1.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

168


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Novembru 2006

dwar proċeduri ta' konsultazzjoni u informazzjoni f'materji ta' assigurazzjoni ta' kreditu, garanziji ta' kreditu u krediti finanzjarji

(Verżjoni kodifikata)

(2006/789/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 133 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 73/391/KEE tat-3 ta' Diċembru 1973 fuq proċeduri ta' konsultazzjoni u informazzjoni f'materji ta' assigurazzjoni ta' kreditu, garanziji ta' kreditu u krediti finanzjarji (3) ġiet emendata (4) b'mod sostanzjali. Huwa kunsiljabbli, bl-iskop taċ-ċarezza u tar-razzjonalità, li l-imsemmija Deċiżjoni tiġi kkodifikata.

(2)

B'Deċiżjoni tas-27 ta' Settembru 1960 (5), il-Kunsill stabbilixxa Grupp ta' Koordinazzjoni tal-Politika għall-Assigurazzjoni tal-Kreditu, Garanziji tal-Kreditu u Krediti Finanzjarji.

(3)

Huwa kunsiljabbli li jsir provvediment għal proċeduri ta' konsultazzjoni u ta' informazzjoni f'materji ta' assigurazzjoni ta' kreditu, garanziji ta' kreditu u krediti finanzjarji,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Din id-Deċiżjoni tikkonċerna il-proċeduri ta' konsultazzjoni u ta' informazzjoni f'materji ta' l-assigurazzjoni tal-kreditu, garanziji tal-kreditu u krediti finanzjarji.

TITOLU I

PROĊEDURA ĠENERALI

TAQSIMA I

Kamp ta' applikazzjoni

Artikolu 2

1.   Għandha ssir konsultazzjoni skond il-proċedura stabbilita fit-Taqsima II meta jkun propost — minn Stat, minn kull organizzazzjoni Statali jew kull korp pubbliku ieħor għall-assigurazzjoni tal-kreditu jew tal-finanzi — sabiex jingħataw jew ikunu garantiti, totalment jew parzjalment, krediti ta' esportazzjoni:

(a)

marbuta ma' l-esportazzjonijiet tal-merkanzija jew servizzi;

(b)

li ma jkunux skond in-normi elenkati fl-Anness I jew li ma jkunux skond kull norma oħra adottata mill-Istati Membri.

2.   Il-proċedura ta' konsultazzjoni għandha tkun applikabbli:

(a)

jekk tikkonċerna krediti tal-fornitur jew krediti finanzjarji;

(b)

jekk dawn il-krediti ikunu s-suġġett ta' kuntratti individwali jew ta' arranġamenti globali ta' kreditu kif deskritt fl-Artikolu 3;

(ċ)

jekk il-krediti ikunu purament privati jew ikunu mogħtija, totalment jew parzjalment, minn fondi pubbliċi.

3.   Krediti mħallta li jikkombinaw fondi pubbliċi u privati u arranġamenti globali ta' kreditu privat flimkien ma' sussidji ta' l-imgħax ta' fondi pubbliċi għandhom għall-finijiet tal proċedura ta' konsultazzjoni jkunu kunsidrati bħala krediti pubbliċi.

Artikolu 3

1.   “Arranġament globali ta' kreditu” tfisser kull ftehim jew dikjarazzjoni, f'kull forma li jkunu, fejn l-intenzjoni li jkunu garantiti l-krediti tal-fornitur jew il-krediti finanzjarji jew sabiex jingħataw krediti finanzjarji, sa limitu speċifikat u aċċertabbli, u fir-rigward ta' serje konnessa ta' transazzjonijiet, tiġi mgħarrfa lil pajjiż terz jew lill-esportaturi jew lill-istituzzjonijiet finanzjarji.

Il-proċedura ta' konsultazzjoni għandha tkun applikabbli għal dawn l-arranġamenti globali ukoll meta n-natura tat-transazzjonijiet ma kinetx speċifikata u l-ebda impenn formali ma jkun sar, mingħajr preġudizzju għad-dritt li tittieħed deċiżjoni fuq kull kuntratt partikolari.

