1.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

3


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2006/666/PESK

tal-15 ta’ Settembru 2006

dwar l-estensjoni tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern ta' l-Indoneżja dwar il-kompiti, l-istatus, il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Missjoni ta' Monitoraġġ ta' l-Unjoni Ewropea f'Aceh (l-Indoneżja) (Missjoni ta' Monitoraġġ f'Aceh — AMM) u tal-persunal tagħha

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Presidenza,

Billi:

(1)

Fis-7 ta' Ġunju 2006, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/407/PESK li temenda u testendi l-Azzjoni Konġunta 2005/643/PESK li tistabbilixxi l-Missjoni ta' Monitoraġġ ta' l-Unjoni Ewropea f'Aceh (l-Indoneżja) (Missjoni ta' Monitoraġġ ta' Aceh — AMM) (1) għal perjodu ieħor ta' tliet xhur sal-15 ta' Settembru 2006.

(2)

F'dik id-data l-Kunsill adotta wkoll id-Deċiżjoni 2006/448/PESK (2) dwar l-estensjoni għal 3 xhur, sal-15 ta' Settembru 2006, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern ta' l-Indoneżja dwar il-kompiti, l-istatus, il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Missjoni ta' Monitoraġġ ta' l-Unjoni Ewropea f'Aceh (l-Indoneżja) (Missjoni ta' Monitoraġġ f'Aceh — AMM) u tal-persunal tagħha.

(3)

Fil-21 ta' Lulju 2006 l-Gvern ta' l-Indoneżja stieden lill-Unjoni Ewropea sabiex testendi l-mandat tal-AMM għal perjodu finali ta' tliet xhur sal-15 ta' Diċembru 2006.

(4)

L-estensjoni tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri b'perjodu ta' tliet xhur sal-15 ta' Diċembru 2006 għandha tiġi approvata f'isem l-Unjoni Ewropea,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-estensjoni tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern ta' l-Indoneżja dwar il-kompiti, l-istatus, il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Missjoni ta' Monitoraġġ ta' l-Unjoni Ewropea f'Aceh (l-Indoneżja) (Missjoni ta' Monitoraġġ f'Aceh — AMM) u tal-persunal tagħha b'perjodu ta' tliet xhur sal-15 ta' Diċembru 2006 hija b'dan approvata f'isem l-Unjoni Ewropea.

It-test ta' l-Iskambju ta' Ittri li jikkostitwixxi l-Ftehim dwar din l-estensjoni huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa jiffirmaw l-Iskambju ta' Ittri sabiex l-Unjoni Ewropea tintrabat (3).

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha jkollha effett mill-jum ta' l-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, 15 ta’ Settembru 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

E. TUOMIOJA


(1)   ĠU L 158, 10.6.2006, p. 20.

(2)   ĠU L 176, 30.6.2006, p. 107.

(3)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


SKAMBJU TA' ITTRI

dwar l-estensjoni tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern ta' l-Indoneżja dwar il-kompiti, l-istatus, il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Missjoni ta' Monitoraġġ ta' l-Unjoni Ewropea f'Aceh (l-Indoneżja) (Missjoni ta' Monitoraġġ f'Aceh — AMM) u tal-persunal tagħha

A.   Ittra mill-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indoneżja

Ġakarta, 21 ta' Lulju 2006

Eċċellenza,

F'isem il-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indoneżja, nixtieq nesprimi l-apprezzament tagħna lill-Unjoni Ewropea għall-Missjoni ta' Monitoraġġ f'Aceh (AMM) u għar-rwol eċċezzjonali tagħha mill-insedjament tagħha fil-Provinċja ta' Nanggroe Aceh Darussalam (NAD).

Billi s-soluzzjoni paċifika għall-kwistjoni ta' Aceh kisbet wieħed mill-aktar stadji importanti tagħha, jiġifieri l-adozzjoni tal-liġi l-ġdida dwar l-iggvernar ta' Aceh mill-Parlament Indoneżjan, il-poplu ta' Aceh issa qed iħejji sabiex jeżerċita d-drittijiet ċivili u politiċi tiegħu, jiġifieri, li jipparteċipa fl-elezzjoni lokali li se tinżamm f'Novembru 2006.

F'dan ir-rigward, għandi l-unur ngħaddilek id-deċiżjoni tal-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indoneżja li jistieden lill-Unjoni Ewropea sabiex testendi għall-aħħar darba l-preżenza tagħha f'NAD għal perjodu mis-16 ta' Settembru 2006 sal-15 ta' Diċembru 2006 jew sa data aktar bikrija wara l-elezzjoni lokali f'NAD li għandha tinżamm fit-22 ta' Novembru 2006. Il-Gvern Indoneżjan joffri lill-Eċċellenza Tiegħek diskrezzjoni dwar l-għażla minn dawn id-dati ta' tmiem ta' din l-estensjoni.

Il-ħidmiet ta' l-AMM matul dan il-perjodu se jinkludu l-kompiti ta' l-AMM kif stipulati fl-Artikoli 5.1 u 5.2 paragrafi g. u h. tal-Memorandum ta' Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indoneżja u l-Moviment Aceh Ħieles tal-15 ta' Awwissu 2005.

