|
4.3.2006 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
60 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-15 ta' Frar 2006
dwar iktar koperazzjoni Ewropea fl-assigurazzjoni tal-kwalità ta' l-edukazzjoni ogħla
(2006/143/KE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 149(4) u 150(4) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),
Billi:
|
(1) |
Minkejja li l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 98/561/KE ta' l-24 ta' Settembru 1998 dwar il-koperazzjoni Ewropea fl-assigurazzjoni tal-kwalità ta' l-edukazzjoni ogħla (3) kienet ta' suċċess notevoli kif jidher fir-rapport tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2004, xorta waħda għad hemm il-ħtieġa li titjieb l-edukazzjoni ogħla Ewropea, b'mod partikulari l-kwalità tagħha, sabiex issir aktar trasparenti u affidabbli għaċ-ċittadini Ewropej u għal studenti u akkademiċi minn kontinenti oħra. |
|
(2) |
Ir-Rakkomandazzjoni 98/561/KE sejħet għal appoġġ fejn meħtieġ, għall-istabbiliment ta' sistemi trasparenti għall-assigurazzjoni tal-kwalità. Kważi l-Istati Membri kollha stabbilixxew sistemi nazzjonali għall-assigurazzjoni u bdew jew għenu l-istabbiliment ta' aġenzija jew aġenziji ta' l-assigurazzjoni tal-kwalità jew ta' l-akkreditament. |
|
(3) |
Ir-Rakkomandazzjoni 98/561/KE sejħet għal sistemi għall-assigurazzjoni tal-kwalità li jkunu bbażati fuq serje ta' karatteristiċi essenzjali, inkluż l-evalwazzjoni ta' programmi jew istituzzjonijiet permezz ta' stima interna, evalwazzjoni esterna, u li tinvolvi l-parteċipazzjoni ta' studenti, il-pubblikazzjoni ta' riżultati u parteċipazzjoni internazzjonali. Ir-riżultati ta' l-istimi ta' kwalità interna għandhom rwol sinifikanti biex jgħinu biex tittejjeb ir-rendiment ta' l-istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni ogħla. |
|
(4) |
Il-karatteristiċi essenzjali msemmija fil-premessa (3) ġew implimentati b'mod ġenerali fis-sistemi għall-assigurazzjoni tal-kwalità u ġew affermati mill-Ministri Ewropej ta' l-Edukazzjoni f'Berlin f'Settembru 2003, fil-kuntest tal-Proċess ta' Bolonja, fil-ħidma għall-kisba ta' Żona Ewropea ta' l-Edukazzjoni Ogħla. |
|
(5) |
L-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni Ogħla (ENQA) ġiet stabbilita fl-2000 u għandha numru dejjem jikber ta' aġenziji ta' l-assigurazzjoni tal-kwalità jew ta' l-akkreditament fl-Istati Membri kollha. |
|
(6) |
Fil-kuntest tal-Proċess ta' Bolonja, il-Ministri ta' l-Edukazzjoni minn 45 pajjiż adottaw l-istandards u l-linji gwida għall-assigurazzjoni ta' kwalità fiż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Ogħla kif propost mill-ENQA matul il-laqgħa f'Bergen bejn id-19 u l-20 ta' Mejju 2005 u bħala tkomplija tal-laqgħa ta' Berlin f'Settembru 2003. Huma laqgħu wkoll il-prinċipju ta' reġistru Ewropew ta' aġenziji ta' l-assigurazzjoni tal-kwalità bbażat fuq evalwazzjoni nazzjonali u talbu li d-dettalji ta' l-implimentazzjoni jkunu żviluppati aktar mill-ENQA, b'koperazzjoni ma' l-Assoċjazzjoni Ewropea ta' l-Universitajiet (EUA), l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Istituzzjonijiet ta' l-Edukazzjoni Ogħla (EURASHE) u l-Unjonijiet Nazzjonali għall-Istudenti fl-Ewropa (ESIB), b'rapport mibgħut lill-Ministri permezz tal-Grupp ta' Segwitu ta' Bolonja. Minbarra dan huma enfasizzaw l-importanza tal-koperazzjoni bejn aġenziji rikonoxxuti fuq skala nazzjonali bil-għan li jissaħħaħ ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonjiet dwar l-akkreditament jew l-assigurazzjoni ta' kwalità. |