2.   Jekk, matul konsultazzjoni dwar l-għoti ta' arranġament globali — kemm jekk pubbliku jew privat fin-natura — Stat Membru jew il-Kummissjoni jitolbu li ssir konsultazzjoni orali u jekk matul din il-konsultazzjoni orali seba' Stati Membri jitolbu li l-kuntratti individwali kollha, jew xi wħud minnhom li għandhom jitħallsu minn dan l-arranġament globali, ikunu s-suġġett ta' konsultazzjonijiet minn qabel, il-konsultazzjonijiet għandhom ikunu applikabbli għal dawn il-kuntratti.

3.   Kull Stat Membru li jkun ta arranġament globali għandu, sussegwentement u kull sitt xhur wara, jagħti notifika ta' l-użu li sar ta' tali arranġament.

TAQSIMA II

Proċedura

Artikolu 4

Fil-każ ta' kuntratt individwali, l-Istat Membru li jibda l-konsultazzjonijiet għandu jipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-pajjiż tad-destinazzjoni;

(b)

il-post fejn saret it-transazzjoni jew, fin-nuqqas ta' dak, l-indirizz ta' l-uffiċċju prinċipali tal-kontraenti fil-pajjiż tad-destinazzjoni;

(ċ)

il-karatteristiċi tat-transazzjoni:

(i)

in-natura tat-transazzjoni: it-tip ta' materjal u numru approssimattiv ta' oġġetti li ser jiġu forniti,

(ii)

il-klassifikazzjoni tal-valur skond l-iskala mogħtija fl-Anness II,

(iii)

in-natura, pubblika jew privata, tax-xerrejja jew ta' kull garanti eventwali,

(iv)

jekk fir-rigward tat-transazzjoni se ssir sejħa għall-offerti internazzjonali, id-data ta' l-għeluq għall-preżentazzjoni ta' l-offerti;

(d)

il-kondizzjonijiet prinċipali ta' kreditu mitluba mir-riċevent propost;

(e)

il-kondizzjonijiet ta' kreditu li jipproponu li joffru l-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur:

(i)

il-perċentwal pagabbli fuq kreditu;

(ii)

it-tul taż-żmien tal-kreditu u meta jibda (eż. kull konsenja, l-aħħar konsenja, kummissjonar);

(iii)

ir-rata ta' ħlas lura;

(iv)

fejn il-ħlas lura ma jsirx b'rati indaqs f'intervalli regolari bejn il-punt tal-bidu u l-waqfien tal-kreditu, id-dettalji eżatti kif dan għandu jsir (il-perċentwal ta' kull rata u d-data eżatta tal-ħlas);

(v)

l-ammont effettiv ta' sussidju ta' l-imgħax, fejn dan ikun differenti minn dak riċevibbli skond is-sistema normali; ir-rata ta' l-imgħax jekk il-kreditu għandu jingħata minn fondi pubbliċi;

(vi)

l-ispejjeż ta' l-assigurazzjoni tal-kreditu, fejn dawn ikunu differenti minn dawk pagabbli skond is-sistema normali;

(vii)

l-iskop u l-kondizzjonijiet ta' kull sostenn għan-nefqa lokali;

(f)

ir-raġunijiet preċiżi invokati sabiex ma jkunux applikati, jew sabiex ikun hemm xi deroga minn, in-normi previsti fl-Artikolu 2(1). Fejn ikunu jeżistu, iċ-ċirkostanzi li ġejjin għandhom ikunu speċifikati:

(i)

kreditu ta' għajnuna;

(ii)

kompetizzjoni minn pajjiż terz (bl-indikazzjoni jekk appoġġat jew le);

(iii)

transazzjoni addebitabbli lil xi arranġament globali li kienet is-suġġett ta' konsultazzjoni minn qabel.

