5.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

294


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta' Ottubru 2006

li temenda d-Deċiżjoni 2005/393/KE li għandha x'taqsam mal-kundizzjonijiet li japplikaw għall-moviment minn jew minn ġewwa żoni ristretti fir-rigward tal-bluetongue

(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 4813)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2006/693/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/75/KE ta' l-20 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-kontroll u l-eradikazzjoni tal-bluetongue  (1), u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 8(3), l-Artikoli 11 u 12 u t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 19 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2000/75/KE tistabbilixxi regoli u miżuri ta' kontroll biex tiġi kkumbattuta l-bluetongue fil-Komunità, inkluż it-twaqqif ta' żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza u ta' projbizzjoni li ma jippermettux li annimali jħallu dawn iż-żoni.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/393/KE tat-23 ta' Mejju 2005 dwar żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fir-rigward tal-bluetongue u kundizzjonijiet li japplikaw għall-movimenti minn jew f'dawn iż-żoni (2), tipprovdi għad-demarkazzjoni ta' żoni ġeografiċi globali fejn iż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza (“iż-żoni ristretti”) għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri għal dak li għandu x'jaqsam mal-bluetongue.

(3)

Malli l-preżenza tal-vajrus tal-bluetongue tiġi uffiċjalment ikkonfermata f'razzett, id-Direttiva 2000/75/KE tipprevedi li għandhom jiġu applikati ċerti restrizzjonijiet f'raġġ ta' 20km madwar ir-razzett infettat. Dawn ir-restrizzjonijiet jinkludu l-projbizzjoni ta' moviment ta' annimali suxxettibbli minn jew għal irziezet fi ħdan dan ir-raġġ (“il-projbizzjoni ta' moviment”). Id-Direttiva tipprevedi derogi mill-projbizzjoni ta' moviment għal movimenti ta' annimali fiż-żona mħarsa.

(4)

Għalhekk huwa xieraq li l-moviment ta' annimali jitħalla jseħħ minn irziezet milquta mill-projbizzjoni ta' moviment fi ħdan iż-żona ristretta għal trasport dirett lejn il-biċċerija. Id-Deċiżjoni 2005/393/KE għandha għalhekk tiġi emendata biex tippermetti dawn il-movimenti.

(5)

Meta tqis ċertu prassi tal-biedja, huwa xieraq li jiġu previsti wkoll kundizzjonijiet speċifiċi li jiminimizzaw ir-riskju ta' trażmissjoni tal-vajrus meta annimali minn irziezet milquta mill-projbizzjoni ta' moviment jiġu trasferiti għal irziezet speċifiċi fiż-żona ristretta li minnha jistgħu jitilqu biss għall-qatla. Huwa xieraq ukoll li d-Deċiżjoni 2005/393/Ke tiġi emendata biex tipprevedi dawn il-kundizzjonijiet.

(6)

L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2005/393/KE attwalment jipprovdi li movimenti domestiċi ta' annimali minn żona ristretta għall-qatla immedjata fi ħdan l-istess Stat Membru jistgħu jiġu eżentati mill-projbizzjoni ta' ħruġ mill-awtorità kompetenti, dejjem jekk isseħħ valutazzjoni tar-riskju każ b'każ u jkun hemm ċerti kundizzjonijiet. Madankollu, din id-dispożizzjoni attwalment ma tipprevedix li eżenzjonijiet mill-projbizzjoni ta' ħruġ għandhom ikunu marbuta ma' riżultat favorevoli tal-valutazzjoni tar-riskju. Huwa xieraq u aktar trasparenti li jkun meħtieġ li dawn l-eżenzjonijiet jingħataw wara riżultat favorevoli tal-valutazzjoni tar-riskju.

(7)

L-eżenzjoni mill-projbizzjoni ta' ħruġ għall-annimali li jitilqu miż-żoni ristretti għal kummerċ intrakomunitarju, attwalment prevista fl-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni 2005/393/KE, tinkludi l-kundizzjonijiet tas-saħħa ta' l-annimali għal movimenti domestiċi lejn razzett, kif stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni, u qabel l-approvazzjoni ta' l-Istat Membru destinatarju.

