8.2.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

66


Corrigendum ta' l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2006/1002/PESK tal-21 ta' Diċembru 2006 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2001/554/PESK dwar l-istabbiliment ta' Istitut għall-Istudji dwar Sigurtà ta' l-Unjoni Ewropea

( Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea L 408 tat-30 ta' Diċembru 2006 )

L-Azzjoni Konġunta 2001/1002/PESK għandha tinqara hekk:

AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2006/1002/PESK

tal-21 ta' Diċembru 2006

li temenda l-Azzjoni Konġunta 2001/554/PESK dwar l-istabbiliment ta' Istitut għall-Istudji dwar Sigurtà ta' l-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-20 ta' Lulju 2001, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2001/554/PESK dwar l-istabbiliment ta' Istitut għall-Istudji dwar Sigurtà ta' l-Unjoni Ewropea (1).

(2)

Fit-28 ta' Lulju 2006, is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli ppreżenta, konformement ma' l-Artikolu 19 ta' dik l-Azzjoni Konġunta, rapport dwar l-implimentazzjoni ta' l-Azzjoni Konġunta bil-ħsieb tal-possibbiltà li tiġi riveduta.

(3)

Fit-22 ta' Settembru 2006, il-Kumitat Politiku u tas-Sigurtà (KPS), fir-rwol tiegħu li jeżerċita superviżjoni politika fuq l-attivitajiet ta' l-Istitut, ħa nota ta' dak ir-rapport u rrakkomanda li l-Kunsill jemenda l-Azzjoni Konġunta kif meħtieġ fid-dawl tar-rapport.

(4)

L-Azzjoni Konġunta 2001/554/PESK għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

L-Azzjoni Konġunta 2001/554/PESK hija b'dan emendata kif ġej:

1)

L-Artikolu 2 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 2

Missjoni

L-Istitut għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-PESK, b'mod partikolari l-PESD, f'koerenza ma' l-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà. Għal dak l-għan huwa għandu jmexxi riċerka akkademika u analiżi politika, jorganizza seminars u jwettaq attivitajiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni f'dak il-qasam. Il-ħidma ta' l-istitut għandha inter alia tikkontribwixxi għad-djalogu transatlantiku. Għandha tinvolvi netwerk ta' skambji ma' istituti ta' riċerka u think-tanks oħrajn kemm ġewwa kif ukoll barra mill-Unjoni Ewropea. Kull ma jipproduċi l-Istitut għandu jitqassam kemm jista' jkun ampjament, ħlief għall-informazzjoni klassifikata, li għaliha għandhom japplikaw ir-regolamenti dwar is-sigurtà tal-Kunsill adottati bid-Deċiżjoni 2001/264/KE (*)

(*)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2005/952/KE (ĠU L 346, 29.12.2005, p. 18).;”"

2)

L-Artikolu 5(5) għandu jinbidel b'dan li ġej:

„5.   Id-deċiżjonijiet tal-Bord għandhom jittieħdu b'vot mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri b'maġġoranza kwalifikata, bil-voti ppeżati skond it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 23(2) tat-Trattat, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12(2) ta' din l-Azzjoni Konġunta. Il-Bord għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.”;

3)

Fl-Artikolu 6, għandu jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

„3a.   Jekk il-Bord jiddeċiedi hekk, b'kont meħud ta' l-implikazzjonijiet finanzjarji, wara l-adozzjoni tal-baġit annwali b'unanimità tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri, id-Direttur jista' jiġi assistit minn Viċi Direttur, b'mod partikolari fl-eżekuzzjoni tal-kompiti ta' l-Istitut skond l-Artikolu 2.

Id-Direttur għandu jaħtar il-Viċi Direttur wara approvazzjoni mill-Bord. Il-Viċi Direttur għandu jinħatar għal perjodu ta' tliet snin, bil-possibbiltà ta' estensjoni b'terminu wieħed ta' tliet snin.”;

4)

L-Artikolu 7 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 7

Persunal

1.   Il-persunal ta' l-Istitut, li jikkonsisti f'riċerkaturi u persunal amministrattiv, għandu jkollu l-istatus ta' membri tal-persunal kuntrattwali u għandu jiġi reklutat minn fost ċittadini ta' l-Istati Membri.

