5.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

288


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-3 ta' Ottubru 2006

li temenda d-Deċiżjoni 2005/710/KE dwar ċerti miżuri ta' protezzjoni li għandhom x'jaqsmu ma' l-influwenza tat-tjur ta' patoġeniċità għolja fir-Rumanija

(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 4321)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2006/689/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta' kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE (1), u partikolarment l-Artikolu 18(7) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-kontrolli veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 22(6) tagħha,

Billi:

(1)

Wara t-tifqigħa ta’ l-influwenza tat-tjur, ikkawżata minn razza tal-vajrus H5N1 b’patoġeniċità għolja, fix-xlokk ta’ l-Ażja f’Diċembru 2003, il-Kummissjoni adottat bosta miżuri ta’ ħarsien marbuta ma’ l-influwenza tat-tjur, b’mod partikolari d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/710/KE tat-13 ta’ Ottubru 2005 rigward ċerti miżuri ta’ ħarsien marbuta ma’ l-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja fir-Rumanija (3).

(2)

Id-Deċiżjoni 2005/710/KE tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jissospendu l-importazzjonijiet ta' tjur ħaj ta' l-irżiezet, ratiti, tjur selvaġġ tal-priża bir-rix u bajd għat-tfaqqis ta’ dawn l-ispeċi, u ċerti prodotti oħra ta’ għasafar mit-territorju kollu tar-Rumanija.

(3)

Ir-Rumanija issa bagħtet tagħrif ulterjuri lill-Kummissjoni dwar il-qagħda ta’ l-influenza tat-tjur f’dak il-pajjiż, li juri li ma nstabet l-ebda tifqigħa oħra ta' dik il-marda mis-7 ta' Ġunju 2006.

(4)

Fid-dawl ta’ dak it-tagħrif, huwa xieraq li tiġi llimitata s-sospensjoni ta' l-importazzjonijiet previsti mid-Deċiżjoni ta' l-2005/710/KE għal ċerti żoni tar-Rumanija li għadhom taħt theddida diretta tal-marda.

(5)

Id-Deċiżjoni 2005/710/KE għalhekk għandha tiġi emendata skond dan.

(6)

Il-miżuri previsti minn din id-Deċiżjoni huma fi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni 2005/710/KE qed jiġi ssostitwit bit-test fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Deċiżjoni u jippubblikaw dawn il-miżuri minnufih. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dan minnufih.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, nhar it-3 ta' Ottubru 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 268, 24.9.1991, p. 56. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mill-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.

(2)  ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1); verżjoni korretta (ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1).

(3)  ĠU L 269, 14.10.2005, p. 42. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2006/435/KE (ĠU L 173, 27.6.2006, p. 31).


ANNESS

“ANNESS

Partijiet tat-territorju tar-Rumanija msemmija fl-Artikolu 1(a) u (b)

PARTI A

Il-kodiċi ISO tal-pajjiż

L-isem tal-pajjiż

Deskrizzjoni ta' parti tat-territorju

RO

Ir-Rumanija

It-territorju kollu tar-Rumanija


PARTI B

Il-kodiċi ISO tal-pajjiż

L-isem tal-pajjiż

Deskrizzjoni ta' parti tat-territorju

RO

Ir-Rumanija

Fir-Rumanija, il-kontej ta':

Arges

Bacau

Botosani

Braila

Bucuresti

Buzau

Calarasi

Constanta

Dimbovita

Dolj

Galati

Giurgiu

Gorj

Ialomita

Iasi

Ilfov

Mehedinti

Neamt

Olt

Prahova

Suceava

Teleorman

Tulcea

Vaslui

Vilcea

Vrancea”