|
5.6.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
35 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-5 ta' Settembru 2006
dwar il-miżuri ta' emerġenza rigward l-organiżmu ġenetikament modifikat mhux awtorizzat “LL RICE 601” fi prodotti tar-ross
(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 3932)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
(2006/601/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistipula l-prinċipji ġenerali u r-rekwiżiti tal-liġi ta' l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà ta' l-Ikel u jistipula proċeduri fi kwistjonijiet marbuta mas-sigurtà ta' l-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 53(2), it-tieni subparagrafu, tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat jipprevedu li ebda ikel jew għalf ġenetikament modifikat ma għandu jitqiegħed fis-Suq tal-Komunità sakemm ma jkunx kopert minn awtorizzazzjoni mogħtija f'konformità ma' dan ir-Regolament. L-Artikoli 4(3) u l-Artikolu 16(3) ta' l-istess Regolament jistipulaw li ebda ikel u għalf ġenetikament modifikat ma jista' jkun awtorizzat sakemm ma jiġix muri b'mod adegwat u suffiċjenti li ma jkollux effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa ta' l-annimali jew ta' l-ambjent, li ma jqarraqx bil-konsumatur jew l-utent, u li ma jkunx differenti mill-ikel jew mill-għalf li maħsub jissostitwixxi sa tal-punt li l-konsum normali tiegħu jkollu żvantaġġi nutrizjonali għall-bniedem u l-annimali. |
|
(2) |
Fit-18 ta' Awissu 2006, l-awtoritajiet ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika informaw lill-Kummissjoni li l-prodotti tar-ross ikkontaminati bir-ross ġenetikament modifikat bl-isem “LL RICE 601” (il-prodotti kkontaminati), li ma ġewx awtorizzati li jitqiegħdu fis-suq tal-Komunità, instabu fil-kampjuni ta' ross li ttieħdu mis-suq ta' l-Istati Uniti minn ross tawwali (long grain) fil-kummerċ li jifforma parti mill-ħsad ta' l-2005. Il-kontaminazzjoni tal-prodotti ġie rrappurtat lill-awtoritajiet ta' l-Istati Uniti fil-31 ta' Lulju 2006 minn Bayer Crop Science, li hija l-kumpanija li żviluppat r-ross ġenetikament modifikat “LL RICE 601”. Aktar tard l-awtoritajiet ta' l-Istati Uniti informaw lill-Kummissjoni li għadu mhux magħruf safejn ġiet ikkontaminata l-katina tal-provvista u li tagħrif dwar kontaminazzjoni possibbli ta' l-esportazzjoni lejn l-UE għadu ma jistax jingħata għalissa. Apparti dan, informaw lill-Kummissjoni li dawn il-prodotti lanqas fl-Istati Uniti ma kienu awtorizzati għat-tqegħid fis-suq. |
|
(3) |
Mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' kontroll ta' l-Istati Membri, il-miżuri li għandhom jiġu adottati aktar 'il quddiem għall-importazzjoni ta' prodotti kkontaminati għandhom ikunu suġġetti għal approċċ komprensiv u komuni li jippermetti li tittieħed azzjoni rapida u effettiva u tevita differenzi fit-trattament tas-sitwazzjoni mill-Istati Membri varji. |
|
(4) |
L-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jipprovdi għall-possibilità li jiġu adottati miżuri ta' emerġenza xierqa tal-Komunità għall-ikel u l-għalf importat minn pajjiż terz sabiex tiġi mħarsa is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa ta' l-annimali jew ta' l-ambjent, meta r-riskju ma jkunx jista' jiġi kkontrollat b'mod sodisfaċenti permezz ta' miżuri meħuda mill-Istati Membri kkonċernati. |
|
(5) |
