27.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1


DEĊIŻJONI Nru 1855/2006/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-12 ta' Dicembru 2006

li tistabbilixxi l-Programm Kultura (2007-2013)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 151(5) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Huwa essenzjali li jkunu promossi l-koperazzjoni u l-iskambji kulturali sabiex tiġi rispettata u promossa d-diversità tal-kulturi u tal-lingwi fl-Ewropa u tittejjeb il-konoxxenza fost iċ-ċittadini Ewropej ta' kulturi Ewropej diversi minn tagħhom stess, waqt li fl-istess ħin titqajjem il-kuxjenza tagħhom tal-wirt kulturali komuni Ewropew li jikkondividu. Il-promozzjoni tal-koperazzjoni u tad-diversità kulturali u lingwistika għaldaqstant tgħin sabiex iċ-ċittadinanza Ewropea ssir realtà tanġibbli billi tħeġġeġ parteċipazzjoni diretta taċ-ċittadini Ewropej fil-proċess ta’ integrazzjoni.

(2)

Politika kulturali attiva mmirata lejn il-preżervazzjoni tad-diversità kulturali Ewropea u l-promozzjoni ta' l-elementi kulturali komuni tagħha tista' tikkontribwixxi għat-titjib tal-viżibbiltà esterna ta' l-Unjoni Ewropea.

(3)

Sabiex iċ-ċittadini jagħtu l-appoġġ sħiħ tagħhom għall-integrazzjoni Ewropea u jipparteċipaw bis-sħiħ fiha, għandu jsir enfażi akbar fuq il-valuri u l-għeruq kulturali komuni tagħhom bħala element prinċipali ta’ l-identità tagħhom u tas-sħubija tagħhom f’soċjetà bbażata fuq il-libertà, l-ugwaljanza, id-demokrazija, ir-rispett għad-dinjità u l-integrità tal-bniedem, it-tolleranza u s-solidarjetà, b'rispett sħiħ għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea.

(4)

Huwa essenzjali li s-settur kulturali jikkontribwixxi għal, u jkollu rwol fi, żviluppi politiċi Ewropej usa'. Is-settur kulturali huwa importanti minħabba li jimpjega n-nies u, barra minn hekk, hemm rabta ċara bejn l-investiment fil-kultura u l-iżvilupp ekonomiku, għaldaqstant l-importanza tat-tisħiħ tal-linji politiċi kulturali fil-livelli reġjonali, nazzjonali u Ewropew. Għaldaqstant, għandu jissaħħaħ ir-rwol ta' l-industriji kulturali fl-iżviluppi li qed iseħħu taħt l-Istrateġija ta' Lisbona, billi dawn l-industriji qed jagħtu kontribut li dejjem jikber lill-ekonomija Ewropea.

(5)

Huwa wkoll meħtieġ li tiġi promossa ċ-ċittadinanza attiva u li tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-esklużjoni fil-forom kollha tagħha, inklużi r-razziżmu u l-ksenofobija. It-titjib ta' l-aċċess għal kultura għal kemm jista' jkun nies, jista' jkun mezz sabiex tiġi miġġielda l-eskluzjoni soċjali.

(6)

L-Artikolu 3 tat-Trattat jistipula li, fl-attivitajiet kollha msemmija f’dak l-Artikolu, il-Komunità għandha timmira li telimina l-inugwaljanzi u li tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa.

(7)

Il-programmi kulturali Kaléidoscope, Ariane, Raphaël u Kultura 2000, stabbiliti rispettivament bid-Deċiżjonijiet Nri 719/96/KE (3), 2085/97/KE (4), 2228/97/KE (5) u 508/2000/KE (6), immarkaw stadji pożittivi fl-implimentazzjoni ta’ l-azzjoni Komunitarja dwar il-kultura. B’hekk inkisbet esperjenza konsiderevoli, b’mod partikolari permezz ta’ l-evalwazzjoni ta’ dawn il-programmi kulturali. Issa jaqbel li tkun razzjonalizzata u msaħħa l-azzjoni kulturali tal-Komunità abbażi tar-riżultati ta’ dawn l-evalwazzjonijiet, ir-riżultati tal-konsultazzjoni mal-partijiet kollha interessati u x-xogħlijiet reċenti ta’ l-istituzzjonijiet Ewropej. Huwa għaldaqstant xieraq li jiġi stabbilit programm għal dan il-għan.

(8)

L-istituzzjonijiet Ewropew infushom esprimew irwieħhom f’bosta okkażjonijiet dwar suġġetti relatati ma’ l-azzjoni kulturali tal-Komunità u l-isfidi tal-koperazzjoni kulturali, b’mod partikolari fir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar pjan ġdid ta’ ħidma għall-koperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-kultura (7) u tad-19 ta’ Diċembru 2002 li timplimenta l-pjan ta’ ħidma għall-koperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-kultura (8), ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Settembru 2001 dwar il-koperazzjoni kulturali fl-Unjoni Ewropea (9), tat-28 ta’ Frar 2002 dwar l-implimentazzjoni tal-Programm Kultura 2000 (10), tat-22 ta’ Ottubru 2002 dwar l-importanza u d-dinamiżmu tat-teatru u ta’ l-arti ta’ l-ispettaklu f'Ewropa mkabbra (11), u ta' l-4 ta' Settembru 2003 dwar l-Industriji Kulturali (12), u l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tad-9 ta’ Ottubru 2003 dwar l-estensjoni tal-Programm Kultura 2000.

(9)

Fir-riżoluzzjonijiet tiegħu hawn fuq imsemmija, il-Kunsill saħaq fuq il-ħtieġa li jiġi adottat approċċ aktar koerenti fuq livell Komunitarju fir-rigward tal-kultura, u dwar il-fatt li l-valur miżjud Ewropew huwa kunċett essenzjali u determinanti fil-kuntest tal-koperazzjoni kulturali Ewropea, u kundizzjoni ġenerali għall-miżuri Komunitarji fil-qasam tal-kultura.

(10)

Sabiex l-ispazju kulturali komuni jsir realtà għall-popli ta’ l-Ewropa, huma importanti l-promozzjoni tal-mobbiltà transnazzjonali ta’ l-atturi kulturali u taċ-ċirkolazzjoni transnazzjonali tax-xogħlijiet u tal-prodotti artistiċi u kulturali u l-inkoraġġiment tad-djalogu u ta' l-iskambji kulturali.

