5.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

873


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-15 ta' Diċembru 2006

li timplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 fir-rigward ta' linji gwida u proċeduri għall-identifikazzjoni ta' l-annimali ovini u kaprini

(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 6522)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2006/968/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 tas-17 ta' Diċembru 2003 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta' l-annimali ovini u kaprini u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u d-Direttivi 91/102/KEE u 64/432/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(d) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) jipprevedi li kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta' l-annimali ovini u kaprini skond dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 21/2004 jipprevedi wkoll li l-annimali kollha f'azjenda mwielda wara d-9 ta' Lulju 2005 għandhom jiġu identifikati b'żewġ mezzi ta' identifikazzjoni. L-ewwel mezz ta' identifikazzjoni huma lametti tal-widna u t-tieni mezz ta' identifikazzjoni huwa stipulat fil-punt 4 tat-Taqsima A ta' l-Anness ta' dan ir-Regolament. Wieħed mit-tieni mezz ta' identifikazzjoni huwa transponder elettroniku. Barra minn dan, l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 21/2004 jipprevedi li, mill-1 ta' Jannar 2008 jew data oħra ffissata mill-Kunsill, l-identifikazzjoni elettronika bħala t-tieni mezz ta' identifikazzjoni għandha tkun obbligatorja għall-annimali kollha.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 21/2004 jipprevedi għall-adozzjoni mill-Kummissjoni ta' linji ta' gwida u proċeduri għall-implimentazzjoni ta' identifikazzjoni elettronika sabiex tittejjeb l-implimentazzjoni tiegħu. Dawn il-linji ta' gwida u l-proċeduri għandhom jiġu applikati għall-dawk l-annimali li għalihom diġà tintuża identifikazzjoni elettronika bħala t-tieni mezz ta' identifikazzjoni u għall-annimali kollha mid-data prevista fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament.

(4)

Sabiex jiġi żgurat li l-identifikaturi li għandhom jiġu applikati lill-annimali ovini u kaprini għall-għan tar-Regolament (KE) Nru 21/2004 huma kapaċi jinqraw fl-Istati Membri kollha, għandhom jiġu stipulati rekwiżiti minimi marbuta ma' ċerti testijiet ta' konformità u prestazzjoni f'din id-Deċiżjoni għall-approvazzjoni ta' l-identifikaturi.

(5)

Sabiex jipprovdu gwida għall-Istati Membri fir-rigward ta' qarrejja, għandhom jiġu stipulati rekwiżiti minimi marbuta ma' ċerti testijiet ta' konformità u prestazzjoni f'din id-Deċiżjoni filwaqt li jitqies li r-Regolament (KE) Nru 21/2004 ma jipprevedix li kull operatur irid ikollu qarrej fil-pussess tiegħu.

(6)

Minħabba l-kondizzjonijiet ġeografiċi u s-sistemi differenti ta' trobbija li fihom jinżammu l-annimali ovini u kaprini fil-Komunità, l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibilità li jirrikjedu testijiet ulterjuri ta' prestazzjoni filwaqt li jitqiesu l-kondizzjonijiet nazzjonali speċifiċi tagħhom.

(7)

L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) ppubblikat standards li jittrattaw ma' aspetti ta' identifikazzjoni ta' l-annimali bi frekwenza tar-radju (radio frequency identification – RFID). Barra minn dan, il-Kumitat Internazzjonali dwar ir-Reġistrazzjoni ta' l-Annimali (International Committee on Animal Recording – ICAR) żviluppa proċeduri mmirati li jivverifikaw il-konformità ta' ċerti karatteristiċi ta' RFID bi standards ta' l-ISO. Dawn il-proċeduri kienu ppubblikati fil-Ftehim Internazzjonali fuq il-Prassi ta' Reġistrazzjoni fil-verżjoni approvata mill-Assemblea Ġenerali ta' l-ICAR, Ġunju 2004. L-istandards ta' l-ISO huma aċċettati u użati internazzjonalment u għalhekk għandhom jitqiesu f'din id-Deċiżjoni.

(8)

Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (Joint Research Centre – JRC) tal-Kummissjoni żviluppa Linji gwida Tekniċi li jispeċifikaw testijiet għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni u l-kapaċità li jinqraw tat-tagħmir ta' RFID li huma ppubblikati fuq il-websajt tal-JRC bħala standards tekniċi tal-JRC. L-elementi essenzjali ta' dawn il-linji gwida għandhom jitqiesu f'din id-Deċiżjoni.

(9)

Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (European Committee for Standardisation – CEN) ippubblika standards tekniċi li jittrattaw l-akkreditazzjoni tal-laboratorji ta' ttestjar. Dawn l-istandards (standards ta' l-EN) huma aċċettati u użati internazzjonalment u għalhekk għandhom jitqiesu f'din id-Deċiżjoni.

