5.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

304


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-16 ta' Ottubru 2006

dwar miżuri ta' emerġenza li japplikaw għal prodotti tas-sajd impurtati mill-Brażil u li huma intenzjonati għall-konsum mill-bniedem

(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 4819)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2006/698/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistipola l-prinċipji u l-ħtiġijiet ġenerali tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza ta' l-Ikel u li jistipola proċeduri fi kwistjonijiet tas-sikurezza ta' l-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Skond ir-Regolament (KE) Nru 178/2002, fejn huwa evidenti li ikel impurtat minn pajjiż terz x'aktarx huwa ta' riskju serju għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa ta' l-annimali jew għall-ambjent hemm bżonn li jittieħdu l-miżuri neċessarji, u dan ir-riskju ma jistax jitrażżan b'mod sodisfaċenti permezz ta' miżuri meħuda mill-Istat Membru/Stati Membri kkonċernat/i.

(2)

Skond ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004, li jistipola regoli speċifiċi ta' iġjene dwar ikel li joriġina mill-annimali (2), operaturi kummerċjali ta' l-ikel iridu jiżguraw li ma jinqabżux il-limiti ta' istamina fil-prodotti tas-sajd. Dawn il-limiti, flimkien ma' metodi ta' tehid ta' kampjuni u metodi analitiċi, ġew stabbiliti bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 tal-15 ta' Novembru 2005 dwar il-kriterji mikrobijologiċi għall-oġġetti ta' l-ikel (3).

(3)

Spezzjoni riċenti li l-Komunità wettqet fil-Brażil żvelat nuqqasijiet serji ta' iġjene fit-tmexxija ta' prodotti tas-sajd. Minħabba dawn in-nuqqasijiet il-ħut mhux frisk daqs kemm għandu jkun u jmur malajr, u jista' jagħti l-każ li jkun hemm livelli għolja ta' istamina f'ċerti speċi ta' ħut (b'mod partikolari dawk li ġejjin mill-familji: Scombridae, Clupeidae, Engraulidae, Coryphenidae, Pomatomidae, Scombresosidae). L-ispezzjonijiet żvelaw ukoll li l-awtoritajiet Brażiljani għandhom kapaċità limitata biex iwettqu l-kontrolli neċessarji fuq il-ħut, b'mod partikolari biex jindunaw bil-preżenza ta' l-istamina f'dawn l-ispeċi.

(4)

Livelli eċċessivi ta' istamina fi prodotti tas-sajd jistgħu jkunu ta' riskju serju għas-saħħa tal-bniedem.

(5)

Huwa xieraq li jiġu adottati f'livell Komunitarju miżuri applikabbli għall-importazzjonijiet ta' prodotti tas-sajd li jistgħu jkunu kontaminati biex tiġi żgurata protezzjoni effettiva u uniformi fl-Istati Membri kollha.

(6)

L-importazzjonijiet fil-Komunità ta' prodotti tas-sajd li ġejjin minn speċi ta' ħut li huma assoċjati ma' ammont għoli ta' histidine għandhom jiġu awtorizzati biss jekk jista' jiġi ppruvat li dawn kienu soġġetti għal kontroll sistematiku fil-pajjiż minn fejn oriġinaw biex b'hekk jiġi vverifikat li l-livelli tagħhom ta' istamina ma jaqbżux il-livelli stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 2073/2005.

(7)

Madankollu, huwa xieraq li tiġi awtorizzata temporanjament l-importazzjoni ta' kunsinni li ma jkollhomx ir-riżultat tal-kontrolli magħmula fil-pajjiż ta' oriġini, dejjem jekk l-Istati Membri jiżguraw li jsiru l-kontrolli meħtieġa fuq dawn il-kunsinni hekk kif jaslu fuq il-fruntiera tal-Komunità biex b'hekk jiġi vverifikat li l-livelli tagħhom ta' istamina ma jaqbżux il-livelli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2073/2005. Din l-awtorizzazzjoni temporanja għandha tiġi limitata saż-żmien li fih l-awtoritajiet Brażiljani jkunu jistgħu jibnu l-kapaċità ta' kontroll tagħhom.

