16.3.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

232


DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2006/69/KE

ta' l-24 ta’ Lulju 2006

li temenda d-Direttiva 77/388/KEE fir-rigward ta' ċerti miżuri li jissimplifikaw il-proċedura għall-impożizzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li jassistu fil-ġlieda kontra l-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa, u li tħassar ċerti Deċiżjonijiet li jipprovdu derogi

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 93 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Billi:

(1)

Sabiex jiġu miġġielda l-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa u sabiex tiġi ssimplifikata l-proċedura għall-impożizzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, ċerti derogi li jkopru problemi simili ġew mogħtija taħt termini varji lil Stati Membri individwali mill-Kunsill skond l-Artikolu 27(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (3). Għandha ssir disponibbli soluzzjoni għall-problemi msemmija għall-Istati Membri kollha permezz ta' inkorporazzjoni f'dik id-Direttiva. Dawk il-miżuri għandhom ikunu proporzjonati u limitati sabiex jiġġieldu l-problema konċernata. Billi l-Istati Membri għandhom ħtiġijiet differenti, dik l-inkorporazzjoni għandha tkun limitata għall-estensjoni tal-possibbiltà ta' l-adozzjoni tar-regoli konċernati għall-Istati Membri kollha, kif u meta tinqala' l-ħtieġa.

(2)

L-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jieħdu azzjoni sabiex jiżguraw li l-miżuri previsti fid-Direttiva 77/388/KEE relatati mal-persuna taxxabbli u mat-trasferiment ta' negozju mqabbad ma jiġux sfruttati bil-għan ta' l-evażjoni u ta' l-evitar tat-taxxa.

(3)

Għandu jkun possibbli għall-Istati Membri li jintervjenu fir-rigward tal-valur ta' provvisti u akkwisti f'ċirkostanzi limitati speċifiċi, sabiex jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda telf ta' taxxa bl-użu ta' partijiet konnessi sabiex jinkisbu benefiċċji fiskali.

(4)

Għandu jkun possibbli għall-Istati Membri li jinkludu, fl-ambitu ta' l-ammont taxxabbli ta' tranżazzjoni, li tinvolvi t-tħaddim ta' deheb ta' investiment provdut minn klijent, il-valur ta' dak id-deheb ta' investiment fejn, bit-taħdim tiegħu, id-deheb jitlef l-istatus tiegħu ta' deheb ta' investiment.

(5)

Għandu jkun enfasizzat li ċerti servizzi fir-rigward tan-natura ta' beni kapitali jistgħu jiġu inklużi fl-iskema li tippermetti l-aġġustament ta' tnaqqis għal beni kapitali tul il-ħajja ta' l-assi, skond l-użu effettiv tagħhom.

(6)

L-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi, f'każi speċifiċi, jaħtru lid-destinatarju ta' fornituri bħala l-persuna responsabbli mill-ħlas u mill-konformità relatati mat-taxxa fuq il-valur miżjud. Dan għandu jgħin lill-Istati Membri fis-simplifikazzjoni tar-regoli u fil-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa f'setturi identifikati u fir-rigward ta' ċerti tipi ta' tranżazzjonijiet.

(7)

Id-Direttiva 77/388/KEE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ.

(8)

Konsegwentement, l-Istati Membri ma għandhomx ikunu jistgħu jkomplu jieħdu vantaġġ minn derogi individwali mogħtija lilhom minn ċerti Deċiżjonijiet tal-Kunsill adottati skond l-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 77/388/KEE u li huma koperti mid-dispożizzjonijiet f'din id-Direttiva. Id-deċiżjonijiet konċernati għandhom għalhekk jiġu espliċitament imħassra. Din id-Direttiva ma għandhiex tinċidi fuq miżuri applikati minn Stati Membri skond l-Artikolu 27 (5) tad-Direttiva 77/388/KEE; lanqas ma għandha tinċidi fuq derogi li ngħataw skond l-Artikolu 27(1) ta' dik id-Direttiva u li ma tħassrux b'din id-Direttiva.