Artikolu 5

Fil-każ ta' arranġamenti globali ta' kreditu, l-Istat Membru li jibda l-konsultazzjoni għandu jipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-pajjiż ta' destinazzjoni;

(b)

l-ammont totali involut fl-arranġament globali ta' kreditu;

(ċ)

l-iskop tal-kreditu:

(i)

jekk magħruf, il-post fejn tkun se ssir it-transazzjoni,

(ii)

it-tip tal-materjal li l-fornitura tiegħu tkun kontemplata,

(iii)

in-natura, pubblika jew privata, ta' min jissellef u ta' garanti eventwali;

(d)

il-kondizzjonijiet ta' kreditu simili għall-informazzjoni prevista taħt il-punt (e) ta' l-Artikolu 4 u r-rekwiżiti ta' eliġibbiltà għall-kuntratti individwali (eż. id-dati ta' skadenza għall-addebitament ta' l-arranġament globali ta' kreditu, il-prezzijiet minimi tal-kuntratt li għandhom jiġu stabbiliti, jekk ikun hemm);

(e)

ir-raġunijiet preċiżi invokati sabiex ma jkunux applikati, jew sabiex ikun hemm xi deroga minn, in-normi previsti fl-Artikolu 2(1). Fejn ikunu jeżistu, iċ-ċirkostanzi li ġejjin għandhom ikunu speċifikati:

(i)

kreditu ta' għajnuna;

(ii)

kompetizzjoni minn pajjiż terz (bl-indikazzjoni jekk appoġġat jew le).

Artikolu 6

L-enumerazzjoni li ġejja għandha tkun osservata meta tiġi trasmessa l-informazzjoni:

(a)

kuntratti individwali: ittri li jikkorrispondu għall-Istat Membru li jkun qed jikkonsulta segwiti b'numru serjali għal kull sena; fejn kuntratt ikun addebitat lil arranġament globali, għandha tkun idikata wkoll l-enumerazzjoni ta' dan l-arranġament globali;

(b)

arranġamenti globali ta' kreditu privat: ittra “X” segwita bl-ittri li jikkorrispondu għall-Istat Membru li jkun qed jikkonsulta u b'numru serjali għal kull sena;

(ċ)

krediti pubbliċi jew imħallta: l-ittra “A” segwita bl-ittri li jikkorrispondu għall-Istat Membru li jkun qed jikkonsulta u b'numru serjali għal kull sena.

Artikolu 7

Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkoordinaw l-attitudinijiet tagħhom fi żmien tajjeb u xieraq, l-informazzjoni prevista taħt l-Artikoli 4 u 5 għandha tintbagħat kemm jista' jkun malajr wara l-bidu ta' l-istudju tal-garanziji jew tal-krediti proposti stess, jew ta' kull deċiżjoni oħra li, skond il-kondizzjonijiet tar-regolamenti nazzjonali jew il-prattika amministrattiva nazzjonali, jikkostitwixxu prerekwiżit għall-eżami sussegwenti ta' dawn il-garanziji jew krediti.

Artikolu 8

Fejn ikun hemm xi bidla fil-fatturi li jiġġustifikaw xi deroga min-normi jew jekk jiġu proposti kondizzjonijiet ġodda bażiċi tal-kreditu li jkunu differenti minn dawk speċifikati fil-bidu mill-Istat Membru li jkun qed jikkonsulta, għandhom isiru konsultazzjonijiet mill-ġdid taħt referenza riveduta.

Jekk, iżda, il-kondizzjonijiet ġodda proposti ikunu aktar restrittivi, dak l-Istat Membru għandu jkun obbligat biss għall-informazzjoni diretta taħt ir-referenza inizjali.

Artikolu 9

L-informazzjoni speċifikata fl-Artikoli 4 u 5, ir-risposti speċifikati fl-Artikolu 10 u n-notifika msemmija fl-Artikolu 15 għandhom jiġu trasmessi bit-telex lir-riċeventi rispettivament maħtura minn kull Stat Membru, mill-Kummissjoni u mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

Kull korrispondenza relattiva għal konsultazzjoni għandha jkollha n-numru ta' din ta' l-aħħar u indikazzjoni tal-pajjiż ta' destinazzjoni.

