5.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

467


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta' Novembru 2006

dwar l-ammonti li għandhom jiġu imposti għall-kwantitajiet żejda ta' zokkor mhux eliminati

(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 5370)

(It-testi bl-Estonjan, bil-Grieg, bil-Latvjan, bil-Malti u bis-Slovakk biss huma awtentiċi)

(2006/776/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat ta' l-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polanja, is-Slovenja u s-Slovakkja,

Wara li kkunsidrat l-Att ta' l-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja, u partikolarment l-Artikolu 41 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 60/2004 ta' l-14 ta' Jannar 2004 li jistabbilixxi miżuri tranżitorji fis-settur taz-zokkor bħala riżultat tad-dħul tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 832/2005 tal-31 ta' Mejju 2005 dwar id-determinazzjoni tal-kwantitajiet żejda ta' zokkor, isoglukożju u fruttożju għar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvija, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja (2), jistabbilixxi l-kwantitajiet ta' zokkor li jeċċedu l-kwantità meqjusa bħala normali għal trasferiment ta' stokk fl-1 ta' Mejju 2004 u li għandhom jiġu eliminati mis-suq Komunitarju.

(2)

L-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 60/2004 jistipula illi l-kwantitajiet żejda determinati għandhom jiġu eliminati sa mhux aktar tard mit-30 ta' Novembru 2005. L-Artikolu 7(1) ta' dak ir-Regolament jistipula illi l-Istati Membri kkonċernati għandhom iġibu l-provi ta' eliminazzjoni relattivi sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu 2006.

(3)

Sa l-iskadenza tal-31 ta' Marzu 2006, Ċipru ġab prova ta' l-eliminazzjoni ta' 190 tunnellata ta' zokkor, il-Latvja ġabet prova ta' eliminazzjoni ta' 1 743 tunnellata ta' zokkor u s-Slovakkja ġabet prova ta' l-eliminazzjoni ta' 1 797 tunnellata ta' zokkor. Għalhekk il-kwantitajiet żejda korrispondenti ta' dawn l-Istati Membri għandhom jitnaqqsu.

(4)

Fil-każ tal-kwantitajiet li għalihom ma nġabet l-ebda prova ta' eliminazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiġu mġiegħla jħallsu, skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 60/2004, ammont ekwivalenti għall-kwantità mhux eliminata, multiplikata bl-ogħla rifużjoni għall-esportazzjoni applikkabbli għaz-zokkor l-abjad li jaqa' fl-ambitu tal-Kodiċi NM 1701 99 10 matul il-perjodu mill-1 ta' Mejju 2004 sat-30 ta' Novembru 2005. Matul dan il-perjodu l-ogħla rifużjoni għall-esportazzjoni telgħet għal 499,5 EUR/tunnellata, kif stabbilita fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1038/2004 tas-27 ta' Mejju 2004, li jistipula r-rifużjoni massima għall-esportazzjoni taz-zokkor l-abjad lejn ċerti pajjiżi terzi, għat-28 sejħa parzjali għall-offerti maħruġa fil-qafas tas-sejħa permanenti għall-offerti regolata bir-Regolament (KE) Nru 1290/2003 (3).

(5)

L-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom tad-29 ta' Settembru 2000 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunità (4), jistipula li kontribuzzjonijiet u dazji oħra regolati mill-qafas ta' l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor għandhom jikkostitwixxu riżorsi proprji. Huwa għalhekk neċessarju li tiġi stabbilita d-data ta' stipulazzjoni ta' l-ammonti inkwistjoni fit-tifsir ta' l-Artikoli 2(2) u 6(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 tat-22 ta' Mejju 2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunità (5). Peress li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 60/2004 jipprovdi li l-Istati Membri kkonċernati għandhom jagħmlu l-ħlasijiet f'erba' stadji, għandhom jiġu stabbiliti erba' dati differenti ta' stipulazzjoni.

(6)

Il-miżuri pprovduti f'din id-Deċiżjoni jikkonformaw ma' l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ġestjoni taz-Zokkor,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 60/2004, l-ammonti segwenti għal kull Stat Membru għandhom ikunu imposti għall-kwantitajiet żejda ta' zokkor determinati bir-Regolament (KE) Nru 832/2005, li għalihom l-ebda prova adegwata ta' eliminazzjoni ma ġiet ipprovduta sal-31 ta' Marzu 2006.

L-Estonja: 45 686 268 EUR,

Ċipru: 19 991 489 EUR,

Il-Latvja: 4 418 577 EUR,

Malta: 1 224 774 EUR,

Is-Slovakkja: 4 209 786 EUR,

Artikolu 2

Għall-finijiet ta' l-Artikoli 2(2) u 6(3)(a) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru. 1150/2000, id-data stipulata għall-ħlas lill-Komunità, għandha tkun:

(a)

fir-rigward ta' l-ammont li għandu jiġi assenjat lill-baġit tal-Komunità sal-31 ta' Diċembru 2006, id-data li fiha din id-Deċiżjoni hija notifikata lill-Istati Membri kkonċernati;

(b)

fir-rigward ta' l-ammonti li għandhom jiġu assenjati lill-baġit tal-Komunità sal-31 ta' Diċembru tas-snin 2007, 2008 u 2009, il-15 ta' Ottubru tas-sena relattiva.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta' l-Estonja, lir-Repubblika ta' Ċipru, lir-Repubblika tal-Latvja, lir-Repubblika ta' Malta u lir-Repubblika Slovakka.

Magħmul fi Brussel, 13 ta' Novembru 2006.

Ghall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 9, 15.1.2004, p. 8. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1667/2005 (ĠU L 269, 14.10.2005, p. 3).

(2)  ĠU L 138, 1.6.2005, p. 3.

(3)  ĠU L 190, 28.05.2004, p. 25.

(4)  ĠU L 253, 7.10.2000, p. 42.

(5)  ĠU L 130, 31.05.2000, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, Euratom) 2028/2004 (ĠU L 352, 27.11.2004, p. 1).