(11)

Il-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu tas-16 ta’ Novembru 2004 dwar il-pjan ta' ħidma dwar il-kultura (2005-2006), il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-4 ta' Settembru 2003 dwar Industriji Kulturali, u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, fl-opinjoni tiegħu dwar l-industriji kulturali fl-Ewropa tat-28 ta' Jannar 2004, esprimew il-fehmiet tagħhom dwar il-ħtieġa li jittieħed kont ikbar tal-karatteristiċi ekonomiċi u soċjali speċifiċi ta’ l-industriji kulturali mhux awdjoviżivi. Barra minn hekk, għandu jittieħed kont ta' l-azzjonijiet ta' tħejjija għal koperazzjoni fi kwistjonijiet kulturali promossi bejn l-2002-2004 fil-programm il-ġdid.

(12)

F’dan il-kuntest, hemm bżonn li wieħed jippromwovi koperazzjoni akbar bejn l-atturi kulturali billi jiġu mħeġġa jiffurmaw proġetti ta’ koperazzjoni pluriennali, b' mod li jippermettulhom jiżviluppaw attivitajiet komuni, jagħtu appoġġ għal miżuri aktar immirati b’valur miżjud Ewropew reali, appoġġ għal avvenimenti kulturali simboliċi, appoġġ għal organizzazzjonijiet Ewropej ta’ koperazzjoni kulturali u jħeġġu analiżi dwar temi magħżula ta’ interess Ewropew, kif ukoll il-ġbir u d-disseminazzjoni ta’ informazzjoni u attivitajiet immirati lejn l-akbar użu ta ' l-impatt ta ' proġetti fil-qasam tal-koperazzjoni kulturali Ewropea u l-iżvilupp tal-politika kulturali Ewropea.

(13)

Skond id-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta'Ottubru 2006 li tistabbilixxi azzjoni Komunitarja għall-Belt Kapitali Kulturali Ewropea għas-snin 2007 sa l-2019 (13), għandu jingħata finanzjament sinifikattiv għal dan l-avveniment li għandu profil aċċentwat fost l-Ewropej u li jikkontribwixxi sabiex jissaħħaħ is-sentiment ta' appartenenza għal spazju kulturali komuni. Fil-kuntest ta’ dan l-avveniment, l-aċċent għandu jkun fuq il-koperazzjoni kulturali trans-Ewropea.

(14)

Għandu jingħata appoġġ għall-funzjonament ta’ organizzazzjonijiet li jaħdmu favur il-koperazzjoni kulturali Ewropea u li b’hekk ikollhom ir-rwol ta’ “ambaxxaturi” tal-kultura Ewropea, ibbażat fuq l-esperjenza miksuba mill-Unjoni Ewropea fil-kuntest tad-Deċiżjoni Nru 792/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li tistabbilixxi programm ta’ azzjoni Komunitarja għall-promozzjoni ta’ korpi li huma attivi fuq livell Ewropew fil-qasam tal-kultura (14).

(15)

Hemm bżonn li l-Programm jikkontribwixxi, konformement ma il-prinċipju tal-libertà ta’ l-espressjoni, ma’ l-isforzi ta’ l-Unjoni Ewropea għall-promozzjoni ta’ l-iżvilupp sostenibbli u għall-ġlieda kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni.

(16)

Il-pajjiżi kandidati ta’ l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi ta’ l-EFTA li huma membri tal-Ftehim ŻEE għandhom ikunu rikonoxxuti bħala parteċipanti potenzjali fil-programmi Komunitarji skond il-ftehim konklużi ma’ dawk il-pajjiżi.

(17)

Il-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta’ Ġunju 2003 adotta “L-Aġenda ta’ Tessaloniki għall-Balkani tal-Punent: progress lejn l-integrazzjoni Ewropea”, li tistabbilixxi li l-programmi Komunitarji għandhom ikunu miftuħa għall-pajjiżi fil-Proċess ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni abbażi ta’ ftehim kwadru li għandhom jiġu ffirmati bejn il-Komunità u dawk il-pajjiżi. Dawk il-pajjiżi, jekk jixtiequ u skond kunsiderazzjonijiet baġitarji jew prijoritajiet politiċi, għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-Programm jew jibbenefikaw minn formola aktar limitata għall-koperazzjoni, abbażi ta’ approprjazzjonijiet supplimentari u proċeduri speċifiċi li jridu jiġu miftehma bejn il-partijiet konċernati.

(18)

Il-Programm għandu jkun ukoll miftuħ għall-koperazzjoni ma’ pajjiżi terzi oħra li ffirmaw mal-Komunità ftehim li għandhom kontenut kulturali, skond proċeduri li għadhom iridu jiġu definiti.

(19)

Sabiex jiżdied il-valur miżjud ta’ l-azzjoni Komunitarja, jeħtieġ li jkunu żgurati l-koerenza u l-kumplimentarjetà bejn l-azzjonijiet mwettqa fi ħdan il-qafas ta’ din id-Deċiżjoni u linji politiċi, azzjonijietstrumenti Komunitarji oħra relevanti, konformement ma’ l-Artikolu 151(4) tat-Trattat. Attenzjoni partikolari għandha tingħata lill-inter-konnessjoni tal-miżuri Komunitarji fl-oqsma tal-kultura u l-edukazzjoni u l-azzjonijiet li jippromovu skambji ta' l-aħjar prattika u koperazzjoni aktar mill-qrib fil-livell Ewropew.

(20)

Dwar l-implimentazzjoni ta' l-appoġġ Komunitarju, għandha titqies in-natura speċifika tas-settur kulturali fl-Ewropa, u għandha tingħata attenzjoni partikolari sabiex jiġi żgurat li l-proċeduri amministrattivi u finanzjarji jiġu simplifikati kemm jista’ jkun u adattati għall-għanijiet mfittxija kif ukoll għall-prattiċi u l-iżviluppi fis-settur kulturali.

(21)

Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-punti ta’ kuntatt kulturali għandhom jaħdmu sabiex iħeġġu l-parteċipazzjoni ta' operaturi iżgħar fil-proġetti ta' koperazzjoni pluriennali u l-organizzazzjoni ta' attivitajiet immirati sabiex jġibu flimkien sħab potenzjali tal-proġett.

