1.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

349


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

ta' l-4 ta’ Diċembru 2006

rigward il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika li jġedded il-programm ta’ kooperazzjoni fil-qasam ta’ l-edukazzjoni għolja, l-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ

(2006/910/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikoli 149 u 150 flimkien ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(2) u l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(3) tagħhom,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Bid-deċiżjoni tiegħu ta’ l-24 ta’ Ottubru 2005 l-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika ftehim li jġedded il-programm ta’ kooperazzjoni fl-edukazzjoni għolja u fit-taħriġ vokazzjonali.

(2)

F’isem il-Komunità, il-Kummissjoni nnegozjat ftehim ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika b’konformità mad-direttivi fl-Anness għad-deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika ftehim li jġedded il-programm ta’ kooperazzjoni fl-edukazzjoni għolja u t-taħriġ vokazzjonali.

(3)

Il-Komunità u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika jistennew li jiksbu benefiċċju reċiproku minn din il-kooperazzjoni, li għandha, min-naħa tal-Komunità, tikkomplementa l-programmi bilaterali bejn l-Istati Membri u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika u tipprovdi valur miżjud Ewropew.

(4)

Il-Ftehim kien iffirmat f’isem il-Komunità fil-21 ta' Ġunju 2006 suġġett għal possibbiltà tal-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(5)

Il-Ftehim għandu jkun approvat,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1.   Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika li jġedded programm ta’ kooperazzjoni fl-edukazzjoni għolja u l-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ huwa permezz ta' dan approvat f’isem il-Komunità.

2.   It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-delegazzjoni tal-Komunità Ewropea fil-Kumitat Konġunt imsemmija fl-Artikolu 6 tal-Ftehim għandha tikkonsisti f’rappreżentant mill-Kummissjoni assistit minn rappreżentant minn kull Stat Membru.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill huwa hawnhekk awtorizzat li jinnomina l-persuna li għandha s-setgħa biex tagħti n-notifika li jipprovdi għaliha l-Artikolu 12(1) tal-Ftehim.

Magħmul fi Brussell, 4 ta’ Diċembru 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

L. LUHTANEN


FTEHIM

Bejn il-Komunità Ewropea u l-istati Uniti ta' l-Amerika li jġedded programm ta' koperazzjoni fl-edukazzjoni superjuri, fl-edukazzjoni vokazzjonali u fit-taħriġ

IL-KOMUNITÀ EWROPEA,

minn naħa waħda, u

L-ISTATI UNITI TA' L-AMERIKA,

min-naħa l-oħra

(minn hawn 'il quddiem indikati kollettivament bħala “l-Partijiet”),

JINNOTAW li d-Dikjarazzjoni Transatlantika adottata mill-Komunità Ewropea u mill-Istati Membri tagħha (minn hawn 'il quddiem indikati bħala “l-Komunità Ewropea”) u l-Gvern ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika (minn hawn 'il quddiem indikat bħala “l-Istati Uniti”) f'Novembru 1990 tagħmel referenza speċifika għat-tisħiħ tal-koperazzjoni reċiproka f'oqsma diversi li direttament jinċidu fuq il-benesseri preżenti u futur taċ-ċittadini tagħhom, bħalma huma skambji u proġetti konġunti fl-edukazzjoni u l-kultura, inklużi l-iskambji akkademiċi u taż-żgħażagħ. JINNOTAW li l-Aġenda Transatlantika l-ġdida adottata fis-Summit UE-US f'Diċembru 1995 f'Madrid tirreferi taħt Azzjoni IV — Bini ta' Pontijiet Fuq l-Atlantiku — fil-Ftehim KE/US li jistabbilixxi Programm ta' Koperazzjoni fl-Edukazzjoni u fit-Taħriġ Vokazzjonali bħala katalizzatur potenzjali għal firxa wiesgħa ta' attivitajiet innovattivi ta' koperazzjoni ta' benefiċċju dirett għall-istudenti u għall-għalliema u jirriferu għall-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda fil-klassi, billi jagħmlu rabtiet bejn stabbilimenti edukattivi fl-Istati Uniti u dawk fl-Unjoni Ewropea u jinkoraġġixxu t-tagħlim tal-lingwi, ta' l-istorja u tal-kultura ta' xulxin.

JINNOTAW li l-Konferenza Transatlantika “Pont fuq l-Atlantiku: Rabtiet bejn Poplu u Poplu” ta' l-1997 enfasizzat il-potenzjal għall-koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti ta' l-Amerika fil-qasam ta' l-edukazzjoni informali.