Matul dan il-perjodu ta' estensjoni finali, l-istatus, il-privileġġi u l-immunitajiet ta' l-AMM se jkunu identiċi għal dawk stipulati fl-Iskambju ta' l-Ittri tagħna rispettivament datati l-14 ta' Settembru 2005 u t-3 ta' Ottubru 2005 li jikkostitwixxu strument li jorbot legalment bejn il-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indoneżja u l-Unjoni Ewropea.

Jekk il-proposta hawn fuq imsemmija hija aċċettabbli għall-Unjoni Ewropea, għandi l-unur ukoll nipproponi li din l-ittra kif ukoll l-ittra affermattiva tiegħek bħala tweġiba flimkien jikkostitwixxu strument li jorbot legalment bejn il-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indoneżja u l-Unjoni Ewropea. Dan l-istrument għandu jidħol fis-seħħ fis-16 ta' Settembru 2006 u jiġi terminat mhux aktar tard mill-15 ta' Diċembru 2006. Għall-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indoneżja dan il-qafas legali huwa bbażat fuq il-Liġi Indoneżjana Nru 2 ta' l-1982 datata l-25 ta' Jannar 1982 dwar ir-Ratifika tal-Konvenzjoni dwar Missjoni Speċjali, 1969.

Barra minn hekk, kif miftiehem fil-paragrafu 1.2.7 tal-Memorandum ta' Ftehim ta' Helsinki li jaqra, “Sorveljanti barranin se jiġu mistiedna jagħmlu monitoraġġ ta' l-elezzjonijiet f'Aceh”, nixtieq ukoll nipproponilek tibgħat sorveljanti ta' l-Unjoni Ewropea għall-elezzjonijiet matul it-tħejjija u fiż-żmien ta' l-elezzjoni lokali f'NAD. L-Indoneżja hija lesta tiddiskuti l-iskeda ta' żmien, it-termini ta' referenzi u kwistjonijiet oħra relevanti għall-preżenza ta' tali sorveljanti b'konsultazzjoni sħiħa mal-kummissjoni elettorali lokali kif sar fl-imgħoddi.

Nemmen li l-koperazzjoni kostruttiva li ġiet stabbilita, bil-ħsieb li tkun provduta soluzzjoni paċifika, komprensiva u sostenibbli għall-isfidi tas-sitwazzjoni f'Aceh, fi ħdan il-qafas ta' l-Istat Unitarju tar-Repubblika ta' l-Indoneżja, tista' tkun sostnuta u msaħħa aktar.

Nistenna bil-ħerqa l-konsiderazzjoni pożittiva tiegħek.

Dejjem tiegħek,

Image 1

Dr. N. Hassan Wirajuda

B.   Ittra mill-Unjoni Ewropea

Brussell, 15 ta’ Settembru 2006

Eċċellenza,

Għandi l-unur nirreferi għall-ittra tiegħek tal-21 ta' Lulju 2006 li fiha inti twasslilna d-deċiżjoni tal-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indoneżja li jistieden lill-Unjoni Ewropea testendi għall-aħħar darba l-preżenza tagħha fil-Provinċja ta' Nanggroe Aceh Darussalam (NAD) għal perjodu ta' tliet xhur mis-16 ta' Settembru 2006 sal-15 ta' Diċembru 2006.

Għandi l-pjaċir nikkonfermalek li l-Unjoni Ewropea qablet li tirrispondi b'mod pożittiv għal din l-istedina.

Nikkonferma li, skond it-termini ta' l-Iskambju ta' l-Ittri tagħna rispettivament datati l-14 ta' Settembru 2005 u t-3 ta' Ottubru 2005 li jikkostitwixxu strument li jorbot legalment bejn il-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indoneżja u l-Unjoni Ewropea, dan l-istrument se jiġi estiż sal-15 ta' Diċembru 2006.

Il-ħidma ta' l-AMM matul dan il-perjodu se tinkludi l-kompiti ta' l-AMM kif stipulati fl-Artikoli 5.1 u 5.2 paragrafi g. u h. tal-Memorandum ta' Ftehim bejn il-Gvern ta' l-Indoneżja u l-Moviment Aceh Ħieles tal-15 ta' Awwissu 2005.

Għandi l-unur ukoll nikkonferma li l-ittra tiegħek u din l-ittra ta' tweġiba jikkostitwixxu strument li jorbot legalment bejn il-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indoneżja u l-Unjoni Ewropea. Dan l-istrument għandu jidħol fis-seħħ fis-16 ta' Settembru 2006 u jiġi terminat fil-15 ta' Diċembru 2006.

Ippermettili għal darb'oħra nieħu din l-opportunità sabiex nuri l-apprezzament ta' l-UE għall-progress li sar fil-proċess ta' paċi ta' Aceh u sabiex nafferma mill-ġdid l-impenn kontinwu ta' l-Unjoni Ewropea fl-appoġġ tagħha għall-iżvilupp ta' soluzzjoni paċifika, komprensiva u sostenibbli għall-isfidi li għandu quddiemu Aceh.

Nassigurak, Sinjur, mill-ikbar stima li għandi lejk.

Dejjem tiegħek,

Image 2

Javier Solana