(22)

Il-Programm għandu jġib flimkien il-kwalitajiet speċifiċi u l-kompetenza ta' l-operaturi kulturali mill-Ewropa kollha. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni u l-Istati Membri ser jieħdu miżuri sabiex jindirizzaw rati baxxi ta' parteċipazzjoni ta' operaturi kulturali fi kwalunkwe Stat Membru jew pajjiż parteċipanti.

(23)

Jaqbel li fil-qafas tal-koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, jiġi żgurat monitoraġġ u evalwazzjoni kontinwi tal-Programm sabiex ikunu jistgħu jsiru aġġustamenti mill-ġdid, b’mod partikolari fi ħdan il-prijoritajiet għall-implimentazzjoni tal-miżuri. L-evalwazzjoni għandha tinkludi evalwazzjoni esterna li trid titmexxa minn korpi indipendenti u imparzjali.

(24)

Il-proċeduri għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-Programm għandhom jagħmlu użu ta' għanijiet u indikaturi li huma speċifiċi, jistgħu jiġu mkejla, jistgħu jintlaħqu, li huma relevanti u puntwali.

(25)

Għandhom jiġu implimentati miżuri adegwati sabiex jipprevjenu irregolaritajiet u frodi u sabiex jiġu rkuprati fondi li ġew mitlufa jew li ġew trasferiti jew użati ħażin.

(26)

Huwa xieraq li jiġi stabbilit strument uniku ta’ finanzjament u ta' programmazzjoni għall-koperazzjoni kulturali, bl-isem “Programm Kultura”, għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013.

(27)

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi, għat-tul kollu tal-Programm, pakkett finanzjarju li jikkostitwixxi r-referenza ewlenija, fis-sens tal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarjal-amministrazzjoni finanzjarja soda (15).

(28)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni 1999/468/KE tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (16).

(29)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni finanzjarja ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (17) (minn hawn 'il quddiem “ir-Regolament Finanzjarju”), u mar-Regolament (KE, Euratom) Nru. 2342/2002 tal-Kummissjoni tat-23 ta' Diċembru 2002 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (18).

(30)

L-azzjoni Komunitarja hi kumplimentarja għall-azzjoni nazzjonali jew reġjonali fil-qasam tal-koperazzjoni kulturali. Ladarba l-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni, jiġifieri t-tisħiħ ta' l-ispazju Kulturali Ewropew ibbażat fuq il-wirt kulturali komuni (mobbiltà transnazzjonali ta’ l-atturi kulturali fl-Ewropa, ċirkolazzjoni transnazzjonali tax-xogħlijiet ta’ l-arti u tal-prodotti kulturali u artistiċi u djalogu interkulturali) ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri minħabba l-karattru transnazzjonali tagħhom, u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala jew l-effetti ta' l-azzjoni jintlaħqu aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

(31)

Għandu jkun hemm dispożizzjonijiet transitorji sabiex tiġi żgurata transizzjoni bla xkiel bejn, minn naħa waħda, il-programmi mfassla bid-Deċiżjonijiet Nru 508/2000/KE u Nru 792/2004/KE u, min-naħa l-oħra, il-Programm stabbilit b’din id-Deċiżjoni,

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Stabbiliment u tul

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-Programm Kultura, programm pluriennali uniku għall-miżuri Komunitarji fil-qasam tal-kultura miftuħ għas-setturi kulturali kollha u l-kategoriji ta' operaturi kulturali kollha (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Programm”).

2.   Il-Programm għandu jiġi implimentat għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013.

Artikolu 2

Baġit

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perjodu msemmi fl-Artikolu 1 huwa b'dan stabbilit għal EUR 400 miljun.

2.   Għandhom ikunu awtorizzati approprjazzjonijiet annwali mill-awtorita' tal-baġit fil-limiti tal-qafas finanzjarju.

Artikolu 3

Għanijiet

1.   L-għan ġenerali tal-Programm għandu jkun dak tat-tkattir taż-żona kulturali kondiviża mill-Ewropej u bbażata fuq wirt kulturali komuni permezz ta' l-iżvilupp ta' koperazzjoni kulturali bejn l-ideaturi, l-atturi kulturali, u l-istituzzjonijiet kulturali, tal-pajjiżi li jipparteċipaw fil-Programm bil-ħsieb li jiġi inkoraġġut l-iżvilupp ta' ċittadinanza Ewropea. Il-Programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta' l-industriji kulturali mhux awdjoviżivi, b' mod partikolari l-intrapriżi kulturali żgħar, fejn dawn l-industriji jaġixxu f'kapaċita kulturali mingħajr skop ta' profitt.

2.   L-għanijiet speċifiċi tal-Programm huma:

(a)

li jippromovi l-mobbiltà transnazzjonali tal-persuni parteċipanti fis-settur kulturali;

(b)

li jħeġġeġ iċ-ċirkolazzjoni transnazzjonali tax-xogħlijiet u tal-prodotti artistiċi u kulturali;

(ċ)

li jħeġġeġ id-djalogu interkulturali.

Artikolu 4

L-oqsma ta’ azzjoni

1.   L-għanijiet tal-Programm għandhom jiġu segwiti permezz ta’ l-implimentazzjoni tal-miżuri li ġejjin, kif deskritti fl-Anness:

(a)

appoġġ għal azzjonijiet kulturali, kif ġej:

proġetti pluriennali ta' koperazzjoni,

miżuri ta’ koperazzjoni,

azzjonijiet speċjali;

(b)

appoġġ għal korpi attivi fuq livell Ewropew fil-qasam tal-kultura;

(ċ)

appoġġ għall-analiżi u għall-ġbir u d-disseminazzjoni ta’ l-informazzjoni u għal attivitajiet li jimmassimizzaw l-impatt ta' proġetti fil-qasam tal-koperazzjoni kulturali Ewropea u l-iżvilupp tal-politika kulturali Ewropea.