(10)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness ta' din id-Deċiżjoni jistipula linji ta' gwida u proċeduri għall-identifikazzjoni elettronika ta' l-annimali:

(a)

Għat-tieni mezz ta' identifikazzjoni, kif previst fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 21/2004 u msemmi fir-raba' inċiż tal-punt 4 tat-Taqsima A ta' l-Anness ta' dan ir-Regolament; kif ukoll

(b)

previst fl-ewwel subparagrafu ta' Artikolu 9(3) tar-Regolament (KEE) Nru 21/2004.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, 15 ta' Diċembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 5, 9.1.2004, p. 8.


ANNESS

Linji ta' gwida u proċeduri għall-approvazzjoni ta' identifikaturi u ta' qarrejja għall-identifikazzjoni ta' l-annimali ovini u kaprini skond ir-Regolament (KE) Nru 21/2004

KAPITOLU I

Definizzjonijiet

Għall-għan ta' dawn il-Linji ta' gwida, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“Kodiċi tal-pajjiż” tfisser kodiċi numerika bi 3 ċifri li tirrappreżenta l-isem tal-pajjiż skond l-istandard ta' l-ISO 3166;

(b)

“Kodiċi nazzjonali ta' identifikazzjoni” tfisser kodiċi numerika bi 12-il ċifra għall-identifikar ta' annimal individwali fuq livell nazzjonali;

(ċ)

“Kodiċi tat-trasponder” tfisser kodiċi elettronika ta' 64-bit ipprogrammata fit-transponder u li fiha inter alia l-kodiċi tal-pajjiż u l-kodiċi nazzjonali ta' identifikazzjoni u użata għall-identifikar elettroniku ta' l-annimali;

(d)

“Identifikatur” tfisser transponder passiv unikament qarrej li japplika t-teknoloġija HDX- jew FDX-B kif definita fl-istandards ta' l-ISO 11784 u 11785 u inkorporata fil-mezzi differenti ta' identifikazzjoni kif imsemmi fl-Anness A tar-Regolament (KE) 21/2004;

(e)

“Qarrej” tfisser sinkronizzanti jew nonsinkronizzanti li, mill-anqas, huwa kapaċi li::

(i)

jaqra identifikaturi; kif ukoll

(ii)

juri l-kodiċi tal-pajjiż u l-kodiċi nazzjonali ta' identifikazzjoni;

(f)

Transceiver sinkronizzanti” tfisser transceiver, li jikkonforma bis-sħiħ ma' l-istandard ta' l-ISO 11785 u kapaċi jipperċepixxi l-preżenza ta' transceivers oħra;

(g)

Transceiver nonsinkronizzanti” tfisser transceiver, li jikkonforma bis-sħiħ mal-klawżola 6 ta' l-istandard ta' l-ISO 11785 u mhuwiex kapaċi jipperċepixxi l-preżenza ta' transceivers oħra.

KAPITOLU II

Identifikaturi

1.

L-awtorità kompetenti għandha tapprova biss l-użu ta' identifikaturi li mill-anqas kienu ttestjati, b'riżultati favorevoli, skond il-metodi speċifikati fil-Ftehim Internazzjonali dwar il-Prassi ta' Reġistrazzjoni tal-Kumitat Internazzjonali dwar ir-Reġistrazzjoni ta' l-Annimali (l-Linji Gwida ta' Reġistrazzjoni ta' l-ICAR), kif imsemmija fil-punti (a) u (b), dwar:

(a)

il-konformità tagħhom ma' l-istandards ta' l-ISO 11784 u ISO 11785, skond il-metodu speċifikat fit-Taqsima 10.2.6.2.1, “Valutazzjoni tal-konformità tat-tagħmir ta' RFID, il-Parti 1: ISO 11784/11785 – konformità ta' transponders inkluż l-għoti u l-użu tal-kodiċi tal-manifattur”; kif ukoll

(b)

il-kisba tagħhom ta' prestazzjoni fil-qari ta' distanzi kif stipulat fit-tielet inċiż tat-Taqsima A.6 ta' l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 21/2004, skond il-metodu speċifikat fit-Taqsima 10, l-Appendiċi 10.5 “Valutazzjoni ta' prestazzjoni ta' tagħmir ta' RFID, il-Parti 1: ISO 11784/11785 – prestazzjoni ta' transponders” li għandu jinkludi qisien ta':

(i)

l-intensità tal-kamp ta' attivazzjoni;

(ii)

id-dipole moment; kif ukoll

(iii)

l-istabilità tat-tul tal-bit għall-FDX-B u l-istabilità tal-frekwenza għall-HDX.

2.

It-testijiet imsemmija fil-punt 1 għandhom jitwettqu fuq minimu ta' 50 identifikatur ta' kull mudell li se jiġi ttestjat.

3.

L-istruttura tal-kodiċi tat-transponder għandha tkun skond l-istandard ta' l-ISO 11784 u d-deskrizzjonijiet stipulati fit-tabella li ġejja:

Nru tal-Bit(s)

Numru ta'ċifri

Nru ta' kombinazzjonijiet

Deskrizzjoni

1

1

2

Il-bit jindika jekk l-identifikatur huwiex użat għall-identifikazzjoni ta' l-annimali jew le. Fl-applikazzjonijiet kollha ta' l-annimali dan il-bit se jkun “1”

2-4

1

8

Retagging counter (0 sa 7).

