1.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

145


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ DARFUR/4/2006

ta' l-24 ta’ Ottubru 2006

li taħtar Kap tal-Grupp tal-Pulizija ta' l-UE/Konsulent tal-Pulizija għar-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea għas-Sudan

(2006/756/PESK)

IL-KUMITAT POLITIKU U TA’ SIGURTÀ,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 25 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/557/PESK tat-18 ta' Lulju 2005 dwar l-azzjoni ta' sostenn ċivili-militari ta' l-Unjoni Ewropea għall-missjoni ta' l-Unjoni Afrikana fir-reġjun tad-Darfur tas-Sudan (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-5 ta' Lulju 2006, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/468/PESK li ġġedded u tirrivedi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea għas-Sudan (2) (EUSR).

(2)

L-EUSR, inter alia, jiżgura l-koordinazzjoni u l-koerenza tal-kontributi ta' l-Unjoni lill- Unjoni Afrikana fir-reġjun tad-Darfur tas-Sudan (AMIS). Konformement ma' l-Artikolu 5(2) ta' l-Azzjoni Konġunta 2005/557/PESK, iċ-Ċellula ta' Koordinazzjoni ta' l-UE f'Addis Ababa (ACC), li taġixxi taħt l-awtorità ta' l-EUSR, u li tinkludi konsulent politiku, konsulent militari u konsulent tal-pulizija, tamministra l-koordinazzjoni ta' kuljum ma' l-atturi rilevanti kollha ta' l-UE u maċ-Ċentru ta' Kontroll Amministrattiv u ta' Maniġġar (ACMC) fil-katina ta' kmand ta' l-Unjoni Afrikana f'Addis Ababa sabiex jiġi żgurat appoġġ koerenti u f'waqtu mill-UE lill-AMIS.

(3)

Il-Konsulent tal-Pulizija għall-EUSR, li huwa wkoll il-Kap tal-Grupp tal-Pulizija ta' l-UE, huwa responsabbli għall-amministrazzjoni tal-koordinazzjoni ta' kuljum ta' l-azzjonijiet ta' sostenn ta' l-UE tal-pulizija. Il-Kap tal-Grupp tal-Pulizija ta' l-UE/Konsulent tal-Pulizija jassumi l-amministrazzjoni ta' kuljum tal-komponent tal-pulizija ta' l-azzjoni ta' appoġġ u huwa responsabbli għall-persunal u l-kwistjonijiet dixxiplinari.

(4)

Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli, wara r-rakkomandazzjoni mill-EUSR, ippropona li s-Sur Åke ROGHE jiġi maħtur bħala Kap tal-Grupp tal-Pulizija ta' l-UE/Konsulent tal-Pulizija għall-EUSR.

(5)

Konformement ma' l-Artikolu 4 ta' l-Azzjoni Konġunta 2005/557/PESK il-Kunsill awtorizza lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà sabiex jaħtar il-Kap tal-Grupp tal-Pulizija ta' l-UE/Konsulent tal-Pulizija għall-EUSR,

IDDEĊIEDA KIF GEJ:

Artikolu 1

Is-Sur Åke ROGHE huwa b'dan maħtur Kap tal-Grupp tal-Pulizija ta' l-UE/Konsulent tal-Pulizija għar-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea għas-Sudan.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tibda jkollha effett fl-1 ta' Novembru 2006.

Magħmul fi Brussell, 24 ta’ Ottubru 2006.

Għall-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà

Il-President

T. TANNER


(1)   ĠU L 188, 20.7.2005, p. 46.

(2)   ĠU L 184, 6.7.2006, p. 38.