Ladarba r-ross ġenetikament modifikat “LL RICE 601” mhuwiex awtorizzat taħt il-leġiżlazzjoni tal-Komunità u minħabba s-suppożizzjoni ta' riskju fuq prodotti mhux awtorizzati skond ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, li jqis il-prinċipju ta' prekawzjoni stipulat fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, huwa xieraq li jittieħdu miżuri ta' emerġenza sabiex jiġi evitat it-tqegħid fis-suq fil-Komunità tal-prodotti kkontaminati. |
|
(6) |
Skond ir-rekwiżiti ġenerali stipulati fir-Regolament (KE) Nru 178/2002, l-operaturi kummerċjali ta' l-ikel u l-għalf għandhom ir-responsabbiltà legali primarja biex jiżguraw li l-ikel u l-għalf fi ħdan in-negozji taħt il-kontroll tagħhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-liġi ta' l-ikel u biex jivverifikaw li jintlaħqu tali rekwiżiti. Għalhekk, huma l-operaturi responsabbli għall-ewwel tqegħid fis-suq ta' l-ikel u l-għalf li għandhom id-dover li jagħtu prova li dawn ma fihomx il-prodotti kkontaminati. Għal dan il-għan, il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni jeħtieġu li l-konsenji ta' prodotti speċifiċi li jorġinaw mill-Istati Uniti jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss jekk jiġi pprovdut rapport analitiku li juri li l-prodotti mhumiex ikkontaminati bl-“LL RICE 601”. Ir-rapport analitiku għandu jinħareġ minn laboratorju akkreditat konformi ma' standards rikonoxxuti internazzjonalment. |
|
(7) |
Sabiex jiġu ffaċilitati l-kontrolli, l-ikel u l-għalf kollu ġenetikament modifikat imqiegħed fis-suq għandu jkun suġġett għal metodu ta' sejba vvalidat. Bayer Crop Science ġiet mitluba tipprovdi metodi biex jinstab l-“LL RICE 601” kif ukoll kampjuni ta' kontroll. Żewġ metodi li ġew ivvallidati mill-Grain Inspection, Packers and Stockyards Administration (GIPSA) tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura ta' l-Istati Uniti saru disponibbli minn Bayer Crop Science, b'kollaborazzjoni mal-laboratorju ta' referenza tal-Komunità msemmi fl-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003. |
|
(8) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni għandhom ikunu proporzjonati u ma jirrestrinġux il-kummerċ aktar milli meħtieġ u għandhom għalhekk ikopru prodotti li probabbli ġew ikkontaminati bl-“LL RICE 601”, li skond it-tagħrif miksub, huma importati fil-Komunità mill-Istati Uniti. |
|
(9) |
Minkejja talbiet imressqa mill-Kummissjoni, l-awtoritajiet ta' l-Istati Uniti ma kienux fil-qagħda li jipprovdu garanzija li l-prodotti tar-ross importati mill-Istati Uniti ma fihomx l-“LL RICE 601”. |
|
(10) |
F'dak li għandu x'jaqsam ma' prodotti ta' l-għalf u prodotti ta' l-ikel oħra mhux koperti bil-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jissorveljaw jekk tali prodotti ġewx ikkontaminati bl-“LL RICE 601”. Fuq il-bażi tat-tagħrif ipprovdut mill-Istati Membri, il-Kummissjoni se tikkunsidra l-bżonn ta' xi miżura adizzjonali adattata. |
|
(11) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/578/KE ta' l-23 ta' Awissu 2006 dwar il-miżuri ta' emerġenza rigward l-organiżmu ġenetikament modifikat mhux awtorizzat LL RICE 601 fi prodotti tar-ross (3), ġiet adottata biex twaqqaf provizorjament it-tqegħid fis-suq tal-prodotti kkontaminati. |
|
(12) |
Dawn il-miżuri proviżorji għandhom jiġu kkonfermati. |
|
(13) |
Huwa għalhekk xieraq li l-Deċiżjoni 2006/578/KE tiġi revokata u mibdula. |
|
(14) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni għandhom jiġu riveduti fi żmien sitt xhur sabiex jiġi vvalutat ikunux għadhom meħtieġa. |
|
(15) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Firxa ta' applikazzjoni
Din id-Deċiżjoni tapplika għall-prodotti li ġejjin li joriġinaw mill-Istati Uniti ta' l-Amerika.