JINNOTAW li fis-Summit UE-US ta' Ġunju 2005, il-mexxejja ftiehmu dwar inizjattiva sabiex jiġu msaħħa l-integrazzjoni u t-tkabbir ekonomiċi transatlantiċi, li identifikat il-koperazzjoni fl-edukazzjoni bħala waħda mill-għodod “biex jiżdiedu s-sinerġiji minn naħa għall-oħra ta' l-Atlantiku hekk kif l-ekonomiji tagħna jsiru dejjem aktar ibbażati fuq it-tagħrif” u impenjaw lilhom infushom sabiex jaħdmu sabiex “iġeddu u jsaħħu l-Ftehim US-UE dwar l-Edukazzjoni Superjuri u t-Taħriġ Vokazzjonali, li jinkludi l-programm Fulbright/Unjoni Ewropea, sabiex jingħataw spinta 'l quddiem il-koperazzjoni fil-qasam ta' l-edukazzjoni u l-iskambji transatlantiċi bejn iċ-ċittadini tagħna”.

JIKKUNSIDRAW li l-adozzjoni u l-implementazzjoni tal-Ftehim ta' l-1995 Bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti ta' l-Amerika li Jistabbilixxi Programm ta' Koperazzjoni fl-Edukazzjoni superjuri, fl-Edukazzjoni Vokazzjonali u fit-Taħriġ u l-Ftehim ta' l-2000 Bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti li jġedded Programm ta' Koperazzjoni fl-Edukazzjoni superjuri, fl-Edukazzjoni Vokazzjonali u fit-Taħriġ jagħmlu effettivi l-impenji tad-Dikjarazzjoni Transatlantika u jikkostitwixxu eżempji ta' koperazzjoni li jkollha suċċess kbir u li tħalli benefiċċji vis-à-vis l-ispejjeż magħmula.

JIRRIKONOXXU l-kontribuzzjoni kruċjali ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ għall-iżvilupp tar-riżorsi umani li jkunu kapaċi jipparteċipaw fl-ekonomija dinjija bbażata fuq it-tagħrif.

JIRRIKONOXXU li l-koperazzjoni fl-edukazzjoni u fit-taħriġ vokazzjonali għandha tikkomplementa inizjattivi relevanti oħra ta' koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti.

JIRRIKONOXXU l-importanza li tkun assigurata l-komplementarjetà ma' inizjattivi relevanti mwettqa fil-qasam ta' l-edukazzjoni superjuri u ta' taħriġ vokazzjonali minn organizzazzjonijiet internazzjonali attivi f'dawn l-oqsma bħall-OECD, l-UNESCO u l-Kunsill ta' l-Ewropa.

JIRRIKONOXXU li l-Partijiet għandhom interess komuni fil-koperazzjoni fl-edukazzjoni superjuri u fl-edukazzjoni vokazzjonali u fit-taħriġ.

JISTENNEW li jakkwistaw benefiċċju reċiproku mill-attivitajiet koperattivi fl-edukazzjoni superjuri u fl-edukazzjoni vokazzjonali u fit-taħriġu.

JIRRIKONOXXU l-bżonn li jwessgħu l-aċċess għall-attivitajiet appoġġati taħt dan il-Ftehim, b'mod partikolari dawk l-attivitajiet fl-edukazzjoni vokazzjonali u fis-settur tat-taħriġ.

JIXTIEQU jistabbilixxu bażi formali għall-kontinwazzjoni tal-koperazzjoni fl-edukazzjoni superjuri u fl-edukazzjoni vokazzjonali u fit-taħriġ,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Għan

Dan il-Ftehim iġedded il-Programm ta' Koperazzjoni ta' l-2000 fl-Edukazzjoni Superjuri u fl-Edukazzjoni Vokazzjonali u fit-Taħriġ (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Programm”), oriġinarjament stabbilit taħt il-Ftehim ta' l-1995 Bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti ta' l-Amerika li jistabbilixxi Programm ta' Koperazzjoni fl-Edukazzjoni Superjuri u fl-Edukazzjoni Vokazzjonali u fit-Taħriġ.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim:

(1)

“Istituzzjoni ta' edukazzjoni superjuri” tfisser kwalunkwe stabbiliment, skond il-liġijiet jew pratki applikabbli, li joffri kwalifiki jew diplomi fil-livell ta' l-edukazzjoni superjuri, irrispettivament mill-isem ta' tali stabbiliment;

(2)

