|
5.6.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
56 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tad-19 ta’ Settembru 2006
rigward il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għas-sena 2006 għal-laboratorji ta’ referenza Komunitarji għall-bruċellosi u l-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer
(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 4124)
(It-test Ingliż u Franċiż biss huma awtentiċi)
(2006/632/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-qasam veterinarju (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 28(2) tagħha,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifika tal-konformità mal-liġi ta’ l-għalf u l-ikel, mas-saħħa ta’ l-annimali u mar-regoli tal-benessri ta’ l-annimali (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 32(7) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni 90/424/KE tistipula l-proċeduri li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja fil-qasam veterinarju. Il-laboratorji ta’ referenza Komunitarji jistgħu jingħataw kontribuzzjoni finanzjarja skond dik id-Deċiżjoni. |
|
(2) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/85/KE tad-29 ta’ Settembru 2003 dwar il-miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer li tirrevoka d-Direttiva 85/511/KEE u d-Deċiżjoni 89/531/KEE u 91/665/KEE u temenda d-Direttiva 92/46/KEE (3) tistipula l-ħatra ta’ laboratorju ta’ referenza Komunitarju għall-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer. |
|
(3) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 156/2004 tad-29 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja lil laboratorji ta' referenza Komunitarji skond l-Artikolu 28 tad-Deċiżjoni 90/424/KEE (4) jistipula li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għat-tħaddim ta’ laboratorji għandha tingħata jekk il-programmi ta' ħidma approvati jitwettqu b’mod effiċjenti u jekk il-benefiċjarji jfornu l-informazzjoni kollha meħtieġa f’ċerti limiti ta’ żmien. |
|
(4) |
F’Lulju 2005 il-Kummissjoni nediet sejħa għall-għażla u l-ħatra ta’ laboratorji ta’ referenza Komunitarji ġodda. Il-valutazzjoni ta’ l-applikazzjoni ntemmet f’Diċembru 2005 u r-riżultati ntgħarfu lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri kkonċernati. Wara l-valutazzjoni, il-kandidati li għaddew intgħażlu biex jinħatru bħala laboratorji ta’ referenza Komunitarji, li jinkludu l-laboratorji ta’ referenza Komunitarji għall-bruċellosi u l-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer. |
|
(5) |
L-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 fih lista ta’ laboratorji ta’ referenza Komunitarji għas-saħħa ta’ l-annimali u l-annimali ħajjin. Dak ir-Regolament, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 776/2006, iniżżel l-AFSSA – Laboratoire d’études et de recherches en pathologie animale et zoonoses fi Franza bħala l-laboratorju ta’ referenza Komunitarju għall-bruċellosi għat-tħaddim u l-impenji msemmija fl-Artikolu 32(2) tar-Regolament (KE) 882/2004. |
|
(6) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissoni 2006/393 tal-31 ta’ Mejju 2006 rigward il-ħatra ta’ laboratorju ta’ referenza Komunitarju għall-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer (5) ħatret l-Istitut għas-Saħħa ta’ l-Annimali, il-Laboratorju ta’ Pirbright tal-Kunsill tar-Riċerka tax-Xjenzi Bijoteknoloġiċi u Bioloġiċi (BBSRC) fir-Renju Unit bħala l-laboratorju ta’ referenza Komunitarju għall-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer għall-funzjonijiet u d-dmirijiet imsemmija fl-Anness XVI tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/85/KE. |
|
(7) |
Il-Kummissjoni vvalutat il-programmi ta’ ħidma u l-istimi ta’ baġit korrispondenti, ippreżentati mil-laboratorji ta’ referenza Komunitarji kkonċernati għas-sena 2006. Dment li l-programmi ta’ ħidma jitwettqu b’mod effettiv, il-kofinanzjament Komunitarju għal ċerti spejjeż eliġibbli ta’ dawn il-laboratorji ta’ referenza Komunitarji hu meħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ l-azzjonijiet fi ħdan il-programmi ta’ ħidma. |
|
(8) |
Skond dan, il-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għandha tingħata lil-laboratorji ta’ referenza Komunitarji għall-bruċellosi u l-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer. |
|
(9) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Għall-bruċellosi, il-Komunità tagħti kontribuzzjoni finanzjarja lil Franza għall-funzjonijiet u d-dmirijiet imsemmija fl-Artikolu 32(2) tar-Regolament (KE) 882/2004, sabiex jitwettqu mill-AFSSA – Laboratoire d’études et de recherches en pathologie animale et zoonoses Maisons-Alfort.
2. Il-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għandha tkun bir-rata ta’ 100 % ta’ l-infiq eliġibbli imġarrab mill-AFSSA – Laboratoire d’études et de recherches en pathologie animale et zoonoses għall-programm ta’ ħidma u m’għandux jaqbeż € 125 000 għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju sal-31 ta’ Diċembru 2006.
Artikolu 2
1. Għall-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer, il-Komunità tagħti kontribuzzjoni finanzjarja lir-Renju Unit għall-funzjonijiet u d-dmirijiet imsemmija fl-Artikolu XVI tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/85/KE, sabiex jitwettqu mill-Istitut għas-Saħħa ta’ l-Annimali, Laboratorju ta’ Pirbright, tal-Kunsill tar-Riċerka tax-Xjenzi Bijoteknoloġiċi u Bioloġiċi (BBSRC) fir-Renju Unit.
2. Il-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja tkun bir-rata ta’ 100 % ta’ l-infiq eliġibbli mġarrab mil-Laborarorju ta’ Pirbright għall-programm ta’ ħidma u m’għandux jaqbeż € 125 000 għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju sal-31 ta’ Diċembru 2006.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lir-Repubblika Franċiża u lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq.
Magħmul fi Brussell, nhar id-19 ta’ Settembru 2006.
Għall-Kummissjoni
Markos KYPRIANOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni Nru 2006/53/KE (ĠU L 29, 2.2.2006, p. 37).
(2) ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1; verżjoni kkoreġuta (ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1). Ir-Regolament kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 776/2006 (ĠU L 136, 24.5.2006, p. 3).
(3) ĠU L 306, 22.11.2003, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/615/KE (ĠU L 213, 18.8.2005, p. 14).