2.   Dawn il-miżuri għandhom jitwettqu skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 5

Dispożizzjonijiet dwar pajjiżi terzi

1.   Il-Programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li ġejjin:

(a)

il-pajjiżi ta’ l-EFTA li huma membri taż-ŻEE, skond id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE;

(b)

il-pajjiżi kandidati li jibbenefikaw minn strateġija ta’ qabel l-adeżjoni għall-adeżjoni ma' l-Unjoni, skond il-prinċipji ġenerali u l-kondizzjonijet u l-proċeduri ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi fil-programmi Komunitarji stabbiliti fil-ftehim kwadru;

(ċ)

il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent skond il-proċeduri definiti ma’ dawk il-pajjiżi fil-ftehim kwadru li jipprovdu għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi Komunitarji.

Il-pajjiżi msemmija f’dan il-paragrafu għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ fil-Programm, sakemm ikunu sodisfatti dawn il-kondizzjonijiet u jitħallsu approprjazzjonijiet addizzjonali.

2.   Il-Programm għandu jkun miftuħ ukoll għall-koperazzjoni ma’ pajjiżi terzi oħra li jkunu kkonkludew ftehim ta’ assoċjazzjoni jew ta’ koperazzjoni mal-Komunità li jinkludu klawżoli kulturali, abbażi ta’ approprjazzjonijiet supplimentari u proċeduri speċifiċi li jridu jiġu stabbiliti.

Il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent imsemmija fil-paragrafu 1(ċ) li ma jkunux jixtiequ jibbenefikaw minn parteċipazzjoni sħiħa fil-Programm, jistgħu jibbenefikaw minn koperazzjoni mal-Programm taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu.

Artikolu 6

Koperazzjoni ma’ organizazzjonijiet internazzjonali

Il-Programm għandu jippermetti azzjoni konġunta ma’ organizazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam tal-kultura, bħall-UNESCO jew il-Kunsill ta’ l-Ewropa, abbażi ta’ kontribuzzjonijiet konġunti u skond ir-regoli differenti prevalenti f’kull istituzzjoni jew organizazzjoni għat-twettiq tal-miżuri elenkati fl-Artikolu 4.

Artikolu 7

Kumplimentarjetà ma’ strumenti Komunitarji oħra

Il-Kummissjoni għandha tiżgura rabta bejn il-Programm u strumenti Komunitarji oħra, b’mod partikolari dawk dwar Fondi Strutturali u dawk fl-oqsma ta’ l-edukazzjoni, tat-taħriġ professjonali, tar-riċerka, tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni, taċ-ċittadinanza, taż-żgħażagħ, ta' l-isport, tal-lingwi, ta' l-inklużjoni soċjali, tar-relazzjonijiet esterni ta' l-UE u tal-ġlieda kontra kull forma ta' diskriminazzjoni.

Artikolu 8

Implimentazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-azzjonijiet Komunitarji li jiffurmaw is-suġġett ta' dan il-Programm konformement ma’ l-Anness.

2.   Il-miżuri li ġejjin għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(2):

(a)

il-pjan ta’ ħidma annwali, inklużi prijoritajiet, kriterji ta' l-għażla u proċeduri;

(b)

il-baġit annwali u t-tqassim ta’ fondi fost l-attivitajiet differenti tal-Programm;

(ċ)

il-proċeduri għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni tal-Programm;

(d)

l-appoġġ finanzjarju li għandu jingħata mill-Komunità skond l-Artikolu 4(1)(a), l-ewwel inċiż: ammonti, tul ta' żmien, distribuzzjoni u benefiċjarji.

3.   Il-miżuri l-oħra kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(3).

Artikolu 9

Il-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ xahrejn.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

4.   Il-kumitat għandu jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.

Artikolu 10

Punti ta’ kuntatt kulturali

1.   Il-punti ta’ kuntatt kulturali hekk kif definiti fit-Taqsima I.3.1 ta’ l-Anness għandhom jaġixxu bħala korpi implimentattivi għat-tixrid ta’ informazzjoni dwar il-Programm fuq livell nazzjonali, b'kont meħud ta’ l-Artikolu 54(2)(ċ) u (3) tar-Regolament Finanzjarju.

2.   Il-punti ta’ kuntatt kulturali għandhom jikkonformaw ma' dawn il-kriterji:

(a)

ikollhom numru adegwat ta’ persunal, b’kapaċitajiet professjonali u lingwistiċi adatti għal xogħol f’ambjent ta’ koperazzjoni internazzjonali;

(b)

ikollhom infrastruttura adatta, b’mod partikolari fir-rigward tat-teknoloġija ta’ l-informatika u tal-komunikazzjoni;

(ċ)

jaħdmu f’kuntest amministrattiv li jippermettilhom iwettqu l-kompiti tagħhom b’mod sodisfaċenti u jevitaw kull kunflitt ta’ interess.

Artikolu 11

Dispożizzjonijiet finanzjarji

1.   L-għajnuna finanzjarja għandha tkun f’forma ta’ għotjiet lil persuni ġuridiċi. F'ċerti każijiet jistgħu jingħataw għotjiet lil persuni fiżiċi skond l-Artikolu 114(1) tar-Regolament Finanzjarju. Il-Kummissjoni tista' wkoll tagħti premjijiet lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi għal azzjonijiet jew proġetti implimentati taħt il-Programm. Skond in-natura ta’ l-azzjoni, jistgħu jiġu awtorizzati finanzjamenti b’rata fissa u/jew l-applikazzjoni ta’ rati ta’ prezz għal kull unità.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, skond il-karatteristiċi tal-benefiċjarji u man-natura ta’ l-azzjonijiet, jekk dawn jiġux eżentati mill-verifika tal-kompetenzi u tal-kwalifiki professjonali meħtieġa sabiex jitlestew l-azzjoni jew il-programm ta’ ħidma proposti.

3.   Attivitajiet speċifiċi mill-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura magħżula skond id-Deċiżjoni 1419/1999/KE jistgħu jirċievu għotja jew premju.

Artikolu 12

Kontribut għal għanijiet Komunitarji oħra

Il-Programm għandu jikkontribwixxi għat-tisħiħ ta' l-għanijiet trasversali tal-Komunità, b’mod partikolari billi:

(a)

jippromovi l-prinċipju fundamentali tal-libertà ta’ l-espressjoni;

(b)

iħeġġeġ kuxjenza akbar dwar l-importanza li wieħed jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli;

(ċ)

ifittex li jippromovi fehim reċiproku u tolleranza fl-Unjoni Ewropea;

(d)

jikkontribwixxi għall-eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-koerenza u l-kumplimentarjetà bejn il-Programm u l-linji politiċi Komunitarja fil-qasam tal-koperazzjoni kulturali ma’ pajjiżi terzi.