“Istituzzjonijiet ta' edukazzjoni vokazzjonali u ta' taħriġ” tfisser kwalunkwe tip ta' entità pubblika, semi-pubblika jew privata, li, irrispettivament mill-isem mogħti lilha, skond il-liġijiet u l-pratki applikabbli, tipproġetta u timplementa edukazzjoni vokazzjonali jew taħriġ, taħriġ vokazzjonali ulterjuri, taħriġ vokazzjonali ta' aġġornament jew taħriġ mill-ġdid;

(3)

“Studenti” tfisser dawk il-persuni kollha li jipparteċipaw fit-tagħlim jew f'korsijiet ta' taħriġ jew fi programmi mmexxija minn istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri jew ta' edukazzjoni vokazzjonali u taħriġ kif definit f'dan l-Artikolu.

Artikolu 3

Obbjettivi

1.   L-obbjettivi ġenerali tal-Programm għandhom ikunu:

(a)

Il-promozzjoni ta' ftehim reċiproku bejn il-popli tal-Komunità Ewropea u ta' l-Istati Uniti inkluża konoxxenza usa' tal-lingwi, tal-kulturi u ta' l-istituzzjonijiet tagħhom; kif ukoll,

(b)

It-titjib fil-kwalità ta' l-iżvilupp tar-riżorsi umani kemm fil-Komunità Ewropea kif ukoll fl-Istati Uniti, inkluż l-akkwist ta' ħiliet meħtieġa vis-à-vis l-isfidi li ġġib magħha ekonomija bbażata fuq it-tagħrif.

2.   L-obbjettivi speċifiċi tal-Programm għandhom ikunu:

(a)

It-tisħiħ tal-kollaborazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti fl-oqsma ta' l-edukazzjoni superjuri u tat-taħriġ vokazzjonali;

(b)

Kontribut għall-iżvilupp ta' istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri u ta' taħriġ vokazzjonali;

(ċ)

Kontribut għall-iżvilupp personali individwali tal-parteċipanti għall-benefiċċju tagħhom stess u bħala mezz sabiex jinkisbu l-obbjettivi ġenerali tal-Programm; kif ukoll;

(d)

Kontribut għall-iskambji transatlantiċi bejn iċ-ċittadini ta' l-UE u ta' l-Istati Uniti.

3.   L-obbjettivi operattivi tal-Programm għandhom ikunu:

(a)

Appoġġ għall-kollaborazzjoni bejn istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri u istituzzjonijiet ta' taħriġ vokazzjonali bil-ħsieb li jitmexxew 'il quddiem programmi konġunti ta' studju u l-mobbiltà;

(b)

It-titjib fil-kwalità tal-mobbiltà transatlantika ta' l-istudenti billi jkunu promossi t-trasparenza, ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki u l-perjodi ta' studju u t-taħriġ, u, fejn ikun il-każ, it-trasferibbiltà ta' krediti;

(ċ)

Appoġġ għall-kollaborazzjoni bejn organizzazzjonijiet pubbliċi u privati attivi fil-qasam ta' l-edukazzjoni superjuri u tat-taħriġ vokazzjonali bil-ħsieb li jiġu mħeġġa diskussjonijiet u skambju ta' esperjenza dwar kwistjonijiet relatati ma' linji politiċi; kif ukoll

(d)

Appoġġ għall-mobbiltà transatlantika bl-għan li jiġi mtejjeb l-apprezzament reċiproku ta' kwistjonijiet relevanti għar-relazzjonijiet UE-US.

Artikolu 4

Prinċipji

Il-koperazzjoni taħt dan il-Ftehim għandha tkun iggwidata bil-prinċipji li ġejjin:

(1)

Rispett shiħ għar-responsabbiltajiet ta' l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika u għall-awtonomija ta' l-istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni superjuri, ta' l-edukazzjoni vokazzjonali u tat-taħriġ;

(2)

Benefiċċji reċiproċi mill-attivitajiet implementati permezz ta' dan il-Ftehim;

(3)

Parteċipazzjoni wiesgħa bejn id-diversi Stati Membri tal-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti ta' l-Amerika; kif ukoll,

(4)

Rikonoxximent tad-diversità sħiħa kulturali, soċjali, u ekonomika tal-Komunità Ewropea u ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika.

Artikolu 5

Azzjonijiet tal-Programm

Il-Programm għandu jiġi segwit permezz ta' l-azzjonijiet deskritti fl-Anness, li jifforma parti integranti ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 6

Kumitat Konġunt

1.   Huwa b'dan stabbilit Kumitat Konġunt. Dan għandu jinkludi numru ugwali ta' rappreżentanti minn kull waħda mill-Partijiet.