|
(7) |
Jeħtieġ li azzjoni ta' l-UE li tappoġġja l-assigurazzjoni ta' kwalità tiġi żviluppata b'koerenza ma' l-attivitajiet imwettqa fil-kuntest tal-Proċess ta' Bolonja. |
|
(8) |
Huwa mixtieq li jsir reġistru ta' aġenziji għall-assigurazzjoni tal-kwalità li huma indipendenti u affidabbli li joperaw fl-Ewropa, kemm jekk ikunu reġjonali jew nazzjonali, ġenerali jew speċjalizzati, pubbliċi jew privati, sabiex tkun appoġġjata t-trasparenza fl-edukazzjoni ogħla u sabiex jgħin biex ikun hemm rikonoxximent ta' kwalifiki u perijodi ta' studju barra l-pajjiż. |
|
(9) |
Fil-kuntest ta' l-Istrateġija ta' Liżbona, il-Kunsill Ewropew f'Barċellona, f'Marzu 2002, esprima l-konklużjoni li l-edukazzjoni u s-sistemi ta' taħriġ Ewropej għandhom isiru “referenza dinjija għall-kwalità”, |
PERMEZZ TA' DAN JIRRAKKOMANDAW LI L-ISTATI MEMBRI:
|
1. |
iħeġġu lill-istituzzjonijiet kollha ta' l-edukazzjoni ogħla li huma attivi fit-territorju tagħhom biex idaħħlu jew jiżviluppaw sistemi interni rigorużi għall-assigurazzjoni tal-kwalità, bi qbil ma' l-istandards u mal-linji gwida għall-assigurazzjoni tal-kwalità fiż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Ogħla adottata f'Bergen fil-kuntest tal-Proċess ta' Bolonja; |
|
2. |
iħeġġu lill-aġenziji ta' l-assigurazzjoni tal-kwalità jew ta' l-akkreditament li huma attivi fit-territorji tagħhom sabiex ikunu indipendenti fl-istimi tagħhom, japplikaw il-karatteristiċi ta' l-assigurazzjoni tal-kwalità mniżżla fir-Rakkomandazzjoni 98/561/KE u japplikaw is-sett komuni ta' standards ġenerali, u linji gwida adottati f'Bergen, għall-għanijiet ta' l-istima. Dawn l-istandards għandhom jiġu żviluppati iktar b'koperazzjoni ma' rappreżentanti tas-settur ta' l-edukazzjoni ogħla. Għandhom jiġu applikati b'mod li jipproteġu u jippromwovu d-diversità u l-innovazzjoni; |
|
3. |
jinkoraġġixxu lir-rappreżentanti ta' l-awtoritajiet nazzjonali, tas-settur ta' l-edukazzjoni ogħla u ta' l-aġenziji ta' l-assigurazzjoni tal-kwalità u ta' l-akkreditament, flimkien ma' l-imsieħba soċjali, sabiex jistabbilixxu “Reġistru Ewropew ta' l-Aġenziji għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità” (“Reġistru Ewropew”) ibbażat fuq evalwazzjoni nazzjonali, li jqis il-prinċipji stabbiliti fl-Anness u sabiex ikunu definiti l-kondizzjonijiet għar-reġistrazzjoni u r-regoli għall-amministrazzjoni tar-reġistru; |
|
4. |
jgħinu lill-istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni ogħla attivi fit-territorju tagħhom biex jagħżlu aġenzija, minn fost aġenziji għall-assigurazzjoni tal-kwalità jew ta' l-akkreditament fir-Reġistru Ewropew li tissodisfa r-rekwiżiti u l-profil tagħhom, bil-kondizzjoni li din tkun kompatibbli mal-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom jew tkun permessa mill-awtoritajiet nazzjonali tagħhom; |
|