Artikolu 13

Monitoraġġ u evalwazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura monitoraġġ regolari tal-Programm fir-rigward ta’ l-għanijiet tagħha. Ir-riżultati tal-proċess ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni għandhom jintużaw fl-implimentazzjoni tal-Programm.

Il-monitoraġġ għandu jinkludi b’mod partikolari t-tfassil tar-rapporti msemmija fil-paragrafu 3(a) u (ċ).

L-għanijiet speċifiċi tal-Programm jistgħu, abbażi tar-riżultati tar-rapporti ta' monitoraġġ, jiġu riveduti skond il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 251 tat-Trattat.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura evalwazzjoni regolari, esterna u indipendenti tal-Programm.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni:

(a)

rapport interim ta’ evalwazzjoni dwar ir-riżultati miksuba u dwar l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi ta’ l-implimentazzjoni tal-Programm sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010;

(b)

komunikazzjoni dwar il-kontinwazzjoni ta’ dan il-Programm sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2011;

(ċ)

rapport ta’ evalwazzjoni ex post sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2015.

Artikolu 14

Dispożizzjonijiet Transitorji

L-azzjonijiet mibdija qabel il-31 ta’ Diċembru 2006 abbażi tad-Deċiżjonijiet Nru 508/2000/KE u Nru 792/2004/KE għandhom jibqgħu jiġu amministrati sa l-għeluq tagħhom b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dawn id-Deċiżjonijiet.

Il-kumitat stabbilit skond l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 508/2000/KE għandu jiġi mibdul mill-kumitat previst fl-Artikolu 9 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Strasburgu, 12 ta' Dicembru 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

M. PEKKARINEN


(1)  ĠU C 164, 5.7.2005, p. 65.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2005 (ĠU C 272 E, 9.11.2006, p. 233), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat–18 ta' Lulju 2006 (ĠU C 238 E, 3.10.2006, p. 18), u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l–24 ta' Ottubru 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2006

(3)  Deċiżjoni Nru 719/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Marzu 1996 li tistabbilixxi programm għall-appoġġ ta' l-attivitajiet artistiċi u kulturali li għandhom dimensjoni Ewropea (Kaleidoscope) (ĠU L 99, 20.4.1996, p. 20). Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 477/1999/KE (ĠU L 57, 5.3.1999, p. 2).

(4)  Deċiżjoni Nru 2085/97/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 1997 li tistabbilixxi programm ta' appoġġ, inkluża t-traduzzjoni, fil-qasam tal-kotba u l-qari (Ariane) (ĠU L 291, 24.10.1997, p. 26). Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 476/1999/KE (ĠU L 57, 5.3.1999, p. 1).

(5)  Deċiżjoni Nru 2228/97/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 1997 li tistabbilixxi programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-wirt kulturali (Programm Raphael) (ĠU L 305, 8.11.1997, p. 31). Deċiżjoni kif imħassra bid-Deċiżjoni Nru 508/2000/KE (ĠU L 63, 10.3.2000, p. 1).

(6)  Deċiżjoni Nru 508/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Frar 2000 li tistabbilixxi l-programm Kultura 2000 (ĠU L 63, 10.3.2000, p. 1). Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 885/2004 tal-Kunsill (ĠU L 168, 1.5.2004, p. 1).

(7)  ĠU C 162, 6.7.2002, p. 5.

(8)  ĠU C 13, 18.1.2003, p. 5.

(9)  ĠU C 72 E, 21.3.2002, p. 142.

(10)  ĠU C 293 E, 28.11.2002, p. 105.

(11)  ĠU C 300 E, 11.12.2003, p. 156.

(12)  ĠU C 76 E, 25.3.2004, p. 459.

(13)  ĠU L 304, 3.11.2006, p. 1.

(14)  ĠU L 138, 30.4.2004. p. 40.

(15)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(16)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(17)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(18)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1248/2006 (ĠU L 227, 19.8.2006, p. 3).


ANNESS

I.   DESKRIZZJONI TA' L-ATTIVITAJIET U L-AVVENIMENTI

1.   L-ewwel linja: appoġġ għal attivitajiet kulturali

1.1.   Proġetti pluriennali ta' koperazzjoni

Il-Programm għandu jagħti appoġġ għal proġetti ta' koperazzjoni kulturali sostenibbli u struttutati sabiex iġib flimkien il-kwalità speċifika u l-kompetenza ta' l-operaturi kulturali fi ħdan l-Ewropa kollha. Dan l-appoġġ huwa maħsub sabiex jassisti lil dawn il-proġetti ta' koperazzjoni fil-fażi ta' bidu u strutturazzjoni tagħhom jew fil-fażi ta' estensjoni ġeografika tagħhom. L-għan ghandu jkun li jkunu inkoraġġuti jistabbilixxu pedamenti sostenibbli u jiksbu l-awtonomija finanzjarja.

Kull proġett ta' koperazzjoni għandu jinvolvi mill-inqas sitt operaturi minn sitt pajjiżi differenti li qed jipparteċipaw fil-Programm. L-għan tiegħu għandu jkun li jiġbor flimkien varjetà ta' operaturi minn settur wieħed jew aktar għal bosta attivitajiet pluriennali, li jistgħu jkunu ta' natura settorjali jew trans-settorjali, imma li għandu jkollhom għan komuni.

Kull proġett ta' koperazzjoni għandu jkun maħsub sabiex iwettaq numru ta' attivitajiet kulturali li jkunu strutturati u pluriennali. Dawn l-attivitajiet għandhom ikunu implimentati matul il-perjodu kollu tal-finanzjament Komunitarju. Huma għandhom ikollhom minn ta' l-anqas żewġ jew tliet għanijiet speċifiċi indikati fl-Artikolu 3(2). Ser tingħata prijorità lill-proġetti ta' koperazzjoni li għandhom il-ħsieb li jiżviluppaw attivitajiet li jilħqu t-tliet għanijiet speċifiċi f'dak l-Artikolu.

