|
14.6.2006 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
12 |
DIRETTIVA 2006/40/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-17 ta' Mejju 2006
dwar emissjonijiet minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja f'vetturi bil-mutur li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2), fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni ta' l-14 ta' Marzu 2006.
Billi:
|
(1) |
Is-suq intern jinvolvi spazju mingħajr fruntieri interni li fih għandu jiġi żgurat il-moviment liberu ta' merkanzija, persuni, servizzi u kapital u għal dak il-għan teżisti sistema Komunitarja ta' approvazzjoni tat-tip għal vetturi bil-mutur. Ir-rekwiżiti tekniċi għall-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward ta' sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja għandhom jiġu armonizzati sabiex tiġi evitata l-adozzjoni ta' rekwiżiti li huma differenti minn Stat Membru għall-ieħor u sabiex jiġi żgurat il-funzjonament korrett tas-suq intern. |
|
(2) |
Numru li qed jikber ta' Stati Membri għandhom il-ħsieb li jirregolaw l-użu ta' sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja f'vetturi bil-mutur bħala konsegwenza tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE tal-25 ta' April 2002 dwar l-approvazzjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta' Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt ta' l-obbligi taħtu (3). Id-Deċiżjoni timpenja lill-Komunità u lill-Istati Membri tagħha li jnaqqsu l-emissjonijiet antropoġeniċi totali tagħhom ta' gassijiet serra elenkati fl-Anness A għall-Protokoll ta' Kyoto bi 8 % meta mqabbla mal-livelli ta' l-1990 fil-perjodu mill-2008 sa l-2012. L-implimentazzjoni mhux kordinata ta' dawn l-impenji tinvolvi r-riskju li jinħolqu ostakoli għaċ-ċirkolazzjoni libera ta' vetturi bil-mutur fil-Komunità.Għalhekk huwa kunsiljabbli li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja installati f'vetturi sabiex jibqgħu aċċettati fis-suq u sabiex jiġu projbiti, minn ċerta data, sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettati li jikkontjenu gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150. |
|
(3) |
L-emissjonijiet ta' idroflworokarbonju-134a (HFC-134a), li għandu potenzjal ta' tisħin globali ta' 1300, minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja f'vetturi bil-mutur iqajmu tħassib li qiegħed jiżdied minħabba l-impatt tagħhom fuq il-bidla fil-klima. Huma mistennija li jkunu disponibbli fil-ġejjieni qrib alternattivi għall-idroflworokarbonju-134a (HFC-134a) li huma effiċjenti vis-à-vis in-nefqa involuta u li huma mingħajr periklu. Għandha titwettaq reviżjoni sabiex jiġi stabbilit, fid-dawl tal-progress realizzat fit-trażżin potenzjali ta' emissjonijiet minn gassijiet serra flworinati jew fis-sostituzzjoni ta' gassijiet serra flworinati f'tali sistemi, jekk din id-Direttiva għandhiex tiġi estiża għal kategoriji oħra ta' vetturi bil-mutur u jekk id-disposizzjonijiet dwar il-potenzjal ta' tisħin globali ta' dawn il-gassijiet għandhomx jiġu emendati, b'kont meħud ta' l-iżviluppi teknoloġiċi u xjentifiċi u tal-ħtieġa li jiġu rispettati l-iskali kronoloġiċi fl-ippjanar tal-produzzjoni industrijali. |
|
(4) |
Sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-projbizzjoni ta' ċerti gassijiet serra flworinati, hemm bżonn li tiġi limitata l-possibbiltà tar-rikonfigurazzjoni ta' vetturi bil-mutur b'sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettati li jikkontjenu gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150 u li jiġi projbit il-mili ta' sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja b'tali gassijiet. |
|
(5) |
Sabiex jiġu limitati l-emissjonijiet ta' ċerti gassijiet serra flworinati minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja f'vetturi bil-mutur jeħtieġ li jiġu stabbiliti valuri limitativi għar-rati ta' telf u l-proċedura għall-istima tat-telf minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettati li jikkontjenu gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150 li huma installati f'vetturi bil-mutur. |
|
(6) |
Bil-għan li jikkontribwixxu fit-twettiq ta' l-impenji tal-Komunità u l-Istati Membri tagħha skond il-Konvenzjoni Kwadru tan-NU dwar il-Bidla fil-Klima, il-Protokoll ta' Kyoto u d-Deċiżjoni 2002/358/KE, ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar ċertu gassijiet serra flworinati (4) u din id-Direttiva, li t-tnejn li huma jikkontribwixxu għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet serra flworinati, għandhom jiġu adottati u pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea simultanjament. |
|
(7) |
