1.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

494


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Diċembru 2006

dwar l-għoti ta' l-arranġament ta' inċentiv speċjali għall-iżvilupp sostenibbli u għal tmexxija tajba wara l-1 ta' Jannar 2007 lir-Repubblika ta' El Salvador

(2006/978/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 133 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 980/2005 tas-27 ta' Ġunju 2005 li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/924/KE (2) tal-21 ta' Diċembru 2005, El Salvador ġie inkluż fil-lista ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw li jikkwalifikaw għall-arranġament ta' inċentiv speċjali għall-iżvilupp sostenibbli u għal tmexxija tajba, previst fir-Regolament (KE) Nru 980/2005, għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2006 sal-31 ta' Diċembru 2008.

(2)

Skond ir-Regolament imsemmi, l-għoti ta' l-arranġament ta' inċentiv speċjali wara l-1 ta' Jannar 2007 lil pajjiżi ffaċċjati b'kostrizzjonijiet kostituzzjonali speċifiċi għar-ratifika ta' massimu ta' żewġ konvenzjonijiet mis-sittax elenkati fil-Parti A ta' l-Anness III ta' l-istess Regolament huwa suġġett għal deċiżjoni tal-Kunsill.

(3)

Konformement ma' l-istess Regolament, il-Kummissjoni ppreżentat, fid-29 ta' Novembru 2006, rapport lill-Kunsill dwar l-osservanza minn El Salvador ta' l-impenji tiegħu taħt dak ir-Regolament u pproponiet il-kontinwazzjoni ta' l-arranġament ta' inċentiv speċjali wara l-1 ta' Jannar 2007,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu Uniku

Ir-Repubblika ta' El Salvador għandha tkompli tibbenefika mill-arranġament ta' inċentiv speċjali għall-iżvilupp sostenibbli u għal tmexxija tajba previst fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 980/2005, mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2008.

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 19 ta’ Diċembru 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

J. KORKEAOJA


(1)  ĠU L 169, 30.6.2005, p. 1.

(2)  ĠU L 337, 22.12.2005, p. 50.