(8)

Fl-interess ta' konsistenza, huwa xieraq li l-kundizzjonijiet ta' saħħa ta' l-annimali stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2005/393/KE għall-eżenzjoni mill-projbizzjoni ta' ħruġ għal movimenti domestiċi għall-qatla, flimkien ma' approvazzjoni minn qabel ta' l-Istat Membru destinatarju, japplikaw ukoll għall-eżenzjoni mill-projbizzjoni ta' ħruġ għal annimali destinati għal qatla diretta fi Stat Membru ieħor.

(9)

Id-dispożizzjonijiet fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2005/393/KE li għandhom x'jaqsmu mal-movimenti ta' annimali ħajjin ta' speċi suxxettibbli għall-bluetongue u s-semen, l-ova u l-embrijuni tagħhom minn żoni ristretti għandhom ikunu konformi ma' dawn il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu 2.2.13 tal-Kodiċi tas-Saħħa ta' l-Annimali Terrestri ta' l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa ta' l-Annimali (OIE).

(10)

Kummerċ intrakomunitarju ta' semen iffriżat konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2005/393/KE ma għandhomx jeħtieġu approvazzjoni ta' moviment minn qabel ta' l-Istat Membru destinatarju, ladarba l-ittestjar wara l-ġbir tas-semen jivverifika mingħajr ebda dubju n-nuqqas ta' mard fl-annimal donatur.

(11)

Franza u l-Ġermanja infurmaw lill-Kummissjoni bil-bżonn li tiġi adattata ż-żona ristretta relatata ma' dawn l-Istati Membri. Huwa xieraq għalhekk li l-Anness I tad-Deċiżjoni 2005/393/KE jiġi emendat.

(12)

Id-Deċiżjoni 2005/393/KE għandha għalhekk tiġi emendata.

(13)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni jaqblu ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2005/393/KE hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2a huwa mibdul b'li ġej:

“l-Artikolu 2a

Deroga mill-projbizzjoni ta' moviment

Permezz ta' deroga mill-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2000/75/KE, l-annimali li ġejjin għandhom ikunu eżentati mill-projbizzjoni ta' moviment:

(a)

annimali għal trasport dirett lejn il-biċċerija li tinsab fi ħdan iż-żona ristretta madwar ir-razzett li ntbagħtu minnhom;

(b)

annimali destinati għal razzett li jinsab fiż-żona ristretta madwar ir-razzett li ntbagħtu minnhom; u

(i)

fi ħdan raġġ ta' 20km madwar ir-razzett infettat; jew

(ii)

barra mir-raġġ ta' 20km madwar ir-razzett infettat, suġġett għal:

approvazzjonijiet minn qabel u konformità ma' kwalunkwe garanzija tas-saħħa ta' l-annimali meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-post li fih jinsabu l-irziezet li minnhom intbagħtu l-annimali u tad-destinazzjoni, rigward miżuri kontra t-tixrid tal-vajrus tal-bluetongue, u l-ħarsien kontra attakki minn organiżmi li jittrasmettu l-mard. jew

test għall-identifikazzjoni ta' l-aġent kif stabbilit fit-Taqsima A(1)(c) ta' l-Anness II imwettaq b'riżultati negattivi fuq kampjun meħud mill-annimal kkonċernat fi żmien 48 siegħa mit-tluq tiegħu li għandu jitħares minn kwalunkwe attakk ta' organiżmi li jittrasmettu l-mard ta' l-anqas mill-ħin li dan il-kampjun ittieħed u ma jistax iħalli r-razzett ta' destinazzjoni, jekk mhux għal qatla diretta”

(2)

Fl-Artikolu 3, il-frażi introduttorja tal-paragrafu 3 hija mibdula b'dan li ġej:

“Meta f'żona epidemjoloġikament rilevanti taż-żoni ristretti jgħaddu aktar minn 40 jum mid-data minn meta l-organiżmi li jittrasmettu l-mard ma jibqgħux ikunu attivi, l-awtorità kompetenti se tagħti eżenzjoni mill-projbizzjoni ta' ħruġ għal movimenti domestiċi ta' dan li ġej:”

(3)

Fl-Artikolu 4, il-frażi introduttorja u l-frażi introduttorja fil-punt (a) huma mibdula b'li ġej:

“Movimenti ta' annimali minn żona ristretta għal qatla immedjata fi ħdan Stat Membru se jkunu eżentati mill-projbizzjoni ta' ħruġ mill-awtorità kompetenti jekk:

(a)

titwettaq valutazzjoni tar-riskju każ b'każ b'riżultati favorevoli dwar il-kuntatt possibbli bejn l-annimali u l-organiżmi li jitrasmettu l-mard matul it-trasport lejn il-biċċerija, meta tqis:”

