5.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

799


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-11 ta' Diċembru 2006

li tipprovdi għal deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE fir-rigward ta' pjanti ta' Vitis L., għajr għall-frott, li joriġinaw fil-Kroazja jew l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 6365)

(2006/916/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar miżuri ta' ħarsien kontra l-introduzzjoni fil-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-pjanti jew il-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom fil-Komunità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(1) tagħha,

Wara li kkunsidrat it-talba magħmula mis-Slovenja,

Billi:

(1)

Skond id-Direttiva 2000/29/KE, il-pjanti ta' Vitis L., għajr għall-frott, li joriġinaw f'pajjiżi terzi ma jistgħux fil-prinċipju jidħlu fil-Komunità.

(2)

Is-Slovenja talbet deroga li tippermetti importazzjonijiet ta' pjanti ta' Vitis L., għajr għall-frott, mill-Kroazja jew l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għal perjodu limitat ta' żmien sabiex il-mixtliet speċjalizzati jkunu jistgħu jkattru dawn ix-xtieli fil-Komunità qabel ma jesportawhom mill-ġdid lejn il-Kroazja jew l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

(3)

Il-Kummissjoni hi tal-fehma li m'hemmx riskju ta' tixrid ta' organiżmi ta' ħsara għall-pjanti jew prodotti tal-pjanti sakemm il-pjanti ta' Vitis L., għajr għall-frott, li joriġinaw fil-Kroazja jew l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jkunu soġġetti għall-kondizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f'din id-Deċiżjoni.

(4)

Għalhekk l-Istati Membri għandhom jiġu awtorizzati għal perjodu limitat ta' żmien li jippermettu d-dħul fuq it-territorju tagħhom ta' dawn il-pjanti taħt ċerti kondizzjonijiet speċifiċi.

(5)

Din l-awtorizzazzjoni għandha tintemm jekk jiġi stabbilit li l-kondizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f'din id-Deċiżjoni ma jkunux biżżejjed biex jipprevjenu d-dħul ta' organiżmi perikolużi fil-Komunità jew ma jkunux ġew imħarsa.

(6)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma f'konformità ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

B'deroga mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/29/KE fir-rigward tal-punt 15 tal-Parti A ta' l-Anness III ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati jippermettu d-dħul fuq it-territorju tagħhom ta' pjanti ta' Vitis L., għajr għall-frott, maħsuba għat-tlaqqim fil-Komunità u li joriġinaw fil-Kroazja jew l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (minn issa 'l quddiem “il-pjanti”).

Biex jikkwalifikaw għal din id-deroga l-pjanti għandhom ikunu soġġetti, barra milli għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Annessi I u II tad-Direttiva 2000/29/KE, għall-kondizzjonijiet stipulati fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni, u għandhom jidħlu fil-Komunità bejn l-1 ta' Jannar 2007 u l-31 ta' Marzu 2007.

Artikolu 2

L-Istati Membri li jagħmlu użu mid-deroga stipulata fl-Artikolu 1 għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, mhux aktar tard mill-15 ta' Novembru 2007:

(a)

b'tagħrif dwar il-kwantitajiet ta' pjanti impurtati skond din id-Deċiżjoni; u

(b)

b'rapport dettaljat tekniku dwar l-ispezzjonijiet uffiċjali msemmija fil-punt 6 ta' l-Anness.

Kull Stat Membru li fih il-pjanti jiġu sussegwentement imlaqqma wara d-dħul tagħhom fit-territorju, għandu jipprovdi wkoll lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra, mhux aktar tard mill-15 ta' Novembru 2007, b'rapport tekniku ddettaljat ta' l-ispezzjonijiet u l-ittestjar uffiċjali msemmija fil-punt 8(b) ta' l-Anness.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-kunsinni kollha li jidħlu fit-territorju tagħhom skond din id-Deċiżjoni li sussegwentement jinstabu li ma jikkonformawx ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, 11 ta' Diċembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/35/KE (ĠU L 88, 25.3.2006, p. 9).


ANNESS

Kondizzjonijiet speċifiċi li jgħoddu għall-pjanti ta’ Vitis L., għajr għall-frott, li joriġinaw fil-Kroazja jew l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li jibbenefikaw mid-deroga stipulata fl-Artikolu 1

1.

Il-pjanti għandhom ikunu materjal ta' tkattir fil-forma ta' raħs mhux attiv tal-varjetajiet Babić, Borgonja, Dišeča belina, Graševina, Grk, Hrvatica, Kraljevina, Malvazija istarska, Maraština, Malvasija, Muškat momjanski, Muškat ruža porečki, Plavac mali, Plavina-Plavka, Pošip, Škrlet, Teran, Trnjak, Plavac veli, Vugava jew Žlahtina li għandhom ikunu:

(a)

intiżi biex jitlaqqmu fil-Komunità fil-bini msemmi fil-punt 7, fuq riżomi prodotti fil-Komunità.