5-9

2

32

Kamp ta' Tagħrif għall-Utent. Dan il-bit għandu jkun fih “04” li jikkodifika l-kodiċi NM għan-nagħaġ u l-mogħoż skond il-Kapitolu 1, it-Taqsima 1, il-Parti II ta' l-Anness tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2568/87 (1).

10-15

2

64

Vojt – Kollha żero (riżervat għal applikazzjonijiet futuri).

16

1

2

Dan il-bit jindika l-preżenza jew in-nuqqas tagħha ta' blokk ta' data (għall-użu fl-annimali dan il-bit għandu jkun “0” = blokk ta' ebda data).

17-26

4

1 024

Kodiċi tal-pajjiżi kif definiti fil-punt (a) tal-Kapitolu 1.

27-64

12

274 877 906 944

Kodiċi nazzjonali ta' identifikazzjoni kif definit fil-punt (b) tal-Kapitolu 1. Jekk il-kodiċi nazzjonali ta' identifikazzjoni huwa anqas minn 12-il ċifra, l-ispazju bejn il-kodiċi nazzjonali ta' identifikazzjoni u l-kodiċi nazzjonali għandu jkun komplut biż-żeri.

4.

L-awtorità kompetenti tista' titlob testijiet addizzjonali għar-robustezza u r-reżistenza ta' identifikaturi skond il-proċeduri deskritti fil-Parti 2 tal-Linji Gwida Tekniċi taċ-Ċentru Konġunt ta' Riċerka tal-Kummissjoni (JRC).

5.

L-awtorità kompetenti tista' titlob kriteji oħra ta' prestazzjoni sabiex tiżgura l-kapaċità ta' tħaddim ta' l-identifikaturi taħt il-kondizzjonijiet ġeografiċi, klimatiċi u ġestjonali speċifiċi ta' l-Istat Membru kkonċernat.

KAPITOLU III

Qarrejja

1.

L-awtorità kompetenti għandha tapprova biss l-użu ta' qarrejja li mill-anqas kienu ttestjati fuq il-konformità tagħhom ma' l-istandards ta' l-ISO 11784 u 11785, b'riżultati favorevoli, skond il-metodi speċifikati fil-Linji Gwida ta' Reġistrazzjoni ta' l-ICAR, kif imsemmija fil-punti (a) u (b) li ġejja, permezz tat-test ta' konformità għal:

(a)

sinkronizzar ta' transceivers f'konformità mal-metodi speċifikati fit-Taqsima 10.3.5.2 “Valutazzjoni tal-konformità ta' tagħmir ta' RFID, il-Parti 2: ISO 11784/11785 – konformità ta' transceivers”; jew

(b)

nonsinkronizzar ta' transceivers f'konformità mal-metodi speċifikati fit-Taqsima 10.4.5.2 “Valutazzjoni tal-konformità ta' tagħmir ta' RFID, il-Parti 3: Test ta' konformità għal transceivers nonsinkronizzanti għal transponders qarrejja ta' l-ISO 11784/11785”.

2.

L-awtorità kompetenti tista' titlob:

(a)

testijiet addizzjonali fuq ir-robustezza u r-reżistenza mekkanika u termali ta' qarrejja skond il-proċeduri deskritti fil-Parti 2 tal-Linji Gwida Tekniċi tal-JRC; kif ukoll

(b)

testijiet ta' prestazzjoni elettromanjetika kif speċifikati fil-Linji Gwida ta' Reġistrazzjoni ta' l-ICAR, it-Taqsima 10, l-Appendiċi 10.6.2 “Valutazzjoni tal-prestazzjoni ta' tagħmir RFID, il-Parti 2: ISO 11784/11785 – prestazzjoni ta' transceivers portabbli”.

KAPITOLU IV

Laboratorji tat-testijiet

1.

L-awtorità kompetenti għandha taħtar laboratorji tat-testijiet għat-twettiq tat-testijiet previsti fil-Kapitoli II u III.

Minkejja dan, l-awtorità kompetenti tista' taħtar biss laboratorji li joperaw u huma vvalutati u akkreditati skond l-istandards Ewropej li ġejjin (standards ta' l-“EN”) jew standards ekwivalenti:

(a)

EN ISO/IEC 17025, “Rekwiżiti ġenerali għall-kompetenza ta' laboratorji ta' l-ittestjar u l-kalibrazzjoni”;

(b)

EN 45002 “Kriterji ġenerali għall-valutazzjoni tal-laboratorji ta' l-ittestjar”; kif ukoll

(ċ)

EN 45003, “Sistema ta' akkreditazzjoni ta' laboratorji ta' kalibrazzjoni u ttestjar — rekwiżiti ġenerali għall-operat u l-identifikazzjoni”.

2.

L-Istati Membri għandhom ifasslu u jżommu listi aġġornati ta' laboratorji tat-testijiet maħtura mill-awtoritajiet kompetenti u jagħmlu tali tagħrif disponibbli għall-Istati Membri l-oħra u l-pubbliku fuq websajt.


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.