5. |
jippermettu lill-istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni ogħla jaħdmu lejn evalwazzjoni komplimentari minn aġenzija oħra fir-Reġistru Ewropew, pereżempju biex isaħħu r-reputazzjoni internazzjonali tagħhom; |
|
6. |
jippromwovu koperazzjoni bejn aġenziji sabiex jibnu fiduċja reċiproka u r-rikonoxximent ta' l-istimi ta' l-assigurazzjoni tal-kwalità u ta' l-akkreditament, biex b'hekk jikkontribwixxu għar-rikonoxximent ta' kwalifiki għall-iskop ta' studju jew xogħol f'pajjiż ieħor; |
|
7. |
jiżguraw l-aċċess pubbliku għall-istimi imwettqa mill-aġenziji ta' l-assigurazzjoni tal-kwalità jew ta' l-akkreditament elenkati fir-Reġistru Ewropew, |
JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI:
|
1. |
sabiex tkompli, b'koperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri, tagħti l-appoġġ tagħha għal koperazzjoni bejn istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni ogħla, aġenziji ta' l-assigurazzjoni tal-kwalità u ta' l-akkreditament, awtoritajiet kompetenti u korpi oħra attivi f'dan il-qasam; |
|
2. |
sabiex tippreżenta rapporti kull tliet snin lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar progress fl-iżvilupp ta' sistemi għall-assigurazzjoni tal-kwalità f'diversi Stati Membri u dwar l-attivitajiet ta' koperazzjoni fuq livell Ewropew, inkluż il-progress li jkun sar fl-għanijiet hawn fuq imsemmija. |
Magħmula fi Strasburgu, nhar il-15 ta' Frar 2006.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
Għall-Kunsill
Il-President
K. WINKLER
(1) ĠU C 255, 14.10.2005, p. 72.
(2) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ottubru 2005 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 30 ta' Jannar 2006.
ANNESS
“Ir-Reġistru Ewropew għall-Aġenziji ta' l-Assigurazzjoni tal-Kwalità”
Ir-Reġistru għandu jipprovdi lista ta' aġenziji affidabbli li l-istimi tagħhom jistgħu jkunu fdati mill-Istati Membri (u l-awtoritajiet pubbliċi fi ħdan l-Istati Membri). Għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji ewlenin li ġejjin:
1.
Il-lista ta' aġenziji għandha ssir minn rappreżentanti ta' l-awtoritajiet nazzjonali, tas-settur ta' l-edukazzjoni ogħla (istituzzjonijiet għall-edukazzjoni ogħla, studenti, għalliema u riċerkaturi) u l-aġenziji ta' l-assigurazzjoni tal-kwalità u ta' l-akkreditament attivi fl-Istati Membri, flimkien ma' l-imsieħba soċjali.
2.
Il-kondizzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta' l-aġenziji jistgħu jinkludu fost l-oħrajn:|
(i) |
l-impenn li jkunu kompletament indipendenti meta jgħaddu l-ġudizzju tagħhom; |
|
(ii) |
ir-rikonoxximent għall-inqas mill-Istat Membru li fih joperaw (jew mill-awtoritajiet pubbliċi fi ħdan dak l-Istat Membru); |
|
(iii) |
ħidma fuq il-bażi ta' sett komuni ta' standards u linji gwida li għalihom hemm referenza fir-rakkomandazzjonijiet 1 u 2 indirizzati lill-Istati Membri; |
|
(iv) |
evalwazzjoni esterna regolari min-nies li jaħdmu fil-qasam u esperti oħra, inkluż il-pubblikazzjoni tal-kriterji, il-metodoloġiji u r-riżultati ta' din l-evalwazzjoni. |
3.
Fil-każ li r-reġistrazzjoni tiġi inizjalment miċħuda, tista' sseħħ evalwazzjoni mill-ġdid fuq il-bażi ta' titjib imwettaq.