2.   Il-funzjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom ikunu:

(a)

Ir-reviżjoni ta' l-attivitajiet ta' koperazzjoni previsti taħt dan il-Ftehim; kif ukoll

(b)

Il-preżentazzjoni ta' rapport kull sentejn lill-Partijiet dwar il-livell, l-istatus u l-effikaċja ta' l-attivitajiet koperattivi implementati taħt dan il-Ftehim.

3.   Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa' kull sentejn jew kif miftiehem bejn il-Partijiet, b'laqgħat ta' din ix-xorta miżmuma alternattivament fil-Komunità Ewropea u fl-Istati Uniti.

4.   Id-Deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom jintlaħqu b'kunsens. Għandhom jittieħdu minuti, li jinkludu d-dettalji tad-deċiżjonijiet u l-punti prinċipali, waqt kull laqgħa. Dawn il-Minuti għandhom jiġu approvati minn dawk il-persuni magħżula minn kull naħa sabiex imexxu konġuntament il-laqgħa, u għandhom, flimkien mar-rapport ta' kull sentejn, jiġu mqiegħda għad-dispozzjoni ta' l-uffiċjali, ta' livell Ministerjali, ta' kull Parti.

Artikolu 7

Monitoraġġ u Valutazzjoni

Il-Programm għandu jkun immonitorjat u valutat kif meħtieġ fuq bażi koperattiva. Dan għandu jippermetti, kif meħtieġ, ir-riorjentament ta' l-attivitajiet fid-dawl ta' kwalunkwe ħtieġa jew opportunità li titfaċċa matul l-operat tiegħu.

Artikolu 8

Finanzjament

1.   L-attivitajiet taħt dan il-Ftehim għandhom ikunu suġġetti għad-disponibilità ta' fondi u għal-liġijiet u regolamenti, linji politiċi u programmi applikabbli tal-Komunità Ewropea u ta' l-Istati Uniti. Il-finanzjament għandu jkun, sakemm ikun possibbli, fuq il-bażi ta' ekwivalenza ġenerali ta' fondi bejn il-Partijiet. Il-Partijiet għandhom jipprovaw joffru attivitajiet taħt il-Programm ta' benefiċċju u firxa komparabbli.

2.   L-ispejjeż li jsiru mill-Kumitat Konġunt jew f'ismu għandhom jitħallsu mill-Parti li lejha jkunu responsabbli l-membri. L-ispejjeż, minbarra dawk ta' l-ivvjaġġar u ta' sussistenza, li jkunu direttament assoċjati ma' laqgħat tal-Kumitat Konġunt, għandhom jitħallsu mill-Parti ospitanti.

Artikolu 9

Dħul ta' Persunal

Kull Parti għandha tagħmel l-aħjar li tista' sabiex tiffaċilita d-dħul u l-ħruġ fit-territorju tagħha ta' persunal, studenti, materjal u tagħmir tal-Parti l-oħra impenjati jew użati fl-attivitajiet koperattivi taħt dan il-Ftehim.

Artikolu 10

Ftehimiet oħra

Dan il-Ftehim ma għandux jieħu post jew b'mod ieħor jolqot xi ftehim jew attivitajiet oħra mwettqa fl-oqsma koperti bejn kwalunkwe Stat Membru tal-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti ta' l-Amerika.

Artikolu 11

L-Applikazzjoni Territorjali ta' dan il-Ftehim

Dan il-Ftehim għandu japplika, minn naħa waħda, għat-territorji li għalihom japplika t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u taħt il-kundizzjonijiet preskritti f'dak it-Trattat u, min-naħa l-oħra, għall-Istati Uniti.

Artikolu 12

Dħul fis-Seħħ u Terminazzjoni

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bil-miktub li r-rekwiżiti legali tagħhom għad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim twettqu, skond id-data li tiġi l-aħħar. Dan il-Ftehim jieħu post il-Ftehim ta' l-2000 bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti li jġedded il-Programm ta' Koperazzjoni fl-Edukazzjoni Superjuri, fl-Edukazzjoni Vokazzjonali u fit-Taħriġ fl-intier tiegħu.

2.   Dan il-Ftehim għandu jibqa' fis-seħħ għal tmien snin u jista' jiġi estiż jew emendat permezz ta' ftehim reċiproku bil-miktub.

