-tip tagħhom ġie approvat skond id-Direttiva 97/24/KE, m’għandhomx:

(a)

jirrifjutaw li jagħtu l-approvazzjoni tat-tip KE skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/24/KE;

(b)

jipprojbixxu l-bejgħ jew l-istallazzjoni tagħhom fuq vettura”.

2.

Fl-Anness 1, it-“taqsima 5 ta' l-Anness VI” qed tinbidel b'“taqsima 4a ta' l-Anness VI” fit-test kollu.

Artikolu 2

L-Artikolu 3 ta' din id-Direttiva 2005/30/KE huwa emendat kif ġej:

Jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   B'seħħ mill-1 ta' Jannar 2009, l-Istati Membri għandhom jirrifjutaw il-bejgħ jew l-installar fuq vetturi ta' konverturi katalitiċi ta' sostituzzjoni li mhumiex ta' tip li fir-rigward tiegħu tkun ingħatat approvazzjoni tat-tip b'konformità mad-Direttiva 97/24/KE, kif emendata b'din id-Direttiva.”

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru 2007. Għandhom mingħajr dewmien jipprovdu lill-Kummissjoni bit-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva, jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza, fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-riferenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 27 ta’ Novembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Günter VERHEUGEN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 226, 18.8.1997, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/27/KE (ĠU L 66, 8.3.2006, p. 7).

(2)   ĠU L 124, 9.5.2002, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2005/30/KE (ĠU L 106, 27.4.2005, p. 17).