(9)

L-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet f'din id-Direttiva hija fakultattiva u huma għandhom jippermettu lill-Istati Membri ċertu grad ta' diskrezzjoni. Fejn ikun xieraq għal raġunijiet ta' trasparenza, għandu jkun provdut li l-Istati Membri ikollhom jinfurmaw lill- Istati Membri l-oħrajn permezz tal-Kumitat Konsultattiv dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud stabbilit taħt l-Artikolu 29 tad-Direttiva 77/388/KEE bi kwalunkwe liġi nazzjonali adottata skond dawk id-dispożizzjonijiet. Tali informazzjoni ma għandhiex tkun neċessarja fir-rispett ta' miżuri nazzjonali meħuda taħt Deċiżjoni li ġiet imħassra permezz ta' din id-Direttiva, jew li tiskadi fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, iżda li Stat Membru jkompli japplika taħt id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 77/388/KEE hija emendata kif ġej:

1)

Fl-Artikolu 4(4), għandu jiġi miżjud is-subparagrafu li ġej:

“Stat Membru li jeżerċita l-għażla prevista fit-tieni subparagrafu, jista' jadotta kwalunkwe miżura meħtieġa sabiex jimpedixxi l-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa permezz ta' l-użu ta' din id-dispożizzjoni.”

2)

Fl-Artikolu 5(8) it-tieni sentenza għandha tiġi sostitwita b'dan li ġej:

“Fejn ikun il-każ, l-Istati Membri jistgħu, f'każijiet fejn il-benefiċjarju ma jkunx għal kollox suġġett għat-taxxa, jieħdu l-miżuri meħtieġa li jimpedixxu d-distorzjoni tal-kompetizzjoni. Huma jistgħu ukoll jadottaw kwalunkwe miżura meħtieġa sabiex jimpedixxu l-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa permezz ta' l-użu ta' din id-dispożizzjoni.”

3)

L-Artikolu 11(A) għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu (1)(d) għandu jiġi mħassar it-tieni subparagrafu.

(b)

Għandhom jiġu miżjuda l-paragrafi li ġejjin:

“5.   L-Istati Membri għandhom ikollhom l-għażla li jinkludu fl-ammont taxxabbli fir-rigward tal-provvista ta' oġġetti u ta' servizzi, il-valur tad-deheb ta' investiment eżentat fis-sens ta' l-Artikolu 26b, li jkun ġie pprovdut mill-klijent sabiex jintuża bħala bażi għal taħdim u li bħala riżultat, jitlef l-istatus tiegħu ta' deheb ta' investiment eżentat mill-VAT meta tali oġġetti u servizzi jiġu fornuti. Il-valur li għandu jintuża hu l-valur tas-suq miftuħ tad-deheb ta' investiment fil-mument meta dawk l-oġġetti u s-servizzi jiġu forniti.

6.   Sabiex jimpedixxu l-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri li jiżguraw li l-ammont taxxabbli fir-rigward tal-provvista ta' oġġetti jew ta' servizzi għandu jkun il-valur tas-suq miftuħ. L-għażla għandha tiġi applikata biss fir-rigward ta' provvisti ta' oġġetti u servizzi li jinvolvu rabtiet familjari jew rabtiet oħra personali mill-qrib, rabtiet ta' ġestjoni, tad-dritt ta' proprjetà, sħubija, finanzjarji jew legali kif definiti mill-Istat Membru. Għal dawn il-finijiet rabtiet legali jistgħu jinkludu r-relazzjoni bejn min iħaddem u l-impjegat jew il-familja ta' l-impjegat, jew kwalunkwe persuni oħra marbuta mill-qrib.

L-għażla fl-ewwel subparagrafu tista' tapplika biss f'waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

fejn il-konsiderazzjoni tkun aktar baxxa mill-valur tas-suq miftuħ u l-benefiċjarju tal-provvista ma jkollux dritt sħiħ għal tnaqqis taħt l-Artikolu 17;

(b)

fejn il-konsiderazzjoni tkun aktar baxxa mill-valur tas-suq miftuħ u l-fornitur ma jkollux dritt sħiħ għal tnaqqis taħt l-Artikolu 17 u l-provvista tkun suġġetta għal eżenzjoni taħt l-Artikolu 13 jew l-Artikolu 28(3)(b);

(ċ)

fejn il-konsiderazzjoni tkun ogħla mill-valur tas-suq miftuħ u l-fornitur ma jkollux dritt sħiħ għal tnaqqis taħt l-Artikolu 17;

L-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-kategoriji ta' fornituri jew ta' benefiċjarji li għalihom għandhom japplikaw il-miżuri fl-ewwel u fit-tieni subparagrafu.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 29 ta' din id-Direttiva bi kwalunkwe miżura nazzjonali ġdida adottata skond id-dispożizzjonijiet ta' dan il-paragrafu.