L-emendi u l-estensjonijiet għandhom jidħlu fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bil-miktub li r-rekwiżiti tagħhom għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim li jipprevedi l-emendament jew l-estensjoni in kwistjoni ġew imwettqa.

3.   Dan il-Ftehim jista' jiġi terminat fi kwalunkwe waqt minn kull Parti billi jagħti pre-avviż bil-miktub ta' tnax-il xahar. L-iskadenza jew it-terminazzjoni ta' dan il-Ftehim ma għandhiex tolqot il-validità jew it-tul ta' żmien ta' kwalunkwe arranġament pre-eżistenti magħmula taħtu.

Artikolu 13

Magħmul fi Vjenna f'dan il-wieħed u għoxrin jum ta' Ġunju 2006, duplikatament bl-Ingliż, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Olandiż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ungeriż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol u bl-Iżvediż, bit-testi kollha ugwalment awtentiċi. F'każ ta' diskrepanzi, għandha tipprevalixxi l-lingwa Ingliża.

B'XIEHDA TA' DAN, il-firmatarji, awtorizzati kif dovut, iffirmaw dan il-Ftehim.

Por la Comunidad Europea

Za Evropské společenství

For Det Europæiske Fællesskab

Für die Europäische Gemeinschaft

Euroopa Ühenduse nimel

Για την Ευρωπαϊκή Κοινότητα

For the European Community

Pour la Communauté européenne

Per la Comunità europea

Eiropas Kopienas vārdā

Europos bendrijos vardu

Az Európai Közösség részéről

Għall-Komunità Ewropea

Voor de Europese Gemeenschap

W imieniu Wspólnoty Europejskiej

Pela Comunidade Europeia

Za Európske spoločenstvo

Za Evropsko skupnost

Euroopan yhteisön puolesta

För Europeiska gemenskapen

Image 1

Image 2

Por los Estados Unidos de América

Za Spojené státy americké

For Amerikas Forenede Stater

Für die Vereinigten Staaten von Amerika

Ameerika Ühendriikide nimel

Για τις Ηνωμένες Πολιτείες της Αμερικής

For the United States of America

Pour les États-Unis d'Amérique

Per gli Stati Uniti d'America

Amerikas Savienoto Valstu vārdā

Jungtinių Amerikos Valstijų vardu

az Amerikai Egyesült Államok részéről

Għall-Istati Uniti ta' l-Amerika

Voor de Verenigde Staten van Amerika

W imieniu Stanów Zjednoczonych Ameryki

Pelos Estados Unidos da América

Za Spojené štáty americké

Za Združene države Amerike

Amerikan yhdysvaltojen puolesta

På Amerikas förenta staters vägnar

Image 3

ANNESS

AZZJONIJIET

Azzjoni 1 — Proġetti ta' Konsorzji Konġunti bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti

1.

Il-Partijiet għandhom jipprovdu sostenn lil istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri u ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali li jifformaw konsorzji KE/SU konġunti bl-għan li jwettqu proġetti konġunti fil-qasam ta' l-edukazzjoni superjuri u ta' l-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali.

2.

Kull konsorzju konġunt għandu jkun iffurmat permezz ta' sħubija multilaterali bejn istituzzjonijiet, tal-KE u ta' l-Istati Uniti, ta' edukazzjoni superjuri u ta' taħriġ vokazzjonali.

3.

Il-proġetti ta' konsorzji konġunti għandhom normalment jinvolvu l-mobbiltà transatlantika ta' studenti fil-qafas ta' programmi konġunti ta' studju, bl-għan ta' parità fil-flussi f'kull direzzjoni, u għandhom jipprevedu l-preparazzjoni lingwistika u kulturali adegwata.

4.

L-awtoritajiet kompetenti fuq kull naħa sejrin jiftiehmu dwar l-oqsma ta' suġġetti eliġibbli għal konsorzji KE/SU konġunti bbażati fuq oqsma prijoritarji li jkunu essenzjali għall-koperazzjoni KE/SU.

Azzjoni 2 — Eċċellenza (segwitu) Proġetti ta' mobbiltà

Il-Partijiet jistgħu jipprovdu sostenn finanzjarju għall-mobbiltà ta' l-istudenti lejn il-konsorzji konġunti ta' istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri u ta' taħriġ vokazzjonali li jkollhom rekord stabbilit ta' eċċellenza fl-implementazzjoni ta' proġetti konġunti finanzjati mill-Partijiet.