(4)

L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

Paragrafu 1 huwa mibdul b'li ġej:

“1.   Movimenti ta' annimali u s-semen, l-ova u l-embrijuni tagħhom, miż-żoni ristretti se jkunu eżentati mill-projbizzjoni ta' ħruġ għal kummerċ intrakomunitarju mill-awtorità kompetenti jekk:

(a)

l-annimali, is-semen, l-ova u l-embrijuni jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4; u

(b)

apparti fil-każ ta' semen iffriżat, l-Istat Membru destinatarju jagħti l-approvazzjoni minn qabel għall-moviment.”

(b)

Il-paragrafu 3 li ġej huwa miżjud:

“3.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika għall-moviment ta' annimali skond id-deroga prevista fl-Artikolu 2a.”

(5)

Anness I u II huma emendati skond l-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, nhar it-13 ta' Ottubru 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 74. Direttiva kif emendata mill-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.

(2)  ĠU L 130, 24.5.2005, p. 22. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2006/633/KE (ĠU L 258, 21.9.2006, p. 7).


ANNESS

I.   Anness I tad-Deċiżjoni 2005/393/KE huwa emendat kif ġej:

1.

Il-lista ta' żoni ristretti fiż-Żona F (serotip 8) li għandha x'taqsam mal-Ġermanja hija mibdula b'dan li ġej:

“Il-Ġermanja:

Hessen

Gesamtes Landesgebiet

Niedersachsen

Im Landkeis Ammerland: Apen, Edewecht, Westerstede, Bad Zwischenahn

Im Landkreis Aurich: Krummhörn, Hinte, Ihlow

Landkreis Cloppenburg

Im Landkreis Diepholz: Stemshorn, Quernheim, Brockum, Marl, Hüde, Lembruch, Diepholz, Wetschen, Rehden, Hemsloh, Wagenfeld, Bahrenborstel, Kirchdorf, Varrel, Barver, Drebber, Dickel, Freistatt, Wehrlbleck, Barenburg, Maasen, Borstel, Sulingen, Eydelstedt, Barnstorf, Drentwede, Ehrenburg, Scholen, Schwaförden, Mellinghausen, Siedenburg, Staffhorst, Asendorf, Engeln, Affinghausen, Sudwalde, Neuenkirchen, Twistringen, Bassum, Lemförde

Stadt Emden

Landkreis Emsland

Im Landkreis Göttingen: Staufenberg, Hannoversch-Münden, Bühren, Scheden, Jühnde, Friedland, Gleichen, Rosdorf, Niemetal, Dransfeld, Landolfshausen, Waake, Ebergötzen, Wollbrandshausen, Krebeck, Bovenden, Göttingen, Adelebsen

Landkreis Grafschaft Bentheim

Landkreis Hameln-Pyrmont

In der Region Hannover: Springe, Pattensen, Wenningen, Hemmingen, Laatzen, Ronnenberg, Gehrden, Barsinghausen, Seelze, Stadt Hannover, Garbsen, Wunstorf, Neustadt am Rübenberge

Im Landkreis Hildesheim: Landwehr, Freden, Winzenburg, Everode, Lamspringe, Neuhof, Woltershausen, Harbarnsen, Selem, Adenstedt, Alfeld, Coppengrave, Duingen, Weenzen, Hoyershausen, Brüggen, Eberholzen, Westfeld, Almstedt, Bad Salzdetfurth, Sibbesse, Rheden, Banteln, Eime, Marienhagen, Elze, Gronau an der Leine, Despetal, Diekholzen, Stadt Hildesheim, Betheln, Nordstemmen, Giesen, Sarstedt

Landkreis Holzminden

Im Landkreis Leer: Moormerland; Hesel, Uplengen, Jemgum; Leer, Holtland; Brinkum, Nortmoor, Filsum; Detern, Ostrhauderfehn, Rhauderfehn, Westoverledingen, Weener, Bunde

Im Landkreis Nienburg (Weser): Diepenau, Warmsen, Raddestorf, Uchte, Stolzenau, Steyerberg, Leese, Rehburg-Loccum, Landesbergen, Husum, Linsburg, Estorf, Binnen, Pennigsehl, Wietzen, Marklohe, Nienburg, Stöckse, Drakenburg, Balge, Warpe, Liebenau