Artikolu 10

1.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu:

(a)

jindikaw li l-kondizzjonijiet proposti mill-Istati Membri ma jeħtieġux kummenti;

(b)

jitolbu dettalji addizzjonali mill-Istati Membri li jkunu qed jikkonsultaw;

(ċ)

jagħmlu kummenti u riservi jew jesprimu opinjoni sfavorevoli; tkun biss opinjoni espressa bħala “opinjoni sfavorevoli” li għandha titqies bħala tali;

(d)

jitolbu laqgħa konsultattiva.

2.   Il-laqgħa konsultattiva għandha ssir awtomatikament fejn it-transazzjoni suġġetta għall-konsultazzjoni tkun ingħatat opinjoni sfavorevoli minn seba' Stati Membri.

3.   Ħlief fejn japplika l-Artikolu 13, l-Istat Membru li jkun qed jikkonsulta għandu jissospendi d-deċiżjoni tiegħu sa l-iskadenza tal-perjodi stabbiliti fl-Artikolu 11, jew, fejn ikollha ssir awtomatikament laqgħa konsultattiva taħt il-paragrafu 2, sa meta ssir tali laqgħa.

Artikolu 11

Il-proċedura prevista fl-Artikolu 10(1) għandha tibda f'perjodu ta' sebat ijiem kalendarji mid-data tal-komunikazzjoni introduttorja mill-Istat Membru li jkun qed jikkonsulta.

Fejn jiġu indirizzati talbiet għal dettalji addizzjonali lill-Istat Membru li jkun qed jikkonsulta, mhux aktar tard mill-iskadenza tat-terminu ta' sebat ijiem kalendarji, l-Istat Membru li jkun qed jikkonsulta għandu jwieġeb mhux aktar tard minn ħamest ijiem kalendarji.

Il-parteċipanti fil-proċedura fuq imsemmija għandhom jingħataw perjodu massimu ta' tlett ijiem tax-xogħol wara r-riċezzjoni ta' dawn id-dettalji addizzjonali sabiex jesprimu l-opinjoni tagħhom.

Artikolu 12

In-nuqqas min-naħa ta' l-Istati Membri konsultati jew tal-Kummissjoni li jirrispondu fil-perjodi stabbiliti fl-Artikolu 11 għandu jitqies nuqqas ta' kummenti kif definit fil-punt (a) ta' l-Artikolu 10(1).

Hekk kif Stat Membru, li jitlob dettalji addizzjonali, jkun innotifika r-riċeventi msemmija fl-Artikolu 9 li ma rċeviex risposta fid-data ta' l-iskadenza tal-perjodu stabbilit fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 11, għandha ssir laqgħa konsultattiva awtomatikament u għandu japplika l-Artikolu 10(3).

Artikolu 13

Bħala miżura eċċezzjonali, l-Istat Membru li jkun qed jikkonsulta jista' jieħu deċiżjoni immedjata dwar it-transazzjoni proposta jekk jikkonsidra li dik id-deċiżjoni ma tistax iddum iżjed.

Madankollu, ħlief fil-każ ta' krediti pubbliċi, l-ewwel paragrafu ma japplikax:

(a)

fil-każ li d-deċiżjoni sabiex jingħata jew jiġi garantit l-kreditu tkun ibbażata biss fuq kompetizzjoni intra-Komunitarja. Madankollu, il-possibbiltà li tittieħed deċiżjoni minnufih dwar it-transazzjoni għandha tkun permessa taħt kondizzjonijiet li Stat Membru ieħor ikun diġà ddeċieda li jappoġġa;

(b)

safejn kull proċedura, stabbilita f'kuntest internazzjonali u li għaliha jkunu Partijiet l-Istati Membri kollha, tipprovdi lill-parteċipanti biss il-possibbiltà, fil-każ ta' urġenza, tat-tnaqqis tal-perjodi normali għar-risposta.

