16.3.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

333


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Lulju 2006

li tħassar id-Deċiżjoni 2005/184/KE dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv f’Ċipru

(2006/627/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 104(12) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni 2005/184/KE (1), li ssegwi rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 104(6) tat-Trattat, ġie deċiż li f'Ċipru kien jeżisti defiċit eċċessiv.

(2)

Skond Artikolu 104(7) tat-Trattat u Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (2), fil-5 ta’ Lulju 2004 l-Kunsill għamel Rakkomandazzjoni indirizzata lil-Ċipru sabiex is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv tispiċċa sa mhux aktar tard mill-aħħar ta’ l-2005. Ir-rakkomandazzjoni ġiet ippublikata. Speċifikament, kien irrakomandat li l-miżuri mbassra fil-programm ta’ konverġenza ta’ Mejju 2004, jiġu implimentati b'mod qawwi; b’mod partikolari, sabiex sal-5 ta’ Novembru 2004, tittieħed azzjoni effettiva sabiex fl-2005 d-defiċit jitniżżel taħt it-3 % tal-PGD b’mod kredibbli u sostenibbli. Il-Kunsill irrakomanda wkoll li jiġi assigurat li ż-żieda fil-proporzjon tad-dejn tispiċċa fl-2004 u minn hemmhekk ‘l quddiem tiġi rriversjata. Il-Kunsill stieden lill-awtoritajiet Ċiprijotti biex jassiguraw li l-konsolidazzjoni tal-baġit lejn l-objettiv ta’ terminu medju tiġi sostnuta wara li jissewwa d-defiċit eċċessiv.

(3)

Skond l-Artikolu 104(12) tat-Trattat, Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandha titħassar meta d-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru partikolari jkun, fl-opinjoni tal-Kunsill, issewwa.

(4)

Skond il-Protokoll dwar il-proċedura għad-defiċit eċċessiv anness mat-Trattat, il-Kummissjoni tipprovdi d-dejta għall-implimentazzjoni tal-proċedura. Bħala parti mill-applikazzjoni ta’ dak il-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jipprovdu dejta dwar l-iżbilanċi ppjanati u attwali tal-gvern tagħhom u dwar kemm ikun id-dejn tal-gvern, u dan darbtejn fis-sena, l-ewwel darba qabel l-1 ta’ April u qabel l-1 Ottubru, skond Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3605/93 tat-22 ta’ Novembru 1993 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tad-defiċit eċċessiv annessa mat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea (3).

(5)

Ibbażat fuq it-tagħrif provdut mill-Kummissjoni (Eurostat) skond Artikolu 8g tar-Regolament (KE) Nru 3605/93, wara n-notifika miċ-Ċipru qabel l-1 ta’ April 2006 u fuq it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni fir-rebbiegħa 2006, il-konklużjonijiet li ġejjin huma ġustifikati:

Id-defiċit ġenerali tal-gvern naqas minn 4,1 % tal-GDP fl-2004 għal 2,4 % fl-2005, li huwa taħt it-3 % tal-valur ta’ referenza tal-GDP. Dan jitqabbel mal-mira ta’ 2,9 % tal-PGD stabbilita fir-reviżjoni tal-programm ta’ konverġenza f’Mejju 2004 u mal-mira ta’ 2,5 % fl-aħħar reviżjoni f’Diċembru 2005 tal-Programm ta’ Konverġenza. It-tnaqqis taħt il-valur ta’ referenza fl-2005 huwa skond ir-Rakkomandazzjoni taħt Artikolu 104(7). Fl-2005 twettaq l-aġġustament fiskali kemm permezz ta’ żidiet fid-dħul u anke permezz ta’ kontroll fin-nefqa. Minkejja li xi miżuri ta’ darba għinu biex inaqsu d-defiċit, il-konsolidazzjoni tal-baġit f’Ċipru intlaħaq l-aktar permezz tal-miżuri strutturali. Id-defiċit strutturali (in-nett defiċit f’bilanċ aġġustat ċiklikament ta’ miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra) naqas għal 3 % tal-PGD, imqabbel ma’ kważi 5 % u 8 % tal-PGD fl-2004 u fl-2003 rispettivament;

Għall-2006, it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni fir-rebbiegħa 2006, jipproġettaw li d-defiċit se jkompli jonqos, għal 2,25 % tal-PGD, l-aktar minħabba miżuri ta’ natura strutturali. Dan huwa kemmxejn aktar ‘il fuq mill-livell tal-mira uffiċjali ta’ 1,9 % tal-PGD stabbilita fir-reviżjoni tal-programm ta’ konverġenza f’Diċembru 2005. Għall-2007, it-tbassir tar-rebbiegħa jipproġetta, fuq il-bażi ta’ l-ebda bidla fil-politika, aktar tnaqqis fid-defiċit għal 2 % tal-PGD. Dan jissuġġerixxi li d-defiċit tnaqqas għal taħt il-livell ta’ 3 % tal-PGD b’mod kredibbli u sostenibbli, kif meħtieġ mir-rakkomandazzjoni taħt Artikolu 104(7);

Id-dejn tal-gvern naqas minn 71,75 % tal-PGD fl-2004 għal 70,25 % fl-2005. Skond it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni fir-rebbiegħa 2006, il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jkompli nieżel għal madwar 69 % u 68 % tal-PGD fl-2006 u fl-2007 rispettivament. Il-pass tat-tnaqqis tad-dejn lejn il-valur ta’ referenza ta’ 60 % tal-PGD huwa skond ir-rakkomandazzjoni taħt Artikolu 104(7);

(6)

Skond l-Opinjoni tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Marzu 2006 dwar ir-reviżjoni tal-programm ta’ konverġenza ta’ Ċipru, 2005-2009, il-miżuri ppjanati mill-awtoritajiet Ċiprijotti dwar il-perjodu tal-programm kieku jniżżlu d-defiċit strutturali għal madwar 0,5 % tal-PGD sa l-2009, li huwa meqjus bħala l-għan tat-terminu medju magħżul mill-awtoritajiet Ċiprijotti. Ibbażat fuq ir-riżultat stmat għall-2005 u waqt li tqis il-bilanċ tar-riskji għal miri baġitarji, il-pożizzjoni tal-baġit fil-programm tidher li hi biżżejjed biex tassigura li l-MTO tal-programm ikun kważi intlaħaq sa l-2009, kif previst fil-programm. Fis-snin ta’ wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, il-pass ta’ l-aġġustament strutturali lejn l-MTO tal-programm implikat mill-programm, huwa ġeneralment konsistenti mal-Patt ta’ Stabbilità u Tkabbir.

(7)

Id-Deċiżjoni 2005/184/KE għandha għalhekk tiġi mħassra.

ADOTTAT DIN ID-DECIZJONI:

Artikolu 1

Minn din l-evalwazzjoni ġenerali, jista’ jiġi konkluż li s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv f’Ċipru ġiet irranġata.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2005/184/KE hija b'dan imħassra.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ Ċipru.

Magħmul fi Brussell, 11 ta’ Lulju 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

E. HEINÄLUOMA


(1)  ĠU L 62, 9.3.2005, p. 19.

(2)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1056/2005 (ĠU L 174, 7.7.2005, p. 5).

(3)  ĠU L 332, 31.12.1993, p. 7. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2103/2005 (ĠU L 337, 22.12.2005, p. 1).