Im Landkreis Northeim: Bodenfelde, Uslar, Hardegsen, Nörten-Hardenberg, Katlenburg-Lindau, Northeim, Moringen, Solling, Dassel, Einbeck, Kreiensen, Kalefeld, Bad Gandersheim

Im Landkreis Oldenburg: Großenkneten, Wildeshausen, Dötlingen, Colnrade, Winkelsett, Beckeln, Harpstedt, Wardenburg, Hatten, Dünsen

Landkreis Osnabrück

Stadt Osnabrück

Landkreis Schaumburg

Landkreis Vechta

Nordrhein-Westfalen

Gesamtes Landesgebiet

Rheinland-Pfalz

Gesamtes Landesgebiet

Saarland

Gesamtes Landesgebiet.”

2.

Il-lista ta' żoni ristretti fiż-Żona F (serotip 8) li għandha x'taqsam ma' Franza hija mibdula b'dan li ġej:

“Franza:

Żona ta' ħarsien:

Dipartiment ta' l-Ardennes

Departiment ta' Aisne: arrondissements ta' Laon, Saint-Quentin, Soissons, Vervins

Departiment ta' Marne: arrondissements ta' Reims, Châlons-en-Champagne, Sainte-Menehould, Vitry-le-François

Departiment ta' Meurthe-et-Moselle: arrondissement ta' Briey

Departiment ta' Meuse

Departiment tal-Moselle: arrondissements ta' Metz-ville, Metz-campagne, Thionville-est, Thionville-ouest

Departiment ta' Nord

Departiment ta' Pas-de-Calais

Departiment ta' Somme: arrondissements ta' Péronne

Żona ta' Sorveljanza:

Departiment ta' Aube

Departiment ta' Aisne: arrondissement ta' Château-Thierry

Departiment ta' Marne: arrondissement ta' Epernay

Departiment ta' Haute-Marne: arrondissements ta' Saint-Dizier, Chaumont

Departiment ta' Meurthe-et-Moselle: arrondissements ta' Toul, Nancy, Lunéville

Departiment tal-Moselle: arrondissements ta' Boulay-Moselle, Château-Salins, Forbach

Departiment ta' Oise: arrondissements ta' Clermont, Compiègne, Senlis

Departiment ta' Seine-et-Marne: arrondissements ta' Meaux, Provins

Departiment ta' Somme: arrondissements ta' d'Abbeville, d'Amiens, de Montdidier

Departiment ta' Vosges: arrondissement ta' Neufchâteau”

II.   Anness II tad-Deċiżjoni 2005/393/KE huwa emendat kif ġej:

“ANNESS II

kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)

A.   Annimali ħajjin li jixtarru

1.   Qabel il-konsenja annimali ħajjin li jixtarru għandhom ikunu tħarsu minn attakki ta’ Culicoides li probbabbilment huma organiżmi virali kompetenti li jittrasmettu l-marda tal-bluetongue għal mill-anqas

(a)

60 jum; jew

(b)

28 jum, u kienu suġġetti matul dan il-perjodu għal test seroloġiku skond il-Manwal Terrestri OIE biex jinstabu antikorpi għall-grupp virali tal-bluetongue, b'riżultati negattivi, imwettqa ta' l-anqas 28 jum wara d-data tal-bidu tal-perjodu ta’ ħarsien mill-attakk ta’ organiżmi li jittrasmettu l-marda; jew

(ċ)

14 jum, u kienu suġġetti matul dan il-perjodu għall-identifikazzjoni ta’ l-aġent skond il-Manwal Terrestri OIE, b'riżultati negattivi, imwettqa ta’ l-anqas 14-il jum wara d-data tal-bidu tal-perjodu ta’ ħarsien mill-attakk ta’ organiżmi li jittrasmettu l-mard.

2.   Matul it-trasport lejn il-post ta’ destinazzjoni l-annimali ħajjin li jixtarru għandhom ikunu tħarsu mill-attakk ta' Culicoïdes.

