5.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

465


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta' Novembru 2006

li temenda l-Anness D tad-Direttiva tal-Kunsill 95/70/KE fir-rigward tal-lista tal-mard tal-molluski eżotiċi soġġetti għall-miżuri ta' kontrolli armonizzati tal-Komunità

(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 5309)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2006/775/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 95/70/KE tat-22 ta' Diċembru 1995, li tintroduċi miżuri tal-Komunità għall-kontroll ta' ċertu mard li jaffettwa l-molluski bivalvi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 95/70/KE tintroduċi miżuri Komunitarji minimi għall-kontroll ta' ċertu mard tal-ħut li jaffettwa l-molluski bivalvi. Il-mard soġġett għal miżuri armonizzati simili huwa speċifikat fl-Anness A għad-Direttiva tal-Kunsill 91/67/KEE tat-28 ta' Jannar 1991 rigward il-kundizzjonijiet tas-saħħa ta' l-annimali li jiggvernaw it-tqegħid fis-suq ta' annimali u prodotti ta' l-akwakultura (2), u fl-Anness D għad-Direttiva 95/70/KE.

(2)

Il-mard imsemmi fl-Anness D għad-Direttiva 95/70/KE huwa mard ikkunsidrat eżotiku għall-Komunità.

(3)

Investigazzjonijiet epidemoloġiċi ġodda wrew li għadd ta' mard imniżżel fl-Anness D għad-Direttiva 95/70/KE huwa jew mifrux ma' l-idustrija tal-Komunità tat-tkabbir tal-molluski jew inkella m'għandu ebda impatt sinifikanti.

(4)

L-ispeċi msemmija bħala speċi suxxettibbli li jilqgħu l-mard u l-patoġeni kkonċernati għandhom għall-inqas ikunu konformi ma' dawk ta' l-edizzjoni l-iktar reċenti tal-Kodiċi Internazzjonali dwar is-Saħħa ta' l-Annimali Akwatiċi ta' l-OIE.

(5)

Huwa xieraq li jittieħed kont tal-mard imniżżel fil-Parti II ta' l-Anness IV għad-Direttiva tal-Kunsill COM(2005)362 (3), sabiex tkun żgurata tranżizzjoni effettiva għal-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-Komunità dwar is-saħħa ta' l-annimali akwatiċi.

(6)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni jaqblu ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness D għad-Direttiva 95/70/KE huwa ssostitwit bit-test fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, 13 ta' Novembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 332, 30.12.1995 p. 33. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata mill-Att ta' Adeżjoni ta' l-1993.

(2)  ĠU L 46, 19.2.1991, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KE) No 806/2003 (ĠU L 122, tas-16.5.2003, p. 1).

(3)  COM(2005)362.


ANNESS

“ANNESS D

Marda

Speċi vulnerabbli li fuqhom jgħix il-mard

Infezzjoni bil-Bonamia exitiosa

Il-gajdra Awstraljana tal-ħama (Ostrea angasi) u l-gajdra ċatta Ċilena (O. chilensis)

Infezzjoni bil-Perkinsus marinus

Il-gajdra tal-Paċifiku (Crassostrea gigas) u l-gajdra tal-Lvant (C. virginica)

Infezzjoni bil-Microcytos mackini

Il-gajdra tal-Paċifiku (Crassostrea gigas) u l-gajdra tal-Lvant (C. virginica), il-gajdra ċatta ta' Olympia (Ostrea conchaphila) u l-gajdra ċatta Ewropea (O. edulis)