Il-proġetti ta' koperazzjoni għandhom jiġu magħżula wara sejħiet għal proposti skond ir-Regolament Finanzjarju. F'dan il-kuntest, l-għażla ser issir abbażi, fost oħrajn, tal-kompetenza rikonoxxuta tal-ko-organizzaturi fil-qasam ta' l-attività tagħhom, tal-kapaċità finanzjarja u operattiva tagħhom sabiex iwettqu l-attivitajiet proposti, u tal-kwalità ta' dawn l-attivitajiet u safejn huma jilħqu l-għan ġenerali u l-għanijiet speċifiċi tal-Programm, kif stabbilit fl-Artikolu 3.

Il-proġetti ta' koperazzjoni għandhom ikunu msejsa fuq ftehim ta' koperazzjoni, jiġifieri dokument komuni ta' forma legali f'wieħed mill-pajjiżi parteċipanti u ffirmat mill-ko-organizzaturi kollha.

L-appoġġ Komunitarju ma jistax jaqbeż l-50 % tal-baġit tal-proġett u għandu jkun ta' natura digressiva. Huwa ma jistax jeċċedi EUR 500 000 fis-sena għall-attivitajiet kollha tal-proġetti ta' koperazzjoni. Dan l-appoġġ għandu jingħata għal perjodu ta' minn tlieta sa' ħames snin.

Bħala indikazzjoni, madwar 32 % tal-baġit kollu allokat għall-Programm huma miżmuma għal dan it-tip ta' appoġġ.

1.2.   Miżuri ta' koperazzjoni

Il-Programm għandu jagħti appoġġ għall-azzjonijiet ta' koperazzjoni kulturali ta' natura settorali jew transettorali bejn operaturi Ewropej. Għandha tingħata prijorità lill-kreattività u lill-innovazzjoni. Sejrin ikunu partikolarment imħeġġa l-azzjonijiet li jimmiraw li jesploraw mezzi għall-koperazzjoni sabiex jiżviluppawhom fuq perjodu itwal.

Kull azzjoni għandha tkun imfassla u mwettqa fi sħubija bejn għall-inqas tlitt operaturi kulturali fi tliet pajjiżi parteċipanti differenti, kemm jekk dawn l-operaturi jkunu ġejjin minn settur wieħed jew aktar, kif ukoll jekk le.

L-azzjonijiet għandhom ikunu magħżula wara sejħiet għal proposti skond ir-Regolament Finanzjarju. F'dan il-kuntest, l-għażla ser issir abbażi tal-kompetenza rikonoxxuta tal-ko-organizzaturi, tal-kapaċità finanzjarja u operattiva tagħhom li jwettqu l-attivitajiet proposti, tal-kwalità ta' dawn l-attivitajiet u tal-miżura safejn dawn jilħqu l-għan ġenerali u l-għanijiet speċifiċi tal-Programm, kif stabbiliti fl-Artikolu 3.

L-appoġġ Komunitarju ma jistax jaqbeż il-50 % tal-baġit tal-proġett. Ma jistax ikun la anqas minn EUR 50 000 u lanqas aktar minn EUR 200 000. Dan l-appoġġ għandu jingħata għal perjodu massimu ta' 24 xahar.

Il-kondizzjonijiet stabbiliti għal din l-azzjoni dwar in-numru minimu ta' operaturi meħtieġa sabiex jiġu ppreżentati proġetti, kif ukoll l-ammonti minimi u massimi għall-appoġġ Komunitarju, jistgħu jiġu adattati sabiex jieħdu kont tal-kondizzjonijiet speċifiċi tat-traduzzjoni letterali.

Bħala indikazzjoni, madwar 29 % tal-baġit kollu allokat għall-Programm huma miżmuma għal dan it-tip ta' appoġġ.

1.3.   Azzjonijiet speċjali

Il-Programm għandu jagħti wkoll appoġġ għal azzjonijiet speċjali. Dawn l-azzjonijiet huma speċjali minħabba li għandhom jieħdu dimensjoni u firxa sostanzjali, ikollhom impatt sinifikattiv fuq il-popli ta' l-Ewropa u jgħinu sabiex jiżdied is-sens ta' appartenenza tagħhom għall-istess komunità, u jqajmu l-kuxjenza tagħhom dwar id-diversità kulturali ta' l-Istati Membri, kif ukoll jikkontribwixxu għad-djalogu interkulturali u internazzjonali. Għandhom jilħqu għall-inqas tnejn mit-tliet għanijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3.

Dawn l-azzjonijiet speċjali għandhom ukoll jgħinu sabiex tiżdied il-viżibbiltà ta' l-azzjoni kulturali Komunitarja kemm fi ħdan, kif ukoll lil hinn minn, l-Unjoni Ewropea. Għandhom ukoll jikkontribwixxu sabiex tiżdied il-kuxjenza globali dwar ir-rikkezza u d-diversità tal-kultura Ewropea.

Se jingħata appoġġ sinifikattiv lill-“Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura” bħala għajnuna sabiex jiġu implimentati attivitajiet li jisħqu dwar il-viżibbiltà Ewropea u l-koperazzjoni kulturali trans-Ewropea.

L-azzjonijiet speċjali jistgħu wkoll jinkludu l-għoti ta' premjijiet, sakemm dawn jenfasizzaw artisti, xogħlijiet jew kisbiet kulturali jew artistiċi, jagħmluhom magħrufa lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u b'hekk iħeġġu l-mobbiltà u l-iskambji.

F'dan il-kuntest, jista' jingħata wkoll appoġġ għall-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, kif stabbilit fl-Artikolu 5(2) u fl-Artikolu 6.

L-eżempji mogħtija hawn fuq ma jiffurmawx lista eżawrjenti ta' miżuri li probabbilment isibu appoġġ taħt din it-taqsima ta' din il-linja tal-Programm.

Il-proċeduri selettivi għall-azzjonijiet speċjali ser jiddipendu fuq l-azzjoni in kwistjoni. Il-finanzjamenti ser jingħataw wara sejħiet għal proposti u sejħiet għal offerti, ħlief fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 54 u 168 tar-Regolament Finanzjarju. Jittieħed kont wkoll tal-miżura safejn kull azzjoni tilħaq l-għan ġenerali u l-għanijiet speċifiċi tal-Programm, kif stabbilit fl-Artikolu 3 ta' din id-Deċiżjoni.

L-appoġġ Komunitarju ma jistax jaqbeż is-60 % tal-baġit tal-proġett.