B.   Semen ta’ l-annimali ħajjin li jixtarru

1.   Is-semen għandu jkun inkiseb minn annimali donaturi, li kienu:

(a)

imħarsa mill-attakk ta’ Culicoides li probabbilment huma organiżmi virali kompetenti li jittrasmettu l-marda tal-bluetongue għal ta’ l-anqas 60 jum qabel il-bidu u matul il-ġbir tas-semen; jew

(b)

suġġetti għal test seroloġiku skond il-Manwal Terrestri OIE biex jinstabu antikorpi tal-grupp virali tal-bluetongue, b'riżultati negattivi, għal ta' l-anqas 60 jum matul il-perjodu ta' ġbir u bejn 21 u 60 jum wara l-ġabra finali; jew

(ċ)

suġġetti, b'riżultati negattivi, għal test għall-identifikazzjoni ta’ l-aġent skond il-Manwal Terrestri OIE mwettaq fuq kampjuni tad-demm miġbura fil-:

(i)

bidu tal-ġbir u l-ġbir finali; u

(ii)

matul il-perjodu li fih jinġabar is-semen:

ta’ l-anqas kull 7 ijiem, fil-każ ta’ test għall-iolament tal-vajrus, jew

ta’ l-anqas kull 28 ijiem, fil-każ ta’ test tar-Reazzjoni Katina polymerase

2.   Semen frisk jista’ jiġi prodott minn donaturi rġiel li tħarsu minn attakki ta’ Culicoïdes għal ta’ l-anqas 30 jum qabel il-bidu, u matul, il-ġabra tas-semen; u kienu suġġetti għal:

(a)

test seroloġiku skond il-Manwal Terrestri OIE biex jinstabu antikorpi tal-grupp virali tal-bluetongue, b'riżultati negattivi, qabel l-ewwel ġabra u kull 28 jum matul il-perjodu ta' ġbir u 28 jum wara l-ġabra finali; jew

(b)

identifikazzjoni ta’ l-aġent skond il-Manwal Terrestri OIE mwettaq b'riżultati negattivi fuq kampjuni tad-demm miġbura fil-:

(i)

bidu tal-ġabra, fil-ġabra finali u 7 ijiem wara l-ġabra finali; u

(ii)

matul il-perjodu li fih jinġabar is-semen:

ta’ l-anqas kull sebat ijiem, fil-każ ta’ test għall-iżolament tal-vajrus, jew

ta’ l-anqas kull 28 jum, fil-każ ta’ test tar-Reazzjoni Katina polymerase.

3.   Semen iffriżat jista’ jiġi prodott minn donaturi rġiel li ġew ittestjati, b'riżultati negattivi, b'test seroloġiku skond il-Manwal Terrestri OIE biex jinstabu l-antikorpi għall-grupp virali tal-bluetongue imwettaq fuq kampjun meħud bejn 21 u 30 jum wara l-ġabra tas-semen matul il-perjodu ta' ħażna mandatorja skond punt 1(f) ta' l-Anness C tad-Direttiva 88/407/KEE (1) jew punt (g) ta' Kapitolu III ta' l-Anness D tad-DIrettiva 92/65/KE (2).

4.   Annimali nisa li jixtarru għandhom jibqgħu taħt osservazzjoni fir-razzett ta’ oriġini għal mill-anqas 28 jum wara l-inseminazzjoni b'semen frisk imsemmi fil-paragrafi 1 u 2.

C.   Ooċiti u embrijuni ta’ annimali ħajjin li jixtarru

1.   Embrijuni derivati in vivo ta’ annimali bovini għandhom jinġabru skond id-Direttiva 89/556/KEE (3).

2.   Embrijuni derivati in vivo ta’ annimali ħajjin li jixtarru għandhom ikunu inkisbu minn donaturi nisa, li kienu:

(a)

imħarsa mill-attakk ta’ Culicoides li probabbilment huma organiżmi virali kompetenti li jittrasmettu l-marda tal-bluetongue għal ta’ l-anqas 60 jum qabel il-bidu u matul il-ġbir ta’ l-embrijuni/ooċiti; jew

(b)

suġġetti għal test seroloġiku skond il-Manwal Terrestri OIE biex jinstabu antikorpi tal-grupp virali tal-bluetongue, bejn 21 u 60 jum wara l-ġabra ta’ embrijuni/ooċiti, b'riżultati negattivi; jew

(ċ)

suġġetti għal test ta’ identifikazzjoni ta’ l-aġent skond il-Manwal Terrestri OIE fuq kampjun tad-demm meħud fil-jum tal-ġabra ta’ l-embrijuni/ooċiti, b'riżultati negattivi.”


(1)  ĠU L 194, 22.7.1988, p. 10.

(2)  ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.

(3)  ĠU L 302, 19.10.1989, p. 1.