Azzjoni 3 — Miżuri għall-implementazzjoni ta' politika

Il-Partijiet jistgħu jipprovdu sostenn finanzjarju lil proġetti multilaterali li jinvolvu organizzazzjonijiet attivi fil-qasam ta' l-edukazzjoni superjuri u tat-taħriġ vokazzjonali bl-għan li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti fir-rigward ta' l-iżvilupp ta' l-edukazzjoni superjuri u tat-taħriġ vokazzjonali. Il-miżuri għall-implementazzjoni ta' politika jistgħu jinkludu studji, konferenzi, seminars, gruppi ta' ħidma, eżerċizzji ta' benchmarking u jindirizzaw kwistjonijiet orizzontali dwar l-edukazzjoni superjuri u t-taħriġ vokazzjonali, inkluż ir-rikonoxximent ta' kwalifiki.

Azzjoni 4 — L-Għotjiet “Schuman-Fulbright”

Il-Partijiet għandhom il-ħsieb li jipprovdu boroż ta' studju lil professjonisti bi kwalifiki għolja (inklużi professjonisti fuq taħriġ li jistgħu jkunu qegħdin isegwu studji avvanzati f'universitajiet u skejjel professjonali) li jkunu jixtiequ jsegwu studji jew jieħdu taħriġ, f'oqsma ta' relevanza speċifika għar-relazzjonijiet bejn il-KE u l-Istati Uniti, li jkunu identifikati konġuntament bejn il-Partijiet. Għall-finijiet tal-promozzjoni ta' għotjiet “Schuman-Fulbright” u tas-sostenn ta' riċeventi ta' għotjiet, il-Partijiet jistgħu jipprovdu sostenn finanzjarju lil xi organizzazzjoni li huma jinnominaw konġuntament.

Azzjoni 5 — Assoċjazzjoni ta' Alumni

Il-Partijiet jistgħu jipprovdu sostenn finanzjarju lil Assoċjazzjonijiet ta' Alumni li jinvolvu studenti li pparteċipaw fi skambji sostnuti mill-programm ta' koperazzjoni KE/SU fl-edukazzjoni superjuri u taħriġ vokazzjonali. L-Assoċjazzjonijiet ta' Alumni jistgħu jkunu mmexxija minn organizzazzjonijiet li l-Partijiet għandhom jinnominaw konġuntament.

L-AMMINISTRAZZJONI TAL-PROGRAMM

L-amministrazzjoni ta' dawn l-Azzjonijiet għandha tkun implementata mill-uffiċjali kompetenti ta' kull Parti. Dawn il-kompiti jistgħu jinkludu:

1.

It-teħid ta' deċiżjonijiet dwar ir-regoli u l-proċeduri għall-preżentazzjoni ta' proposti, inkluża l-preparazzjoni ta' sett komuni ta' linji gwida għall-applikanti.

2.

It-twaqqif ta' skeda kronoloġika għall-pubblikazzjoni ta' sejħiet għal proposti, għall-preżentazzjoni u għall-għażla ta' proposti.

3.

Il-provvista ta' informazzjoni dwar il-Programm u dwar l-implementazzjoni tiegħu.

4.

Il-ħatra ta' konsulenti akkademiċi u esperti.

5.

Rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti ta' kull Parti dwar liema proġetti għandhom jiġu finanzjati.

6.

L-għoti ta' servizz ta' amministrazzjoni finanzjarja; u

7.

Il-promozzjoni ta' approċċ koperattiv lejn is-sorveljanza u l-valutazzjoni tal-programmi.

Bħala regola ġenerali, il-Komunità Ewropea sejra tipprovdi sostenn għall-użu mill-imsieħba mill-Komunità Ewropea fil-proġetti; l-Istati Uniti sejjer jipprovdi sostenn għall-użu mill-imsieħba mill-l-Istati Uniti fil-proġetti. Fl-għoti ta' sostenn, il-Partijiet jistgħu jirrikorru għal għotjiet fissi mogħtija darba, gradatorji ta' spejjeż unitarji u/jew boroż ta' studju.

MIŻURI TA' SOSTENN TEKNIKU

Il-fondi jistgħu jintużaw għall-akkwist tas-servizzi neċessarji għall-implementazzjoni tal-Programm. B'mod partikolari, il-Partijiet jistgħu jirrikorru għal esperti; jistgħu jorganizzaw seminars, colloquia jew laqgħat oħra li jkunu jistgħu jiffaċilitaw l-implementazzjoni tal-Programm; u jistgħu iwettqu attivitajiet ta' valutazzjoni, informazzjoni, pubblikazzjoni u disseminazzjoni.