Kwalunkwe manifattur ta' vetturi għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni ta' l-awtorità ta' l-approvazzjoni l-informazzjoni teknika kollha rilevanti dwar is-sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja installati u l-gassijiet użati fihom. Fil-każ ta' sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettati li jikkontjenu gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150, il-manifattur għandu jagħmel disponibbli wkoll informazzjoni dwar ir-rata tat-telf ta' gass ta' dawn is-sistemi. |
|
(8) |
Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju ta' setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (5). |
|
(9) |
Din id-Direttiva hija waħda mid-Direttivi separati tal-proċedura Komunitarja ta' l-approvazzjoni tat-tip li kienet stabbilita bid-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta' Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (6). B'konsegwenza, id-Direttiva 70/156/KEE għandha tiġi emendata kif meħtieġ. |
|
(10) |
Billi l-għanijiet ta' l-azzjoni proposta, jiġifieri li jiġi kontrollat it-telf tal-gassijiet serra flworinati speċifiċi mis-sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja installati f'vetturi u li jiġu projbiti, minn ċerta data, is-sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettati li jikkontjenu gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150, ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri meta jaġixxu waħedhom u jistgħu għalhekk, minħabba l-firxa u l-effetti ta' l-azzjoni, jintlaħqu aħjar fuq il-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet. |
|
(11) |
Skond il-paragrafu 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet (7), l-Istati Membri huma mħeġġa sabiex ifasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom li, sa fejn hu possibbli, jillustraw il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta' traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi, |
ADDOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Suġġett
Din id-Direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti, għas-sistema tal-KE jew għas-sistemi nazzjonali, ta' l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi fir-rigward ta' emissjonijiet minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja installati f'vetturi u tal-funzjonament mingħajr periklu ta' dawn is-sistemi. Hija tistabbilixxi wkoll disposizzjonijiet dwar ir-rikonfigurazzjoni u r-riforniment ta' tali sistemi.
Artikolu 2
Kamp ta' applikazzjoni
Din id-Direttiva għandha tapplika għal vetturi bil-mutur tal-kategoriji M1 u l-kategorija N1 kif definiti fl-Anness II mad-Direttiva 70/156/KEE. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, il-vetturi tal-kategorija N1 huma limitati għal dawk tal-Klassi I kif deskritt fl-ewwel skeda fil-punt 5.3.1.4 ta' l-Anness I mad-Direttiva tal-Kunsill 70/220/KEE ta' l-20 ta' Marzu 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar miżuri li għandhom jittieħdu kontra t-tniġġis ta' l-arja b'emissjonijiet minn vetturi b'mutur (8), kif inserit permezz tad-Direttiva 98/69/KE (9) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
“vettura” tfisser kwalunkwe vettura bil-mutur li taqa' fl-ambitu ta' din id-Direttiva; |
|
(2) |
“tip ta' vettura” tfisser tip kif definit fis-sezzjoni B ta' l-Anness II mad-Direttiva 70/156/KEE; |
|
(3) |
“sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja” tfisser kwalunkwe sistema li l-għan prinċipali tagħha huwa li tnaqqas it-temperatura ta' l-arja u l-umdità tal-kompartiment tal-passiġġieri ta' vettura; |
|
(4) |
“sistema ta' evaporatur doppju” tfisser sistema fejn evaporatur wieħed huwa mmuntat fil-kompartiment tal-magna u l-ieħor f'kompartiment differenti tal-vettura; is-sistemi l-oħra kollha għandhom ikunu kunsidrati bħala “sistemi ta' evaporatur uniku”; |
|
(5) |
“gassijiet serra flworinati” tfisser idroflworkarbonji (HFCs), perflworokarbonji (PFCs) u eżaflworidu tal-kubrit (SF6) kif imsemmija fl-Anness A mal-Protokoll ta' Kyoto u preparazzjonijiet li jikkontjenu dawn is-sustanzi, iżda teskludi sustanzi kontrollati taħt ir-Regolament (KE) Nru 2037/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 2000 dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff ta' l-ożonu (10); |
|
(6) |
“idroflworokarbonju” tfisser kompost organiku li jikkonsisti f'karbonju, idroġenu u flworin, u fejn mhux iktar minn sitt atomi tal-karbonju jinsabu fil-molekula; |
|
(7) |
“perflworokarbonju” tfisser kompost organiku li jikkonsisti f'karbonju u flworin biss, u fejn mhux iktar minn sitt atomi tal-karbonju jinsabu fil-molekula; |
|
(8) |