7.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, ‘valur tas-suq miftuħ’ għandha tfisser l-ammont sħiħ li, sabiex jakkwista l-oġġetti jew is-servizzi in kwistjoni f'dak iż-żmien, klijent fl-istess stadju ta' kummerċjalizzazzjoni li fih isseħħ il-provvista ta' oġġetti jew servizzi, ikollu jħallas, taħt kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġusta, lil fornitur mhux relatat miegħu fit-territorju ta' l-Istat Membru li fih il-provvista tkun taxxabbli.

Fejn l-ebda provvista ta' oġġetti jew ta' servizzi komparabbli ma tista' tiġi aċċertata, ‘il-valur tas-suq miftuħ’ għandha tfisser, fir-rigward ta' oġġetti, ammont li ma jkunx inqas mill-prezz tax-xiri ta' l-oġġetti jew ta' oġġetti simili jew, fin-nuqqas ta' prezz tax-xiri, il-prezz ta' kemm jiġu, determinat fil-mument tal-provvista; fir-rigward ta' servizzi, għandha tfisser mhux inqas mill-ispiża sħiħa għall-persuna taxxabbli sabiex tipprovdi s-servizz.”;

4)

L-Artikolu 17(4), fil-verżjoni disposta fl-Artikolu 28f(1), għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu, il-kliem “l-Artikolu 21(1)(a) u (ċ)” għandhom jiġu sostitwiti bi “l-Artikolu 21(1)(a), (1)(ċ) jew (1)(f) jew l-Artikolu 21(2)(ċ)”;

(b)

Fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu, il-kliem “l-Artikolu 21(1)(a)” għandhom jiġu sostitwiti bi “l-Artikolu 21(1)(a), jew (1)(f) jew l-Artikolu 21(2)(ċ)”;

5)

Fl-Artikolu 18(1)(d), fil-verżjoni disposta fl-Artikolu 28f(2), il-kliem “l-Artikolu 21(1)” għandhom jiġu sostitwiti bi “l-Artikolu 21(1) jew l-Artikolu 21(2)(ċ)”;

6)

Fl-Artikolu 20(4), għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-Istati Membri jistgħu wkoll japplikaw il-paragrafi 2 u 3 għal servizzi li għandhom karatteristiċi simili għal dawk li normalment attribwiti lil oġġetti kapitali.”;

7)

Fl-Artikolu 21(2), fil-verżjoni disposta fl-Artikolu 28g, għandu jiżdied il-punt li ġej:

“(ċ)

fejn isiru l-provvisti li ġejjin, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa tkun il-persuna taxxabbli li lilha jsiru dawk il-provvisti:

(i)

il-provvista ta' xogħol ta' kostruzzjoni, inklużi servizzi ta' tiswijiet, tindif, manutenzjoni, alterazzjoni u demolizzjoni fir-rigward ta' proprjetà immobbli, kif ukoll il-kunsinna ta' xogħlijiet ta' kostruzzjoni meqjusa bħala provvista ta' oġġetti taħt l-Artikolu 5(5);

(ii)

il-provvista ta' persunal involut f'attivitajiet koperti mill-punt (i);

(iii)

il-provvista ta' proprjetà immobbli, kif imsemmija fl-Artikolu 13(B)(g) u (h), fejn il-fornitur ikun għażel it-tassazzjoni tal-provvista skond il-punt (Ċ)(b) ta' dak l-Artikolu;

(iv)

il-provvista ta' materjal użat, materjal użat li ma jkunx jista' jiġi użat mill-ġdid fl-istess stat, oġġetti mormija, skart industrijali u mhux industrijali, skart riċiklabbli, skart semi-proċessat u ċerti prodotti u servizzi, kif identifikati fl-Anness M;