|
Prodott |
Kodiċi NM |
|
Ross bla ħliefa (brown) Mogħti nofs tgħollija (parboiled Long A) |
1006 20 15 |
|
Ross bla ħliefa (brown) Mogħti nofs tgħollija (parboiled Long B) |
1006 20 17 |
|
Ross bla ħliefa (brown) (Long A) |
1006 20 96 |
|
Ross bla ħliefa (brown) (Long B) |
1006 20 98 |
|
ross nofsu mitħun (parboiled Long A) |
1006 30 25 |
|
ross nofsu mitħun (parboiled Long B) |
1006 30 27 |
|
ross nofsu mitħun (Long A) |
1006 30 46 |
|
ross nofsu mitħun (Long B) |
1006 30 48 |
|
ross mitħun kollu (parboiled Long A) |
1006 30 65 |
|
ross mitħun kollu (parboiled Long B) |
1006 30 67 |
|
ross mitħun kollu (Long A) |
1006 30 96 |
|
ross mitħun kollu (Long B) |
1006 30 98 |
|
ross imfarrak (sakemm mhux iċċertifikat ħieles mir-ross tawwali (long grain origin). |
1006 40 00 |
Artikolu 2
Kondizzjonijiet għall-ewwel tqegħid fis-suq
1. L-Istati Membri għandhom jippermettu l-ewwel tqegħid fis-suq tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 biss meta rapport analitiku oriġinali bbażat fuq metodu ta' sejba xieraq u vvalidat tar-ross ġenetikament modifikat “LL RICE 601” u maħruġ minn laboratorju akkreditat li jakkumpanja l-konsenja juri li l-prodott ma jkunx fih ir-ross ġenetikament modifikat “LL RICE 601”.
Jekk konsenja ta' prodotti msemmija fl-Artikolu 1 tinqasam, kopja ċċertifikata tar-rapport analitiku għandha takkumpanja kull parti tal-konsenja maqsuma.
2. Fin-nuqqas ta' tali rapport analitiku kif imsemmi fil-paragrafu 1, l-operatur stabbilit fil-Komunità li huwa responsabbli għall-ewwel tqegħid fis-suq tal-prodott għandu jkollu l-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 ttestjati biex juri li ma fihomx ir-ross ġenetikament modifikat “LL RICE 601”. Fl-istennija tad-disponibilità tar-rapport analitiku, il-konsenja ma għandhiex titqiegħed fis-suq tal-Komunità.
3. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni b'riżultati pożittivi (mhux favorevoli) permezz tar-Rapid Alert System għall-ikel u l-għalf.
Artikolu 3
Miżuri oħra ta' kontroll
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adattati, li jinkludu t-teħid ta' kampjuni każwali u analiżi, rigward il-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 li diġà jinsabu fis-suq sabiex tiġi aċċertata l-assenza ta' ross ġenetikament modifikat “LL RICE 601”. Għandhom jinformaw lill-Kummissjoni b'riżultati pożittivi (mhux favorevoli) permezz tar-Rapid Alert System għall-ikel u l-għalf.
Artikolu 4
Konsenji kkontaminati
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 li jinsabu li jkollhom ir-ross ġenetikament modifikat “LL RICE 601” ma jitqegħdux fis-suq.
Artikolu 5
Irkupru ta' l-ispejjeż
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispejjeż imġarrba fl-implimentazzjoni ta' l-Artikoli 2 u 4 jaqgħu fuq l-operaturi responsabbli li qiegħdu l-ewwel dan il-prodott fis-suq.
Artikolu 6
Reviżjoni tal-miżuri
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni għandhom jiġu riveduti sa mhux aktar tard mit-28 ta' Frar 2007.
Artikolu 7
Revoka
Id-Deċiżjoni 2006/578/KE hija revokata.
Artikolu 8
Destinatarji
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, nhar il-5 Settembru 2006.
Għall-Kummissjoni
Markos KYPRIANOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 575/2006 (ĠU L 100, 8.4.2006, p. 3).