Artikolu 14

Għandhom jinżammu laqgħat konsultattivi fl-okkażjoni ta' kull laqgħa tal-Grupp tal-Koordinazzjoni tal-Politika għall-Assigurazzjoni tal-Kreditu, Garanziji ta' Kreditu u Krediti Finanzjarji stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Settembru 1960, jew tas-subgruppi tiegħu. Addizzjonalment, fuq it-talba ta' xi Stat Membru, għandhom jinżammu laqgħat speċjali bejn il-laqgħat tal-Grupp jew tas-subgruppi tiegħu.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkomunikaw lir-riċeventi msemmija fl-Artikolu 9, jekk possibbli erbat ijiem qabel il-laqgħat konsultattivi, il-lista tal-kwistjonijiet li jkollohom il-ħsieb jippreżentaw għad-diskussjoni.

Il-laqgħat konsultattivi għandhom isiru fis-sede tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

Artikolu 15

Fil-każijiet kollha d-deċiżjoni finali meħuda dwar kull transazzjoni għandha tkun mgħarrfa lill-Istati Membri l-oħra. In-notifika ta' din id-deċiżjoni għandha tkun akkumpanjata minn stqarrija tar-raġunijiet għaliex l-Istat Membru ma setax isegwi l-kummenti, ir-riservi jew l-opinjonijiet sfavorevoli espressi mill-imsieħba konsultati.

TITOLU II

PROĊEDURI SPEĊJALI

Artikolu 16

Kull Stat Membru jista' jsaqsi kull Stat Membru ieħor jekk jafx b'xi transazzjoni li sadakinhar ma kinitx is-suġġett ta' konsultazzjoni u, partikolarment bil-kondizzjonijiet ta' kreditu allegati minn xi esportatur jew istituzzjoni finanzjarja. Jekk ma tingħata ebda risposta għal dawn it-talbiet ta' dettalji fi żmien sebat ijiem, l-Istat Membru li jagħmel it-talba jkollu d-dritt jikkonsidra li l-Istat Membru kkonsultat ikun jaf b'din l-affari u li l-kondizzjonijiet ta' kreditu allegati jitqiesu huma meqjusa bħala stabbiliti. L-Istat Membru li jagħmel it-talba jkollu d-dritt li jibda konsultazzjoni skond il-proċedura preskritta skond it-Titolu I, filwaqt li jindika espressament li din tkun motivat minn sitwazzjoni kompetittiva meqjusa bħala stabbilita.

Jekk tkun diġà ġiet mibdija konsultazzjoni minn Stat Membru u Stat Membru ieħor, li jiġi msejjaħ sabiex jappoġġa l-istess transazzjoni, isaqsi l-ewwel Stat dwar il-pożizzjoni finali tiegħu, in-nuqqas ta' risposta għal tali mistoqsija ma' l-iskadenza ta' perjodu ta' ħamest ijiem tax-xogħol għandu jawtorizza l-Istat Membru li jagħmel il-mistoqsija sabiex jikkonsidra li l-Istat Membru mistoqsi jkun appoġġa l-affari taħt il-kondizzjonijiet indikati matul il-konsultazzjoni.

Artikolu 17

Fir-rigward ta' krediti mhux marbuta li ma jikkonformawx man-normi stabbiliti fl-Anness I jew ma' kull norma oħra adottata mill-Istati Membri għandhom, fil-qafas tal-Grupp tal-Politika Koordinata għall-Kreditu ta' l-Assigurazzjoni, Garanziji ta' Kreditu u Krediti Finanzjarji, għandha ssir notifika:

(a)

tal-komponenti bażiċi tal-krediti mogħtija matul it-tliet xhur ta' qabel;

(b)

ta' l-użu magħmul minn krediti mhux marbuta sa l-għeluq tas-sena preċedenti.