(v)

il-provvista ta' oġġetti provduti bħala garanzija minn persuna taxxabbli lil persuna taxxabbli oħra fl-esekuzzjoni ta' dik il-garanzija;

(vi)

il-provvista ta' oġġetti wara ċ-ċessjoni ta' riżerva ta' dritt ta' proprjetà lil ċessjonarju u l-eżerċizzju ta' dan id-dritt miċ-ċessjonarju;

(vii)

il-provvista ta' proprjetà immobbli mibjugħa mid-debitur tas-sentenza fi proċedura ta' bejgħ obbligatorju.

Għall-finijiet ta' dan il-punt, l-Istati Membri jistgħu jiddisponu li persuna taxxabbli li twettaq ukoll attivitajiet jew tranżazzjonijiet li mhumiex kunsidrati bħala provvisti taxxabbli ta' oġġetti jew servizzi skond l-Artikolu 2 għandha tiġi kkunsidrata bħala persuna taxxabbli fir-rigward ta' provvisti riċevuti kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu. Korp mhux taxxabbli regolat mid-dritt pubbliku jista' jiġi meqjus bħala persuna taxxabbli fir-rigward ta' provvisti riċevuti kif imsemmi f'(v), (vi) u (vii).

Għall-finijiet dan il-punt, l-Istati Membri jistgħu jispeċifikaw il-provvisti ta' oġġetti u servizzi koperti, u l-kategoriji ta' fornituri jew ta' destinatarju li għalihom jistgħu japplikaw dawn il-miżuri. Huma jistgħu wkoll jillimitaw l-applikazzjoni ta' din il-miżura għal xi provvisti ta' oġġetti jew ta' servizzi elenkati fl-Anness M.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 29 bi kwalunkwe miżura nazzjonali ġdida adottata skond id-dispożizzjonijiet ta' dan il-punt.”

8)

Għandu jiġi miżjud l-Anness M dispost fl-Anness I ma' din id-Direttiva.

Artikolu 2

Dawk id-Deċiżjonijiet li jinsabu elenkati fl-Anness II ma' din id-Direttiva għandhom jiġu mħassra b'effett mill-1 ta' Jannar 2008.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva.

Huma għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' l-Artikolu 1(3) fir-rigward ta' l-Artikolu 11(A)(7) ġdid tad-Direttiva 77/388/KEE, u ma' l-Artikolu 1(4), fir-rigward tar-referenza fil-punti (a) u (b) ta' l-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 77/388/KEE fil-verżjoni disposta fl-Artikolu 28f(1) għall-Artikolu 21(1)(f) ta' dik id-Direttiva, minn mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2008.

Meta l-Istati Membri jadottaw dispożizzjonijiet taħt din id-Direttiva, huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet, li għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, 24 ta’ Lulju 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

K.RAJAMÄKI


(1)  Opinjoni tas-6 ta' Lulju 2006 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 65, 17.3.2006, p. 103.

(3)  ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2006/18/KE (ĠU L 51, 22.2.2006, p. 12).


ANNESS I

“ANNEX M

Lista ta' provvisti ta' merkanzija u servizzi kif imsemmija fl-Artikolu 21(2)(ċ)(iv)

(a)

il-provvista ta' skart li fih il-ħadid u ta' dak li ma fihx ħadid, ruttam, u materjali użati inklużi dawk ta' prodotti semi-kompluti li jirriżultaw mill-ipproċessar, mill-manifattura jew mit-tidwib ta' metalli ferrużi u mhux ferrużi u l-ligi tagħhom;

(b)

il-provvista ta' prodotti semi-proċessati ferrużi u mhux ferrużi u ċerti servizzi assoċjati ta' pproċessar;

(ċ)

il-provvista ta' residwi u materjali oħrajn riċiklabbli li jikkonsistu minn metalli ferrużi u mhux ferrużi, il-ligi tagħhom, il-gagazza, l-irmied, il-qxur u r-residwi industrijali li fihom il-metalli jew il-ligi tagħhom u l-provvista ta' servizzi ta' għażla, ta' qtugħ, ta' frammentazzjoni u ta' ippressar għal dawn il-prodotti;