Bħala indikazzjoni, madwar 16 % tal-baġit kollu allokat għall-programm għandhom ikunu destinati għal dan it-tip ta' appoġġ.

2.   It-tieni linja: appoġġ għal korpi attivi fuq livell Ewropew fil-qasam tal-kultura.

Dan l-appoġġ għandu jieħu l-forma ta' għotja għall-operazzjoni sabiex jiġi ko-finanzjat infiq assoċjat mal-programm ta' ħidma permanenti ta' korp li jsegwi għan ta' interess ġenerali Ewropew fil-qasam tal-kultura jew għan li jagħmel parti mill-politika ta' l-Unjoni f'dan il-qasam.

Għandha ssir dispożizzjoni sabiex dawn l-għotjiet jingħataw fuq il-bażi ta' sejħiet għal proposti annwali.

Bħala indikazzjoni, madwar 10 % tal-baġit kollu allokat għall-Programm għandu jingħata lil din il-linja.

L-appoġġ jista' jingħata lil korpi li jaħdmu għal koperazzjoni kulturali b'wieħed jew iżjed mill-modi li ġejjin:

jipprovdu rappreżentanza fuq livell Komunitarju,

jiġbru u jxerrdu informazzjoni għall-faċilitazzjoni tal-koperazzjoni kulturali trans-Ewropea,

jagħmlu networking fil-livell Ewropew għal korpi attivi fil-qasam tal-kultura;

jipparteċipaw fi proġetti ta' koperazzjoni kulturali jew jaġixxu bħala ambaxxaturi għall-kultura Ewropea.

Dawn il-korpi għandhom juru dimensjoni tassew Ewropea. F'dan ir-rigward, huma għandhom jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fil-livell Ewropew, waħedhom jew taħt forma ta' diversi assoċjazzjonijiet koordinati, u l-istruttura (il-membri reġistrati) u l-attivitajiet tagħhom għandhom ikollhom influwenza potenzjali fil-livell ta' l-Unjoni Ewropea jew ikopru għall-inqas seba' pajjiżi Ewropej.

Din il-linja għandha tkun miftuħa għall-korpi appoġġati taħt il-Parti 2 ta' l-Anness I tad-Deċiżjoni Nru 792/2004/KE kif ukoll għal kwalunkwe korp ieħor attiv fil-qasam tal-kultura fil-livell Ewropew, sakemm dawn jilħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 ta' din id-Deċiżjoni u jikkonformaw mat-termini u l-kundizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni.

L-għażla tal-benefiċjarji ta' dawn l-għotjiet operattivi għandha ssir permezz ta' sejħa għal proposti. Din għandha ssir abbażi ta' tqabbil tal-programm ta' ħidma tal-korp ma' l-għanijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3.

L-għotja operattiva totali mogħtija taħt din il-linja ma tistax taqbeż 80 % ta' l-ispejjeż eliġibbli tal-korp għas-sena li għaliha tingħata l-għotja.

3.   t-tielet linja: appoġġ għal xogħlijiet ta' analiżi kif ukoll għall-ġbir u għat-tixrid ta' informazzjoni u għall-massimizzazzjoni ta' l-impatt ta' proġetti fil-qasam tal-koperazzjoni kulturali

Bħala indikazzjoni, madwar 5 % tal-baġit kollu allokat għall-programm għandu jiġi destinat lil din il-linja.

3.1.   Appoġġ għall-punti ta' kuntatt kulturali

Sabiex jiġi żgurat tixrid immirat, effikaċi u popolan ta' informazzjoni prattika dwar il-Programm, għandu jipprevedi appoġġ minn punti ta' kuntatt kulturali. Dawn il-korpi, filwaqt li jaġixxu fil-livell nazzjonali, għandhom jiġu stabbilti fuq bażi volontarja skond l-Artikolu 39 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002.

Il-punti ta' kuntatt kulturali għandhom il-kompitu li:

jippromovu l-Programm,

jiffaċilitaw l-aċċess għall-Programm, u jħeġġu l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tagħhom ta' l-ikbar numru possibbli ta' nies professjonali u ta' operaturi fil-qasam kulturali permezz ta' tixrid effettiv ta' informazzjoni u l-iżvilupp ta' inizjattivi xierqa ta' networking bejniethom,

jipprovdu konnessjoni effiċjenti ma' l-istituzzjonijiet differenti li jagħtu għajnuna lis-settur kulturali fl-Istati Membri, u b'hekk jikkontribwixxu għall-komplimentarjetà bejn il-miżuri meħuda taħt il-Programm u l-miżuri nazzjonali ta' appoġġ,

jipprovdu informazzjoni dwar programmi Komunitarji oħra miftuħa għal proġetti kulturali jekk din tkun meħtieġa.

3.2.   Appoġġ għal xogħlijiet ta' analiżi fil-qasam tal-koperazzjoni kulturali

Il-Programm għandu jagħti appoġġ għat-twettiq ta' studji u xogħlijiet ta' analiżi fil-qasam tal-koperazzjoni kulturali Ewropea u l-iżvilupp tal-politika kulturali Ewropea. Din l-għajnuna għandha l-għan li żżid il-volum u l-kwalità ta' l-informazzjoni u data għall-iżvilupp ta' data u analiżi komparattivi dwar il-koperazzjoni kulturali fil-livell Ewropew, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-mobbiltà ta' ideaturi u atturi kulturali, iċ-ċirkolazzjoni ta' xogħlijiet ta' l-arti u prodotti artistiċi u kulturali u d-djalogu interkulturali.

Din il-linja tista' tagħti appoġġ lil studji u xogħlijiet ta' analiżi li jikkontribwixxu għat-tiżjid tal-konoxxenza dwar il-fenomenu tal-koperazzjoni kulturali trans-Ewropea u għall-ħolqien ta' kondizzjonijiet favorevoli sabiex tiżviluppa. B'mod partikulari għandhom jiġu mħeġġa l-proġetti li għandhom il-għan li jiġbru u janalizzaw l-istatistika.

3.3.   Appoġġ għall-ġbir u t-tixrid ta' informazzjoni u għall-massimizzazzjoni ta' l-impatt ta' proġetti fil-qasam tal-koperazzjoni kulturali

Il-Programm għandu jagħti appoġġ lill-ġbir u t-tixrid ta' informazzjoni u attivitajiet ta' massimizzazzjoni ta' l-impatt ta' proġetti permezz ta' l-iżvilupp ta' għodda fuq l-Internet immirati lejn il-ħtiġijiet tan-nies professjonali tal-kultura fil-qasam tal-koperazzjoni kulturali trans-Ewropea.

