16.3.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
122 |
POŻIZZJONI KOMUNI TAL-KUNSILL 2006/518/PESK
ta' l-24 ta’ Lulju 2006
li timmodifika u ġġedded ċerti miżuri restrittivi imposti kontra l-Liberja
IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,
Billi:
(1) |
Fl-10 ta' Frar 2004, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2004/137/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Liberja (1) sabiex jiġu implementati miżuri restrittivi imposti kontra l-Liberja mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 1521(2003). Dawn il-miżuri ġew imġedda mill-Pożizzjoni Komuni 2006/31/PESK (2). |
(2) |
Fid-dawl ta' l-iżviluppi fil-Liberja, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fit-13 ta' Ġunju 2006 adotta r-Riżoluzzjoni 1683(2006) li tintroduċi eżenzjonijiet ulterjuri għall-miżuri imposti mill-paragrafi 2(a) u (b) ta' l-UNSCR 1521(2003) dwar l-embargo ta' l-armi. |
(3) |
Fl-20 ta' Ġunju 2006, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta r-Riżoluzzjoni 1689(2006), li ġġedded għal perjodu ulterjuri ta' 6 xhur il-miżuri imposti mill-paragrafu 6 ta' l-UNSCR 1521(2003), dwar il-projbizzjoni ta' importazzjonijiet mil-Liberja tad-djamanti grezzi. |
(4) |
Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ddeċieda wkoll li ma' jġeddidx il-miżuri imposti mill-paragrafu 10 ta' l-UNSCR 1521(2003), dwar il-projbizzjoni ta' importazzjonijiet tal-prodotti kollha ta' l-injam li joriġinaw fil-Liberja; madankollu, huwa ddeċieda li jirrivedi dik id-deċiżjoni wara perjodu ta' disgħin (90) jum, bil-ħsieb li jerġa jimponi dawk il-miżuri sakemm ma jiġix infurmat f'dak il-perjodu li ġiet adottata l-leġislazzjoni tal-forestrija proposta mill-Kumitat għall-Montoraġġ tar-Riforma dwar il-Foresti (KMRF). |
(5) |
Il-miżuri imposti mill-Pożizzjoni Komuni 2004/137/PESK u mġedda mill-Pożizzjoni Komuni 2006/31/PESK għandhom għalhekk jiġu modifikati u, fejn applikabbli, jiġu mġedda sabiex jagħtu effett lill-UNSCR 1683(2006) u l-UNSCR 1689(2006). |
(6) |
Hija meħtieġa azzjoni mill-Komunità sabiex jiġu implementati xi wħud minn dawn il-miżuri, |
ADOTTA DIN IL-POŻIZZJONI KOMUNI:
Artikolu 1
Addizzjonalment għall-eżenzjonijiet mill-applikazzjoni disposti fl-Artikolu 1(2) tal-Pożizzjoni Komuni 2004/137/PESK, il-miżuri imposti skond l-Artikolu 1(1) tal-Pożizzjoni Komuni 2006/31/PESK ma għandhomx japplikaw għal:
(a) |
armi u munizzjoni diġà provduti lil membri tas-Servizzi Speċjali tas-Sigurtà (SSS) għal finijiet ta' taħriġ u li jibqgħu fil-kustodju ta' l-SSS għal użu operattiv mingħajr xkiel, sakemm it-trasferiment tagħhom lill-SSS kien ġie approvat minn qabel mill-Kumitat stabbilit mill-paragrafu 21 ta' l-UNSC 1521(2003) (“il-Kumitat”), u assistenza teknika u finanzjarja relatata ma' tali armi u munizzjoni; |
(b) |
armi u munizzjoni maħsuba għall-użu mill-membri tal-forzi tal-pulizija u tas-sigurtà tal-Gvern tal-Liberja li ġew kontrollati u mħarrġa mill-bidu tal-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Liberja, sakemm tali provvisti ġew approvati minn qabel mill-Kumitat, fuq talba konġunta mill-Gvern tal-Liberja u mill-Istat esportatur, u assistenza teknika u finanzjarja relatata ma' tali armi u munizzjoni. |
Artikolu 2
Il-miżuri imposti mill-Artikolu 3 tal-Pożizzjoni Komuni 2004/137/PESK għandhom jiġu applikati għal perjodu ulterjuri ta' sitt xhur sat-22 ta' Diċembru 2006, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor skond kwalunkwe Riżoluzzjoni futura relevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.
Artikolu 3
Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tibda jkollha effett fid-data ta' l-adozzjoni tagħha.
L-Artikolu 1 għandu japplika b'effett mit-13 ta' Ġunju 2006 u l-Artikolu 2 għandu japplika b'effett mit-23 ta' Ġunju 2006.
Artikolu 4
Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, 24 ta’ Lulju 2006.
Għall-Kunsill
Il-President
K. RAJAMÄKI
(1) ĠU L 40, 12.2.2004, p. 35.
(2) ĠU L 19, 12.2.2004, p. 38.