Artikolu 18

Meta Stat Membru jikkonkludi ma' pajjiż terz ftehim li jirriferi għall-għoti possibbli ta' krediti mingħajr ma jkunu speċifikati kondizzjonijiet preċiżi tagħhom:

(a)

fil-każ ta' krediti marbuta, għandu mal-konklużjoni tal-ftehim jikkomunika l-karatterisitiċi ewlenin tiegħu lir-riċeventi msemmija fl-Artikolu 9;

(b)

fil-każ ta' krediti mhux marbuta, in-notifikazzjonijiet previsti fl-Artikolu 17 għandhom japplikaw ugwalment għal dawn il-krediti.

TITOLU III

RAPPORTI PERJODIĊI

Artikolu 19

Il-Grupp tal-Politika Kordinata għall-Assigurazzjoni tal-Kreditu, Garanziji tal-Kreditu u Krediti Finanzjarji għandu jippreżenta rapporti kull sitt xhur dwar l-applikazzjoni tal-proċeduri previsti fit-Titoli I u II.

Bla preġudizzju għal dawn ir-rapport perjodiċi, għandhom ukoll isiru rapporti supplimentari jekk dawn ikunu meħtieġa min-natura u l-importanza tad-diffikultajiet li jinstabu fl-applikazzjoni tal-proċeduri.

TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 20

Id-Deċiżjoni 73/391/KEE hija b'dan imħassra.

Ir-referenzi magħmula għad-Deċiżjoni mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi magħmula għal din id-Deċiżjoni u għandhom jinqraw skond it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness IV.

Artikolu 21

Din id-Deċiżjoni hija ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 13 ta’ Novembru 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

E. TUOMIOJA


(1)  ĠU C 226 E, 15.9.2005, p. 43.

(2)  ĠU C 302, 7.12.2004, p. 19.

(3)  ĠU L 346, 17.12.1973, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mill-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-1994.

(4)  Ara l-Anness III.

(5)  ĠU 66, 27.10.1960, p. 1339.


ANNESS I

NORMI KOMUNITARJI LI MA JISTGĦUX JIĠU DEROGATI MINGĦAJR KONSULTAZZJONI

A.   Tul ta' krediti

It-tul ta' kull kreditu mogħti, sew jekk ikun kreditu tal-fornitur kif ukoll jekk ikun kreditu finanzjarju, ma għandux jaqbeż ħames snin li jibdew minn dawn il-punti:

1.

Oġġetti kapitali li jikkonsistu f'oġġetti individwali li jistgħu jintużaw waħidhom (per eżempju, lokomotivi):

id-data medja, jew dati attwali, li fihom ix-xerrej ikollu jieħu pussess fiżiku ta' l-oġġetti f'pajjiżu.

2.

Oġġetti kapitali destinati għal impjanti jew fabbriki kompleti fejn il-fornitur ma jkollu l-ebda responsabbiltà relattivament għall-ikkummissjonar:

id-data li fiha x-xerrej ikollu jieħu pussess fiżiku tat-totalità ta' l-oġġetti (ħlief għal spare parts) forniti taħt il-kuntratt.

3.

Kuntratti ta' kostruzzjoni fejn il-kuntrattur ma jkollu ebda responsabbiltà relattivament għall-ikkummissjonar:

id-data li fiha titlesta l-kostruzzjoni.

4.

Kuntratti ta' istallazzjoni (jew kostruzzjoni) fejn il-fornitur (jew il-kuntrattur) ikollu responsabbiltà kontrattwali relattivament għall-ikkummissjonar:

id-data li fiha l-fornitur (jew il-kuntrattur) ikun lesta l-istallazzjoni (jew il-kostruzzjoni) u t-testijiet preliminari sabiex ikun żgurat li l-oġġett ikun lest sabiex jitħaddem, sew jekk l-istallazzjoni (jew kostruzzjoni) tingħata lix-xerrej f'dak iż-żmien kif ukoll jekk le skond it-termini tal-kuntratt u rrispettivament minn kwalunkwe impenn li l-fornitur (jew kuntrattur) jista' jkun assuma u li jkun għadu jorbtu, relattivament, per eżempju, għall-garanzija tal-funzjonament effettiv jew għat-taħriġ tal-persunal lokali.

5.