“potenzjal ta' tisħin globali” tfisser il-potenzjal ta' tisħin klimatiku ta' gass serra flworinat relattivament għal dak tad-diossidu karboniku. Il-potenzjal ta' tisħin globali (GWP) huwa kalkolat f'termini tal-potenzjal ta' tisħin f'100 sena ta' kilogramma ta' gass meta mqabbla ma' kilogramma ta' CO2. Il-figuri GWP rilevanti huma dawk pubblikati fit-tielet rapport ta' valutazzjoni adottat mill-Grupp Intergovernattiv dwar il-Bidla fil-Klima (il-“valuri IPCC GWP ta' l-2001”) (11); |
|
(9) |
“preparazzjoni” tfisser taħlita komposta minn żewġ sustanzi jew iktar li minnhom almenu waħda hija gass serra flworinat. Il-potenzjal ta' tisħin globali (12) totali tal-preparazzjoni għandu jiġi determinat skond il-Parti 2 ta' l-Anness; |
|
(10) |
“rikonfigurazzjoni” tfisser l-installazzjoni ta' sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja f'vettura wara li tkun ġiet reġistrata. |
Artikolu 4
Obbligi ta' l-Istati Membri
1. L-Istati Membri għandhom jagħtu, skond kif meħtieġ, l-approvazzjoni tat-tip KE, jew l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali, fir-rigward ta' l-emissjonijiet minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja, biss lil tipi ta' vetturi li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' din id-Direttiva.
2. Għall-fini ta' l-għoti ta' l-approvazzjoni kompleta tat-tip tal-vettura skond l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 70/156/KEE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-manifatturi jipprovdu informazzjoni dwar it-tip ta' refriġerant użat fis-sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja installati f'vetturi bil-mutur ġodda.
3. Għall-fini ta' l-għoti ta' l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi mgħammra b'sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettati li jikkontjenu gass serra flworinat b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, skond it-test armonizzat għall-iskoperta tat-telf imsemmi fl-Artikolu 7(1), ir-rata tat-telf ta' tali gassijiet ma għandhiex teċċedi l-limiti massimi permissibbli stabbiliti fl-Artikolu 5.
Artikolu 5
Approvazzjoni tat-tip
1. B'effett minn sitt xhur mid-data ta' l-adozzjoni ta' test armonizzat għall-iskoperta tat-telf, l-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet marbuta ma' emissjonijiet minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja:
|
(a) |
jirrifjutaw, fir-rigward ta' tip ġdid ta' vettura, li jagħtu l-approvazzjoni tat-tip KE, jew l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali, jew |
|
(b) |
jipprojbixxu r-reġistrazzjoni, il-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta' vetturi ġodda |
jekk il-vettura mgħammra b'sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettata li tikkontjeni gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150 tkun konformi mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva.
2. B'effett minn 12-il xahar mid-data ta' l-adozzjoni ta' test armonizzat għall-iskoperta tat-telf jew l-1 ta' Jannar 2007, skond liema huwa l-iktar tard, l-Istati Membri ma għandhomx iktar jagħtu approvazzjoni tat-tip KE jew approvazzjoni tat-tip nazzjonali għal tip ta' vettura mgħammra b'sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettata li tikkontjeni gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150, sakemm ir-rata tat-telf minn dik is-sistema teċċedi l-40 gramma ta' gassijiet serra flworinati fis-sena għal sistema ta' evaporatur uniku, jew 60 gramma ta' gassijiet serra flworinati fis-sena għal sistema ta' evaporatur doppju.
3. B'effett minn 24 xahar mid-data ta' l-adozzjoni ta' test armonizzat għall-iskoperta tat-telf jew l-1 ta' Jannar 2008, skond liema huwa l-iktar tard, fir-rigward ta' vetturi ġodda mgħammra b'sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettata li tikkontjeni gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150, sakemm ir-rata tat-telf minn dik is-sistema teċċedi l-40 gramma ta' gassijiet serra flworinati fis-sena għal sistema ta' evaporatur uniku jew 60 gramma ta' gassijiet serra flworinati fis-sena għal sistema ta' evaporatur doppju, l-Istati Membri għandhom:
|
(a) |
jikkunsidraw ċertifikati ta' konformità bħala mhux iżjed validi għall-finijiet ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 70/156/KEE, u |
|
(b) |
jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni u jipprojbixxu l-bejgħ u d-dħul fis-servizz. |
4. B'effett mill-1 ta' Jannar 2011, l-Istati Membri ma għandhomx jagħtu iktar approvazzjoni tat-tip KE jew approvazzjoni tat-tip nazzjonali għal tip ta' vettura mgħammra b'sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettata li tikkontjeni gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150.