2.   Ir-riċerkaturi ta' l-Istitut u l-Viċi Direttur għandhom jiġu reklutati abbażi tal-mertu u tal-kompetenza akkademika rigward il-PESK u, b'mod partikolari, il-PESD, permezz ta' proċeduri ta' kompetizzjoni li jkunu ġusti u trasparenti.”;

5)

L-Artikolu 10 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 10

Programm ta' ħidma

1.   Sat-30 ta' Settembru ta' kull sena, id-Direttur għandu jistabbilixxi abbozz tal-programm ta' ħidma annwali għas-sena ta' wara, flimkien mal-perspettivi indikattivi għat-terminu twil għas-snin ta' wara, u għandu jissottomettih lill-Bord.

2.   Sat-30 ta' Novembru ta' kull sena, il-Bord għandu japprova l-abbozz tal-programm ta' ħidma.”;

6)

L-Artikolu 11 (3) għandu jinbidel b'dan li ġej:

„3.   Id-dħul ta' l-Istitut għandu jikkonsisti mill-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri skond l-iskala tad-dħul gross nazzjonali (DGN). Bil-qbil tad-Direttur, kontribuzzjonijiet addizzjonali jistgħu jiġu aċċettati għal attivitajiet speċifiċi minn Stati Membri individwali jew minn sorsi oħrajn.”;

7)

L-Artikolu 12 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 12

Il-proċedura baġitarja

1.   Sat-30 ta' Settembru ta' kull sena, id-Direttur għandu jippreżenta lill-Bord abbozz tal-baġit annwali għall-Istitut li jkopri n-nefqa amministrattiva, in-nefqa operattiva u d-dħul mistenni għas-sena finanzjarja ta' wara.

2.   Sat-30 ta' Novembru ta' kull sena, il-Bord għandu japprova l-baġit annwali ta' l-Istitut b'unanimità tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri.

3.   Fil-każ ta' ċirkostanzi inevitabbli, eċċezzjonali jew imprevisti, id-Direttur jista' jipproponi lill-Bord abbozz ta' baġit emendatorju. Il-Bord, bil-konsiderazzjoni dovuta għal kwalunkwe urġenza, għandu japprova l-baġit emendatorju b'unanimità tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri.”;

8)

L-Artikolu 17 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 17

Issekondar

1.   Jistgħu jiġu ssekondati riċerkaturi viżitaturi lill-Istitut għal perjodi limitati ta' żmien mill-Istati Membri u minn stati terzi, bi qbil mad-Direttur, biex jieħdu sehem fl-attivitajiet ta' l-Istitut skond l-Artikolu 2.

2.   Bi qbil mad-Direttur, esperti mill-Istati Membri u uffiċjali mill-istituzzjonijiet jew l-aġenziji ta' l-UE jistgħu jiġu ssekondati lill-Istitut għal perjodu fiss kemm f'postijiet fi ħdan l-istruttura organizzattiva ta' l-Istitut jew għal kompiti u proġetti speċifiċi.

3.   Il-membri tal-persunal jistgħu jiġu ssekondati għal perjodu fiss fl-interess tas-servizz għal post barra mill-Istitut, skond id-dispożizzjonijiet dwar il-persunal ta' l-Istitut.

4.   Id-dispożizzjonijiet relatati ma' l-issekondar għandhom jiġu adottati mill-Bord fuq proposta mid-Direttur.”;

9)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 18a

Assoċjazzjoni tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata mill-qrib mal-ħidma ta' l-Istitut. L-Istitut għandu, kif meħtieġ, jistabbilixxi relazzjonijiet ta' ħidma mal-Kummissjoni bil-ħsieb ta' l-iskambju ta' kompetenza u pariri f'oqsma ta' interess reċiproku.”;

10)

L-Artikolu 19 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 19

Ir-rappurtar

Sal-31 ta' Lulju 2011, is-SĠ/RGħ għandu jippreżenta rapport lill-Kunsill dwar il-funzjonament ta' l-Istitut akkumpanjat, jekk meħtieġ, minn rakkomandazzjonijiet adatti bil-ħsieb ta' l-iżvilupp ulterjuri tiegħu.”

11)

L-Artikolu 20(1), (2), (4) and (5) għandu jitħassar.

Artikolu 2

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 3

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 21 ta' Diċembru 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

J. KORKEAOJA


(1)  ĠU L 200, 25.7.2001, p. 1