(d)

il-provvista ta', u ċerti servizzi ta' proċessar relatati ma', skart ferruż u mhux ferruż, kif ukoll bċejjeċ tat-taqtigħ, ruttam, skart u materjal użat u riċiklabbli li jkun magħmul minn ħġieġ imkisser, ħġieġ, karti, kartun u bord, ċraret, għadam, ġilda, ġilda artifiċjali, parċmina, ġilda mhux maħduma u ġilda, tendini u nervituri, spag, ċwiemi, ħbula, cables, lastiku u plastik;

(e)

il-provvista tal-materjali msemmija f'dan l-Anness wara l-ipproċessar fil-forma ta' tindif, lustratura, għażla, qtugħ, frammentazzjoni, ippressar jew ikkastjar f'ingotti;

(f)

il-provvista ta' ruttam u skart li jirriżulta mil-lavur ta' materjali ta' bażi.”


ANNESS II

Lista ta' Deċiżjonijiet taħt l-Artikolu 27 tad-Direttiva 77/388/KEE imħassra minn din id-Direttiva.

 

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill meqjusa li ġiet adottata fil-15 ta' April 1984 li tawtorizza lir-Renju Unit japplika miżura ta' deroga mis-Sitt Direttiva bil-ħsieb li jiġu evitati ċerti tipi ta' frodi jew evażjoni tat-taxxa fir-rigward ta' provvisti ta' deheb, muniti tad-deheb u ruttam tad-deheb bejn persuni taxxabbli permezz ta' skema speċjali ta' kontabbiltà tat-taxxa (1).

 

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill meqjusa li ġiet adottata fil-11 ta' April 1987 li tawtorizza lir-Renju Unit japplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 11 tad-Direttiva 77/388/KEE (2).

 

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 88/498/KEE (3) 1988 li tawtorizza lir-Renju ta' l-Olanda japplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 21(1)(a) tad-Direttiva 77/388/KEE.

 

Deċiżjoni tal-Kunsill meqjusa li ġiet adottata fit-18 ta' Frar 1997 taħt il-proċedura li tinsab fl-Artikolu 27(4) tad-Direttiva 77/388/KEE fil-verżjoni tagħha tas-17 ta' Mejju 1977 li tawtorizza lir-Repubblika ta' Franza sabiex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikoli 2 u 10 tad-Direttiva 77/388/KEE. Din id-Deċiżjoni ssegwi n-notifika tat-talba lill-Istati Membri fit-18 ta' Diċembru 1996.

 

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/23/KE (4) li tawtorizza lir-Renju Unit sabiex jestendi miżura ta' deroga mill-Artikolu 28e(1) tad-Direttiva 77/388/KEE.

 

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/439/KE (5) li tawtorizza lill-Ġermanja sabiex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 21 tad-Direttiva 77/388/KEE.

 

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/880/KE (6) li tawtorizza lill-Awstrija sabiex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 21 tad-Direttiva 77/388/KEE.

 

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/290/KE (7) li tawtorizza lill-Ġermanja sabiex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 21 tad-Direttiva 77/388/KEE.

 

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/736/KE (8) li tawtorizza lir-Renju Unit sabiex jintroduċi miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 11 tad-Direttiva 77/388/KEE.

 

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/758/KE (9) li tawtorizza lill-Awstrija sabiex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 21 tad-Direttiva 77/388/KEE.


(1)  ĠU L 264, 5.10.1984, p. 27.

(2)  ĠU L 132, 21.5.1987, p. 22.

(3)  ĠU L 269, 29.9.1988, p. 54.

(4)  ĠU L 8, 14.1.1998, p. 24. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2003/909/KE (ĠU L 342, 30.12.2003, p. 49).

(5)  ĠU L 151, 11.6.2002, p. 12.

(6)  ĠU L 306, 8.11.2002, p. 24.

(7)  ĠU L 94, 31.3.2004, p. 59.

(8)  ĠU L 325, 28.10.2004, p. 58.

(9)  ĠU L 336, 12.11.2004, p. 38.