(b)

maħsuda f'mixtliet ta' tnissil, li jkunu reġistrati uffiċjalment fil-Kroazja jew l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. L-Istati Membri li jagħmlu użu minn din id-deroga għandhom jagħmlu dawn il-listi ta' mixtliet reġistrati disponibbli lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2006. Dawn il-listi għandhom jinkludu l-isem tal-varjetà, in-numru ta' fillieri mxettla ma' din il-varjetà, in-numru ta' pjanti f'kull filliera għal kull waħda minn dawn il-mixtliet, sal-limitu li jitqies adattat biex jintbagħtu lejn il-Komunità fl-2007, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f'din id-Deċiżjoni;

(ċ)

ippakkjati kif suppost u l-ippakkjar magħmul b'mod li jintgħaraf permezz ta' mmarkar, li jippermetti l-identifikazzjoni tal-mixtla reġistrata u tal-varjetà.

2.

Il-pjanti għandhom ikunu akkumpanjati b'ċertifikat fitosanitarju maħruġ fil-Kroazja jew l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja skond l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2000/29/KE, fuq il-bażi ta' l-eżami stabbilit fiha, li jikkonferma, b'mod partikolari, assenza mill-organiżmi perikolużi li ġejjin:

 

Daktulosphaira vitifoliae (Fitch)

 

Xylophilus ampelinus (Panagopoulos) Willems et al.

 

Grapevine Flavescence dorée

 

Xylella fastidiosa (Well et Raju)

 

Trechispora brinkmannii (Bresad.) Rogers

 

Virus tar-ringspot tat-tabakk

 

Virus tar-ringspot tat-tadam

 

Virus tat-tikkek tal-werqa tal-qerqnin

 

Virus tal-możajk tar-rosetta tal-ħawħ

Iċ-ċertifikat għandu jkollu taħt ’Stqarrija Addizzjonali’, din l-istqarrija “Din il-kunsinna tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni K(2006)6365”.

3.

L-organizzazzjoni uffiċjali tal-protezzjoni tal-pajnti tal-Kroazja jew l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għandha tiżgura l-identità tal-pjanti miż-żmien tal-ħsad kif imsemmi fil-punt 1(b) saż-żmien li jiġu esportati lejn il-Komunità.

4.

Il-pjanti għandhom jidħlu minn punti ta' dħul magħżula għal dan il-għan mill-Istat Membru fejn jinsabu.

Dawn il-punti ta' dħul u l-isem u l-indirizz tal-korp uffiċjali responsabbli msemmi fid-Direttiva 2000/29/KE inkarigat f'kull punt ta' dħul għandhom ikunu nnotifikati biżżejjed minn qabel mill-Istat Membru li jagħmel użu mid-deroga lill-Kummissjoni u għandhom isiru disponibbli fuq talba lill-Istati Membri l-oħra.

Fejn id-dħul tal-pjanti fil-Komunità isir fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru li jkun qiegħed jagħmel użu mill-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 1, minn issa 'l quddiem “l-awtorizzazzjoni”, il-korpi uffiċjali responsabbli ta' l-Istat Membru ta' dħul għandhom jgħarrfu u jikkoperaw mal-korpi uffiċjali responsabbli ta' l-Istati Membri li jagħmlu użu mill-awtorizzazzjoni biex jiżguraw konformità ma' din id-Deċiżjoni.

5.

Qabel id-dħul fil-Komunità, l-importatur għandu jkun uffiċjalment infurmat bil-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti 1 sa 4; l-importatur imsemmi għandu jinnotifika d-dettalji ta' kull dħul suffiċjentement bil-quddiem lill-korpi responsabbli uffiċjali fl-Istat Membru ta' dħul u dan l-Istat Membru, mingħajr dewmien, għandu jibgħat d-dettalji tan-notifikazzjoni lill-Kummissjoni, filwaqt li jindika:

(a)

it-tip ta' materjal;

(b)

il-varjetà u l-kwantità;

(ċ)

id-data ta' dħul dikjarata u l-konferma tal-punt tad-dħul;

(d)

l-ismijiet, l-indirizzi u l-postijiet fejn jinsab il-bini msemmi fil-punt 7 fejn ir-raħs se jitlaqqam u jinżamm.

L-importatur għandu jinforma lill-korpi uffiċjali kkonċernati b'kull tibdil fid-dettalji ta' hawn fuq hekk kif dawn ikunu magħrufa.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni bid-dettalji ta' hawn fuq u d-dettalji ta' kull tibdil fihom mingħajr dewmien.

Ta’ l-anqas ġimagħtejn qabel id-data ta' dħul l-importatur għandu jgħarraf lill-korp uffiċjali responsabbli dwar il-bini fejn se jitlaqqmu l-pjanti msemmi fil-punt 7.

6.