Din l-għodda għandha tippermetti l-iskambju ta' esperjenzi u ta' prattika tajba u t-tixrid ta' informazzjoni li tikkonċerna l-Programm kif ukoll il-koperazzjoni kulturali trans-Ewropea fis-sens wiesa'.

II.   L-AMMINISTRAZZJONI TAL-PROGRAMM

L-allokazzjoni finanzjarja tal-Programm tista' wkoll tkopri spejjeż relatati ma' attivitajiet ta' tħejjija, ta' monitoraġġ, ta' kontroll, ta' verifika u ta' evalwazzjoni, li huma direttament meħtieġa għall-amministrazzjoni tal-Programm u għat-twettiq ta' l-għanijiet tiegħu, b'mod partikolari, studji, laqgħat, azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' pubblikazzjoni, spejjeż marbuta ma' networks informatiċi li jiffukaw fuq l-iskambju ta' informazzjoni, flimkien ma' kull spiża oħra ta' assistenza amministrattiva u teknika li għaliha tista' tirrikorri l-Kummissjoni għall-amministrazzjoni tal-programm.

III.   KONTROLLI U VERIFIKI

Għandha tiġi stabbilita sistema kampjunarja ta' verifika għall-proġetti magħżula skond il-proċedura deskritta fl-Artikolu 11(2).

Il-benefiċjarju ta' għotja għandu jipprovdi lill-Kummissjoni bid-dokumenti kollha ta' appoġġ relatati ma' l-infiq għal perjodu ta' ħames snin kalkolati mid-data ta' l-aħħar ħlas. Il-benefiċjarju ta' għotja għandu jiżgura li, fejn applikabbli, jkunu disponibbli għall-Kummissjoni dokumenti ta' appoġġ fil-pussess ta' sħab jew ta' membri.

Il-Kummissjoni tista' tesiġi verifika ta' l-użu magħmul mill-għotja direttament mill-persunal tagħha jew minn kwalunkwe korp estern kwalifikat ta' l-għażla tagħha. Dawn il-verifiki jistgħu jitwettqu tul il-validità tal-kuntratt u għal perjodu ta' ħames snin mid-data li fiha jitħallas il-bilanċ. Fejn xieraq, is-sejbiet mill-verifika jistgħu jwasslu għal deċiżjonijiet ta' rkupru mill-Kummissjoni.

Il-persunal tal-Kummissjoni u persunal estern awtorizzat mill-Kummissjoni għandu jkollu aċċess adegwat għall-uffiċċji tal-benefiċjarju u għall-informazzjoni kollha, inkluża informazzjoni f'verżjoni elettronika, meħtieġa sabiex isiru dawn il-verifiki.

Il-Qorti ta' l-Awdituri u l-Uffiċċju Ewropew għall-Ġlieda kontra l-Frodi (OLAF) għandhom igawdu mill-istess drittijiet, speċjalment dawk ta' aċċess, bħall-Kummissjoni.

Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunita' kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra, il-Kummissjoni tista' twettaq kontrolli u ispezzjonijiet fil-post taħt dan il-Programm skond ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-Kunsill (1). Fejn xieraq, l-investigazzjonijiet għandhom jitwettqu mill-OLAF skond ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

IV.   INFORMAZZJONI, KOMUNIKAZZJONI U ATTIVITAJIET IMMIRATI LEJN IL-MASSIMIZZAZZJONI TA' L-IMPATT TA' PROĠETTI

1.   Kummissjoni

Il-Kummissjoni tista' torganizza seminars, konferenzi jew laqgħat sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Programm, u sabiex twettaq attivitajiet ta' informazzjoni, pubblikazzjoni, tixrid u attivitajiet oħra mmirati lejn il-massimizzazzjoni ta' l-impatt ta' proġetti skond kif ikun xieraq, kif ukoll għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-Programm. Attivitajiet bħal dawn jistgħu jiġu ffinanzjati permezz ta' għotjiet, jew permezz tal-proċedura ta' akkwist pubbliku, jew jiġu organizzati u ffinanzjati direttament mill-Kummissjoni.

2.   Punti ta' kuntatt

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jorganizzaw fuq bażi volontarja u jsaħħu l-iskambju ta' informazzjoni utli għall-implimentazzjoni tal-Programm permezz tal-punti ta' kuntatt kulturali li jaġixxu bħala korpi ta' implimentazzjoni fil-livell nazzjonali, skond l-Artikolu 54(2)(ċ) u (3) tar-Regolament Finanzjarju.

3.   Stati Membri

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 87 tat-Trattat, l-Istati Membri jistgħu, jekk meħtieġ, jistabbilixxu skemi ta' appoġġ għall-mobbiltà individwali ta' l-atturi kulturali sabiex tiġi indirizzata l-parteċipazzjoni, fil-livell baxx, tagħhom fil-Programm. Dan l-appoġġ jista' jkun fil-forma ta' għotjiet għall-ivvjaġġar għal operaturi kulturali sabiex tiġi faċilitata l-fażi ta' tħejjija ta' proġetti kulturali trans-nazzjonali.

V.   TQASSIM ĠENERALI TAL-BAĠIT

Tqassim tal-baġit annwali għall-Programm

 

Perċentwali tal-baġit

Linja 1 (appoġġ għal azzjonijiet kulturali)

Approssimattivament 77 %

proġetti pluriennali ta' koperazzjoni

Approssimattivament 32 %

miżuri ta' koperazzjoni

Approssimattivament 29 %

azzjonijiet speċjali

Approssimattivament 16 %

Linja 2 (appoġġ għal korpi attivi fil-livell Ewropew fil-qasam tal-kultura)

Approssimattivament 10 %

Linja 3 – (appoġġ għal analiżi, ġabra u tixrid ta' informazzjoni)

Approssimattivament 5 %

Nefqa totali operattiva

Approssimattivament 92 %

L-amministrazzjoni tal-programm

Approssimattivament 8 %

Dawn il-perċentwali huma indikattivi u suġġetti għal tibdil mill-Kumitat previst fl-Artikolu 9 skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(2).


(1)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

(2)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.