(8)

Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 jistabbilixxi s-sistema ta' twissija rapida għall-ikel u l-għalf li għandha tintuża biex jiġi implimentat r-rekwiżit meħtieġ ta' tagħrif reċiproku previst fl-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 97/78/KE (4). B'żieda ma' dan l-Istati Membri għandhom iżommu lill-Kummissjoni infurmata permezz ta' rapporti perjodiċi dwar ir-riżultati analitiċi kollha tal-kontrolli uffiċjali li jkunu saru fuq kunsinni ta' prodotti tas-sajd mill-Brażil.

(9)

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta fid-dawl tal-garanziji offruti mill-Brażil u fuq il-bażi tar-riżultati tat-testijiet imwettqa mill-Istati Membri.

(10)

Il-miżuri stabbiliti f'din id-Deċiżjoni huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali.

ADOTTAT DIN ID-DECIZJONI:

Artikolu 1

Ambitu

Din id-Deċiżjoni tapplika għall-prodotti tas-sajd ta' ħut li gej mill-familji Scombridae, Clupeidae, Engraulidae, Coryphenidae, Pomatomidae, Scombresosidae, li huma impurtati mill-Brażil u li huma intenzjonati għall-konsum mill-bniedem.

Artikolu 2

Testijiet analitiċi għall-istamina

1.   L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni fil-Komunità tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 biss jekk ikollhom ir-riżultati ta' testijiet analitiċi għall-istamina li jkunu saru fil-Brażil qabel ma ntbagħtu u jekk dawn ir-riżultati juru li l-livelli ta' istamina preżenti huma taħt il-limiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2073/2005. Dawn it-testijiet għandhom isiru wara li jkun sar it-tehid tal-kampjuni u wara l-metodi analitiċi msemmija fir-Regolament (KE) Nru 2073/2005.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni ta' prodotti msemmija fl-Artikolu 1 li ma jkollhomx ir-riżultat tat-testijiet analitiċi msemmija fil-paragrafu 1, dejjem jekk l-Istat Membru importatur jiżgura li kull konsenja ta' dawn il-prodotti jsirulha testijiet biex jiġi vverifikat li l-livelli ta' istamina preżenti huma inqas mill-livelli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2073/2005. Dawn it-testijiet għandhom isiru wara li jkun sar it-tehid tal-kampjuni u wara l-metodu analitiku msemmi fir-Regolament (KE) Nru 2073/2005.

Artikolu 3

Rapporti

L-Istati Membri għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni f'każ li t-testijiet li jsiru skond l-Artikolu 2(2) juru li l-livelli ta' istamina huma ogħla mil-livelli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2073/2005 għall-prodotti tas-sajd.

L-Istati Membri għandhom jibgħatu rapport lill-Kummissjoni dwar it-testijiet kollha li jkunu twettqu skond l-Artikolu 2(2).

L-Istati Membri għandhom jużaw is-sistema rapida ta' twissija għall-ikel u l-għalf stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 għas-sottomissjoni ta' dan it-tagħrif u ta' dawn ir-rapporti.

Artikolu 4

Ħlas tan-nefqa

In-nefqa kollha li tkun saret biex tiġi applikata din id-Deċiżjoni għandha tiġi mħallsa mill-kunsinnatur, mid-destinatarju jew mill-aġent ta' wieħed minnhom.

Artikolu 5

Konformità

L-Istati Membri għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-miżuri li jieħdu biex jikkonformaw ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

Perjodu ta' applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tapplika sal-31 ta' Diċembru 2006.

Artikolu 7

Id-Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Maghmul fi Brussell, nhar is-16 ta' Ottubru 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 575/2006, (ĠU L 100, 8.4.2006, p. 3).

(2)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55; verżjoni korretta fil-ĠU L 226, 25.6.2004, p. 22. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2076/2005 (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 83).

(3)  ĠU L 338, 22.12.2006, p. 1.

(4)  ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9. Direttiva kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. (ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1).