5. B'effett mill-1 ta' Jannar 2017, fir-rigward ta' vetturi ġodda li huma mgħammra b'sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettata li tikkontjeni gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150, l-Istati Membri għandhom:
|
(a) |
jikkunsidraw ċertifikati ta' konformità bħala mhux iżjed validi għall-finijiet ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 70/156/KEE, u |
|
(b) |
jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni, u jipprojbixxu l-bejgħ u d-dħul fis-servizz. |
6. Mingħajr preġudizzju għal-liġi Komunitarja relevanti, b'mod partikolari r-regoli Komunitarji dwar għajnuna mill-Istat u d-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1998 li jistabbilixxu l-proċedura għall-provvediment ta' informazzjoni fil-qasam ta' standards tekniċi u regolamenti u ta' regoli dwar servizzi tas-Soċjeta' ta' l-Informazzjoni1 (13), l-Istati Membri jistgħu jippromwovu l-istallazzjoni ta' sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja li huma effiċjenti, innovattivi u jnaqqsu iktar l-impatt tal-klima.
Artikolu 6
Rikonfigurazzjoni u riforniment
1. B'effett mill-1 ta' Jannar 2011, vetturi mogħtija approvazzjoni tat-tip minn dik id-data ma għandhomx jiġu rikonfigurati b'sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettati li jikkontjenu gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150. B'effett mill-1 ta' Jannar 2017, l-ebda vettura ma tista' tiġi rikonfigurata b'tali sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja.
2. Is-sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja installati f'vetturi b'approvazzjoni tat-tip fl-1 ta' Jannar 2011 jew wara tali data ma għandhomx jiġu mimlija b'gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150. B'effett mill-1 ta' Jannar 2017 is-sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja fil-vetturi kollha ma għandhomx ikunu mimlija b'gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150, bl-eċċezzjoni tar-riforniment tas-sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja li jikkontjenu dawk il-gassijiet li ġew installati f'vetturi qabel dik id-data.
3. Il-fornituri ta' servizzi li joffru servizz u tiswija ta' sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja ma għandhomx jimlew tali tagħmir b'gassijiet serra flworinati jekk intilef ammont anormali tar-refriġerant mis-sistema, sakemm jiġu kompletati t-tiswijiet meħtieġa.
Artikolu 7
Miżuri implimentattivi
1. Sa l-4 ta' Lulju 2007 l-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri għall-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 4 u l-Artikolu 5, u b'mod partikolari:
|
(a) |
id-dispożizzjonijiet amministrattivi għall-approvazzjoni tat-tip KE ta' vetturi; u |
|
(b) |
proċedura ta' test għall-kejl tar-rata tat-telf ta' gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150 minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja. |
2. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 70/156/KEE.
3. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dawn il-miżuri fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
4. Il-proċedura imsemmija fil-paragrafu 2 għandha tapplika għall-adozzjoni, fejn xieraq ta':
|
(a) |
miżuri meħtieġa biex jiġu żgurati l-funzjonament mingħajr periklu u l-manutenzjoni korretta ta' refriġeranti f'sistemi mobbli ta' kondizzjonament ta' l-arja; |
|
(b) |
miżuri relatati mar-rikonfigurazzjoni ta' vetturi fiċ-ċirkolazzjoni b'sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja u r-riforniment ta' sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja fiċ-ċirkolazzjoni sal-punt mhux kopert mill-Artikolu 6; |
|
(ċ) |
l-adattament, fejn ikun il-każ, tal-metodu tad-determinazzjoni tal-potenzjal ta' tisħin globali rilevanti tal-preparazzjonijiet. |
Artikolu 8
Reviżjoni
1. Abbażi tal-progress realizzat fil-kapaċità tat-trażżin ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet serra flworinati minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja, jew is-sostituzzjoni tagħhom f'tali sistemi, installati f'vetturi bil-mutur, il-Kummissjoni għandha teżamina jekk:
|
— |
il-leġiżlazzjoni attwali għandhiex tiġi estiża għal kategoriji oħra ta' vetturi, partikolarment il-kategoriji M2 u M3 kif ukoll il-klassijiet II u III tal-kategorija N1; u |
|
— |
għandhom jiġu emendati d-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-potenzjal ta' tisħin globali ta' gassijiet serra flworinati; kwalunkwe tibdiliet għandhom jieħdu kont ta' żviluppi tekonoloġiċi u xjentifiċi u tal-ħtieġa li jiġu rispettati l-iskali kronoloġiċi tal-produzzjoni industrijali, |
u għandha tippubblika rapport sa l-4 ta' Lulju 2011. Fejn meħtieġ, hija għandha tippreżenta proposti leġiżlattivi adatti.