Fil-każ tal-punti 2, 3 u 4, fejn il-kuntratt jipprevedi l-eżekuzzjoni separata ta' diversi partijiet ta' proġett:

id-data tal-bidu ta' kull parti separata, jew id-data medja ta' dak il-bidu jew, fejn il-fornitur ikun daħal f'kuntratt mhux għall-proġett kollu iżda għal parti essenzjali tiegħu, il-bidu adatt għall-proġett globalment.

B.   Perċentwal ta' l-ispiża lokali

Fil-każ ta' krediti privati garantiti, il-bilanċ tal-porzjon lokali pagabbli bil-kreditu ma għandux jaqbeż 5 % tal-prezz tal-kuntratt.

Madankollu, ma għandhiex issir konsultazzjoni fil-każ ta' kuntratti li jipprovdu li jsir il-ħlas tal-porzjon lokali, mhux aktar tard minn meta jiskadi perjodu ta' tliet xhur kalkolati mit-tlestija kompleta tax-xogħlijiet jew tal-konsenji.

Għall-finijiet ta' l-interpretazzjoni ta' din ir-regola:

(a)

“bilanċ pagabbli bil-kreditu” tfisser il-bilanċ li jifdal wara li jkunu addebitati kontra l-porzjon lokali l-pagamenti kollha magħmula akkont fir-rigward tal-kuntatt;

(b)

“porzjon lokali” tfisser dak il-porzjon tal-prezz tal-kuntratt li jirrappreżenta l-ispiża li l-esportatur jistenna li jħallas fil-post bħala pagamenti lill-impjegati u oħrajn u pagamenti għall-merkanzija u l-materjali;

(ċ)

“kuntratt” tfisser kull tip ta' kuntratt (jiġifieri kuntratti ta' fornitura ta' merkanzija, kuntratti ta' xogħol, kuntratti mħallta);

(d)

“pagamenti akkont” tfisser is-somom kollha pagabbli bejn meta ssir l-ordni u t-tlestija finali tax-xogħlijiet jew il-konsenji.

C.   Kuntratt ta' leasing

Għall-finijiet ta' l-applikazzjoni tar-regoli li huma s-suġġett ta' din id-Deċiżjoni, il-kuntratti ta' leasing għandhom ikunu trattati bħala krediti. Fejn it-tul taż-żmen tagħhom ma jkunx espressament ristrett, tali żmien għandu jitqies li jkun iżjed minn ħames snin.


ANNESS II

SKALA TA' VALURI LI GĦANDHOM JINTUŻAW

Kategorija I

:

sa 750 000 drittijiet speċjali ta' ġbid.

Kategorija II

:

minn 600 000 sa 1 200 000 drittijiet speċjali ta' ġbid.

Kategorija III

:

minn 1 000 000 sa 2 200 000 drittijiet speċjali ta' ġbid.

Kategorija IV

:

minn 2 000 000 sa 3 200 000 drittijiet speċjali ta' ġbid.

Kategorija V

:

minn 3 000 000 sa 5 000 000 drittijiet speċjali ta' ġbid.

Kategorija VI

:

minn 4 800 000 sa 7 600 000 drittijiet speċjali ta' ġbid.

Kategorija VII

:

minn 7 400 000 sa 11 200 000 drittijiet speċjali ta' ġbid.

Kategorija VIII

:

minn 10 000 000 sa 22 000 000 drittijiet speċjali ta' ġbid.

Kategorija IX

:

minn 20 000 000 sa 44 000 000 drittijiet speċjali ta' ġbid.

Kategorija X

:

iktar minn 40 000 000 drittijiet speċjali ta' ġbid.


ANNESS III

DEĊIŻJONI MĦASSRA BL-EMENDI TAGĦHA

Deċiżjoni tal-Kunsill 73/391/KEE (1)

(ĠU L 346, 17.12.1973, p. 1)

Deċiżjoni tal-Kunsill 76/641/KEE

(ĠU L 223, 16.8.1976, p. 25)


(1)  Id-Deċiżjoni 73/391/KEE kienet emendata wkoll mill-atti li ġejjin li mhumiex imħassra:

l-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-1985;

l-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-1994.


