8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1098


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-11 ta' Awwissu 2006

dwar programmi ta' konteniment biex jillimitaw aktar firxa ta' Diabrotica virgifera Le Conte f'żoni tal-Komunità fejn il-preżenza tagħha hija kkonfermata

(2006/565/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari t-tieni inċiż ta' l-Artikolu 211 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/766/KE ta' l-24 ta' Ottubru 2003 dwar miżuri ta' emerġenza biex jipprevjenu l-firxa fil-Komunità ta' Diabrotica virgifera  (1) Le Conte (“l-organiżmu”) tipprovdi għal restrizzjonijiet fuq it-tkabbir tal-qamħirrum f'żoni li qabel kienu magħrufa ħielsa mill-organiżmu imma fejn ikun instab l-organiżmu, kif ukoll f'żoni fejn l-organiżmu ikun digà ġie stabbilit.

(2)

Skond l-Artikolu 4a(2) tad-Deċiżjoni 2003/766/KE, l-Istati Membri jistgħu jorganizzaw programmi ta' konteniment fuq bażi annwali f'żoni infestati u l-viċinanzi tagħhom biex jillimitaw il-firxa ta' l-organiżmu miż-żoni infestati f'żoni li huma ħielsa mill-organiżmu.

(3)

Biex tkun faċilitata l-istrateġija koordinata għal dawk il-programmi ta' konteniment, għandha tkun provduta gwida teknika.

(4)

Il-programmi ta' konteniment għanhom ikunu bbażati fuq prinċipji xjentifiċi sodi, il-bijoloġija ta' l-organiżmu, il-livell ta' infestazzjoni u l-produzzjoni partikolari tas-sistema tal-qamħirrum fl-Istati Membri kkonċernati.

(5)

Fl-iżvilupp tal-gwida teknika, ittieħed kont tax-xogħol u l-esperjenzi tal-korpi uffiċjali responsabbli fl-Istati Membri rigward il-kontroll ta' l-organiżmu.

(6)

Il-gwida teknika provduta għal din ir-Rakkomandazzjoni hija skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tas-Saħħa tal-Pjanti,

B'DAN TIRRAKKOMANDA:

1.

Id-delimitazzjoni eżatta taż-żoni infestati msemmija fl-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni 2003/766/KE għandha tkun ibbażata fuq prinċipji xjentifiċi sodi, il-bijoloġija ta' l-organiżmu, il-livell ta' infestazzjoni u l-produzzjoni partikolari tas-sistema tal-qamħirrum fl-Istat Membru kkonċernat.

Id-delimitazzjoni taż-żoni infestati għandha tiġi riveduta meta, għall-anqas f'sentejn konsekuttivi, riżultati simili rigward l-assenza jew il-preżenza ta' l-organiżmu tkun inkisbet mis-servejs imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2003/766/KE.

2.

Għall-iskop ta' l-implimentazzjoni tal-programmi ta' konteniment imsemmija fl-Artikolu 4a(2) tad-Deċiżjoni 2003/766/KE, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-prinċipji li ġejjin:

(a)

Miżuri biex jillimitaw il-firxa ta' l-organiżmu minn żoni infettati għal żoni li huma ħielsa mill-organiżmu (“miżuri ta' konteniment”). Dawn għandhom jiġu stabbiliti f'żona (“iż-żona tal-konteniment”) li għandha tiġi estiża għall-anqas 10km fi ħdan iż-żona infestata u għall-anqas 30km fiż-żona mhux infestata.

Fiż-żona tal-konteniment, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li fl-għelieqi tal-qamħirrum:

ir-rotazzjoni tal-ħxejjex tiġi organizzata b'tali mod li l-qamħirrum jitkabbar mhux aktar minn darba f'perjodu ta' sentejn konsekuttivi, jew

ir-rotazzjoni tal-ħxejjex issir b'tali mod li l-qamħirrum jista' jitkabbar darbtejn f'perjodu ta' tliet snin konsekuttivi u, f'rabta ma' sistema ta' tbassir għall-organiżmu, għall-anqas waħda minn dawn il-ħxejjex tal-qamħirrum tkun inżergħet biss wara li jitfaċċaw il-larvi, jew

ir-rotazzjoni tal-ħxejjex issir b'tali mod li l-qamħirrum jitfaċċaw darbtejn f'kull perjodu ta' tliet snin konsekuttivi, kull sena flimkien mat-trattamenti ta' insettiċidji effettivi kontra l-adulti jew kwalunkwe miżura oħra jew trattament li tirriżulta f'livell simili tal-kontroll ta' l-organiżmu.

(b)

It-twaqqif ta' miżuri, bbażati fuq immaniġġjar tal-pesti madwar iż-żona fil-bqija taż-żona infestata, biex tnaqqas il-possibbiltà ta' firxa aktar ta' l-organiżmu u biex jiżguraw produzzjoni sostenibbli tal-qamħirrum (“miżuri ta' soppressjoni”).

(ċ)

Il-preżenza ta' l-organiżmu fil-parti mhux infestata taż-żona ta' konteniment għandha tiġi sorveljata b'mod intensiv għall-preżenza ta' l-organiżmu billi jintużaw nasbiet tal-feromon tas-sess, li jieħdu kont taċ-ċirkostanzi lokali u l-karatteristiċi taż-żona tal-konteniment.

Magħmul fi Brussell, nhar il-11 ta' Awwissu 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 49. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/564/KE (ĠU L 225, 17.8.2006, p. 28).