2. Fejn gass serra flworinat b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150, li għadu mhuwiex kopert mir-rapport IPCC imsemmi fl-Artikolu 3(8), jiġi nkluż f'rapport futur ta' l-IPCC, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk ikunx opportun li tiġi emendata din id-Direttiva sabiex tinkludi dak il-gass. Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li hemm il-ħtieġa, hija għandha, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 70/156/KEE:
|
— |
tadotta l-miżuri meħtieġa; u |
|
— |
tiddefinixxi l-perjodi transitorji għall-applikazzjoni ta' dawn il-miżuri. Permezz ta' dan il-Kummissjoni għandha ssib bilanċ bejn il-ħtieġa li jiġi ffissat terminu adegwat ta' żmien u r-riskju li l-gass serra flworinat jikkostitwixxi għall-ambjent. |
Artikolu 9
Emendi lid-Direttiva 70/156/KEE
Id-Direttiva 70/156/KEE tiġi b'dan emendata skond il-Parti 1 ta' l-Anness ma' din id-Direttiva.
Artikolu 10
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw sa l-4 ta' Jannar 2008 , il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma' din id-Direttiva.
Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-5 ta' Jannar 2008.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jikontjenu riferiment għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali riferiment fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif isiru tali riferimenti għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 11
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 12
L-indirizzati
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Strasburgu, nhar is-17 ta' Mejju 2006.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
Għall-Kunsill
Il-President
H. WINKLER
(1) ĠU C 108, 30.4.2004, p. 62.
(2) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Marzu 2004 (ĠU C 103 E, 29.4.2004, p. 600), Posizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-21 ta' Ġunju 2005 (ĠU C 183 E, 26.7.2005, p. 17), u Posizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Ottubru 2005 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Riżoluzzjoni Leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' April 2006 u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta' April 2006.
(3) ĠU L 130, 15.5.2002, p. 1.
(4) Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.
(5) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.
(6) ĠU L 42, 23.2.1970, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/64/KE (ĠU L 65, 7.3.2006, p. 27).
(7) ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.
(8) ĠU L 76, 6.4.1970, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/76/KE (ĠU L 206, 15.8.2003, p. 29).
(9) ĠU L 350, 28.12.1998, p. 1.
(10) ĠU L 244, 29.9.2000, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 29/2006 (ĠU L 6, 11.1.2006, p. 27).
(11) It-Tielet Valutazzjoni IPCC tal-Bidla fil-Klima 2001. Rapport tal-Grupp Intergovernattiv dwar il-Bidla fil-Klima (http://www.ipcc.ch/pub/reports.htm).
(12) Għall-kalkolu tal-GWP ta' gassijiet serra mhux flworinati fi preparazzjonijiet, għandhom japplikaw il-valuri pubblikati fl-Ewwel Valutazzjoni ta' IPCC, ara: Climate Change, The IPCC Scientific Assessment, J.T. Houghton, G.J. Jenkins, J.J. Ephraums (ed.), Cambridge University Press, Cambridge (UK) 1990.
(13) ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37. Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.
ANNESS
PARTI 1
Id-Direttiva 70/156/KEE hija emendata kif ġej:
|
1. |
Fl-Anness IV, Parti I, jiġu inseriti punt ġdid numerat 61, u nota f'qiegħ il-paġna, kif ġej:
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
2. |
L-Anness XI jiġi emendat kif ġej:
|
PARTI 2
Metodu ta' kalkolu tal-potenzjal totali ta' tisħin globali (GWP) għal preparazzjoni
Il-GWP totali għal preparazzjoni huwa medja ppeżata, derivata mis-somma tal-frazzjonijiet tal-piż tas-sustanzi individwali multiplikati bil-GWP rispettivi tagħhom.
Σ (Sustanza X % x GWP) + (Sustanza Y % x GWP) + … (Sustanza N % x GWP)
fejn % huwa l-kontribut skond il-piż b'tolleranza ta' piż ta' +/- 1 %
Per eżempju: l-applikazzjoni tal-formola għal taħlita teorika ta' gassijiet li tikkonsisti fi 23 % HFC-32; 25 % HFC-125 u 52 % HFC-134a:
Σ (23 % x 550) + (25 % x 3 400) + (52 % x 1 300)
→ GWP totali = 1 652,5