ANNESS IV

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Deċiżjoni 73/391/KEE

Din id-Deċiżjoni

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 21

Anness, Artikolu 1, kliem introduttorju

Artikolu 2(1), kliem introduttorju

Anness, Artikolu 1, l-ewwel u t-tieni inċiżi

Artikolu 2(1)(a) u (b)

Anness, Artikolu 2, l-ewwel paragrafu, kliem introduttorju

Artikolu 2(2), kliem introduttorju

Anness, Artikolu 2, l-ewwel paragrafu, l-ewwel sa t-tielet inċiżi

Artikolu 2(2)(a) sa (ċ)

Anness, Artikolu 2, it-tieni paragrafu

Artikolu 2(3)

Anness, Artikolu 3

Artikolu 3

Anness, Artikolu 4(a) u (b)

Artikolu 4(a) u (b)

Anness, Artikolu 4(ċ) l-ewwel sa r-raba' inċiżi

Artikolu 4(ċ)(i) sa (iv)

Anness, Artikolu 4(d)

Artikolu 4(d)

Anness, Artikolu 4(e) l-ewwel sa s-seba' inċiżi

Artikolu 4(e)(i) sa (vii)

Anness, Artikolu 4(f)

Artikolu 4(f)(i) sa (iii)

Anness, Artikolu 5(a) u (b)

Artikolu 5(a) u (b)

Anness, Artikolu 5(ċ), l-ewwel sat-tielet inċiżi

Artikolu 5(ċ)(i) sa (iii)

Anness, Artikolu 5(d)

Artikolu 5(d)

Anness, Artikolu 5(e)

Artikolu 5(e)(i) u (ii)

Anness, Artikolu 6, kliem introduttorju

Artikolu 6, kliem introduttorju

Anness, Artikolu 6, l-ewwel sat-tielet inċiżi

Artikolu 6(a) sa (ċ)

Anness, Artikoli 7 sa 9

Artikoli 7 sa 9

Anness, Artikolu 10(1), kliem introduttorju

Artikolu 10(1), kliem introduttorju

Anness, Artikolu 10(1), l-ewwel sar-raba' inċiżi

Artikolu 10(1)(a) sa (d)

Anness, Artikolu 10(2) u (3)

Artikolu 10(2) u (3)

Anness, Artikoli 11 u 12

Artikoli 11 u 12

Anness, Artikolu 13, l-ewwel paragrafu

Artikolu 13, l-ewwel paragrafu

Anness, Artikolu 13, it-tieni paragrafu, kliem introduttorju

Artikolu 13, it-tieni paragrafu, kliem introduttorju

Anness, Artikolu 13, it-tieni paragrafu, l-ewwel u t-tieni inċiżi

Artikolu 13, it-tieni paragrafu, punti (a) u (b)

Anness, Artikoli 14 sa 16

Artikoli 14 sa 16

Anness, Artikolu 17, kliem introduttorju

Artikolu 17, kliem introduttorju

Anness, Artikolu 17, l-ewwel u t-tieni inċiżi

Artikolu 17(a) u (b)

Anness, Artikolu 18, kliem introduttorju

Artikolu 18, kliem introduttorju

Anness, Artikolu 18, l-ewwel u t-tieni inċiżi

Artikolu 18(a) u (b)

Anness, Artikolu 19

Artikolu 19

Artikolu 20

Anness 1, punt A

Anness I, punt A

Anness 1, punt B, kliem introduttorju

Anness I, punt B, l-ewwel paragrafu

Anness 1, punt B, l-ewwel inċiż

Anness I, punt B, it-tieni paragrafu

Anness 1, punt B, l-ewwel sar-raba' subinċiżi tat-tieni inċiż

Anness I, punt B, it-tielet paragrafu, (a) sa (d)

Anness 1, punt Ċ

Anness I, punt Ċ

Anness 2

Anness II

Anness III

Anness IV