L-ispezzjonijiet, inkluz l-ittestjar, skond kif xieraq, meħtieġa b'konformità ma' l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/29/KE u skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni attwali għandhom isiru mill-kopri uffiċjali responsabbli ta' l-Istat Membru li jagħmel użu minn din l-awtorizazzjoni, u fejn ikun xieraq, f'koperazzjoni mal-korpi uffiċjali responsabbli ta' l-Istat Membru fejn il-pjanti ser jinħażnu.

Matul dawn l-ispezzjonijiet, l-Istat(i) Membru(/i) għandu(għandhom) ukoll jispezzjona(w), u fejn ikun xieraq, jittestja(w) għal organiżmi ta' ħsara msemmija fil-punt 2. Kull sejba ta' dawn l-organiżmi ta' ħsara għandha tkun innotifikata minnufih lill-Kummisjoni. Għandha tittieħed azzjoni xierqa biex jinqerdu l-organiżmi ta' ħsara u fejn xieraq, il-pjanti kkonċernati.

7.

Il-pjanti għandhom jitlaqqmu biss f'bini reġistrat uffiċjalment u approvat għall-għan ta' din l-awtorizzazzjoni.

Il-persuna li għandha ħsieb li tlaqqam il-pjanti għandha tinnotifika bil-quddiem il-korpi uffiċjali responsabbli ta' l-Istat Membru fejn jinstab il-bini bl-isem u l-indirizz ta' sid dan il-bini.

Fejn il-post ta' tlaqqim jinstab fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru li jagħmel użu mill-awtorizzazzjoni, l-korpi uffiċjali responsabbli ta' l-Istat Membru li jagħmel użu mill-awtorizzazzjoni għandhom jinformaw il-korpi uffiċjali responsabbli ta' l-Istat Membru fejn il-pjanti se jitlaqqmu bl-ismijiet u l-indirizzi tal-bini fejn il-pjanti se jitlaqqmu. Din l-informazzjoni għandha tingħata fil-mument ta' l-irċevuta tan-notifikazzjoni bil-quddiem mill-importatur kif imsemmi fir-raba' paragrafu tal-punt 5.

8.

Fil-bini msemmi fil-punt 7:

(a)

il-pjanti li nstabu ħielsa minn organiżmi ta' ħsara msemmija fil-punt 2 jistgħu jintużaw għat-tlaqqim fuq riżomi ta' oriġini mill-Komunità. Il-pjanti mlaqqma għandhom sussegwentement jinżammu taħt kondizzjonijiet xierqa f'mezz xieraq ta' tkabbir iżda m'għandhomx jitħawlu jew ikomplu jitkabbru fl-għelieqi. Il-pjanti mlaqqma għandhom jibqgħu fil-bini għal mhux aktar minn tmientax-il xahar sakemm jiġu esportati lejn destinazzjoni 'l barra mill-Komunità kif imsemmi fil-punt 9;

(b)

fil-perjodu ta' wara t-tlaqqim il-pjanti għandhom jiġu spezzjonati b'mod viżwali mill-korpi uffiċjali responsabbli msemmija ta' l-Istat Membru li fih jitlaqqmu, kull tant żmien kif xieraq, għal preżenza ta' organiżmi ta' ħsara jew għal sinjali jew sintomi kkawżat minn xi organiżmu ta' ħsara; bħala riżultat ta' din it-tip ta' spezzjoni viżwali kull organiżmu ta' ħsara li jkun kkawża xi sinjali jew sintomi għandu jiġi identifikat permezz ta' proċedura xierqa ta' ittestjar;

(ċ)

kull pjanta mlaqqma li ma tkunx instabet ħielsa, matul tali spezzjonijiet jew ittestjar imsemmija fil-punti (a) u (b), minn organiżmi ta' ħsara elenkati fil-punt 2, jew li b'xi mod għandha x'taqsam ma' kwarantina, għandha tinqered minnufih taħt il-kontroll ta' l-imsemmija korpi uffiċjali responsabbli.

9.

Kull pjanta li tirriżulta minn tlaqqim li jirnexxi bl-użu tar-raħs imsemmi fil-punt 1 għandha tiġi rilaxxjata biss bħala pjanta mlaqqma għall-esportazzjoni lejn il-Kroazja jew l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Il-korpi uffiċjali responsabbli ta' Stat Membru li jagħmel użu minn din l-awtorizzazzjoni għandhom jiżguraw li kull pjanta li ma tiġix esportata b'dan il-mod għandha tinqered b'mod uffiċjali. Għandhom jinżammu rekords ta' l-ammonti ta' pjanti mlaqqma u li jirnexxu, ta' pjanti li jinqerdu b'mod uffiċjali u ta' pjanti li sussegwentement jiġu esportati mill-ġdid lejn il-Kroazja u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Din l-informazzjoni għandha tkun għad-disposizzjoni tal-Kummissjoni.