31.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

466


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Lulju 2006

dwar l-ekwivalenza ta’ l-ispezzjoni uffiċjali tal-varjetajiet imwettqa fil-Kroazja

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2006/545/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-katalgu komuni ta' varjetajiet ta' speċi ta' pjanti agrikoli (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 22(1)(a) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2002/53/KE tippermetti lill-Kunsill biex jiddetermina jekk l-ispezzjonijiet uffiċjali tal-varjetajiet imwettqa f’pajjiżi terzi joffrux l-istess garanziji bħal dawk imwettqa fl-Istati Membri.

(2)

Ir-regoli dwar l-ispezzjonijiet uffiċjali tal-varjetajiet imwettqa fil-Kroazja fir-rigward tal-qamħ, ix-xgħir u l-qamħirrum jipprevedu li l-aċċettazzjoni tal-varjetajiet fir-rigward tal-preċiżjoni, l-istabbilità u l-uniformità tagħhom tiġi bbażata fuq ir-riżultati ta’ l-ispezzjonijiet uffiċjali, b’mod partikolari l-provi tat-tkabbir, li jkopru numru suffiċjenti ta’ karatteristiċi biex il-varjetà tkun deskritta.

(3)

Valutazzjoni ta' dawk ir-regoli u l-manjiera li biha huma applikati fil-Kroazja fir-rigward tat-tliet speċi msemmija hawn fuq uriet li huma joffru l-istess garanziji bħal dawk imwettqa mill-Istati Membri basta jissodisfaw iktar kundizzjonijiet.

(4)

Din id-Deċiżjoni ma timpedixxix milli jiġu revokati l-konklużjonijiet Komunitarji dwar l-ekwivalenza meta l-kundizzjonijiet li fuqhom huma bbażati ma jkunux, jew ma jibqgħux, sodisfatti.

(5)

Ladarba l-Annessi jistgħu jeħtieġu modifiki frekwenti fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tekniċi tagħhom, huma għandhom jiġu emendati konformement mad-Deċiżjoni 1999/468 tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (2).

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-ispezzjonijiet uffiċjali fir-rigward tal-preċiżjoni, l-istabbilità u l-uniformità tal-varjetajiet ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness I imwettqa fil-Kroazja mill-Awtorità speċifikata fl-Anness I għandhom jiġu kkunsidrati li joffru l-istess garanziji bħal dawk imwettqa fl-Istati Membri, jekk dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness II.

Artikolu 2

L-emendi fl-Annessi għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 3(2).

Artikolu 3

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat Permanenti dwar iż-Żrieragħ u l-Materjal tal-Propagazzjoni għall-Agrikoltura, l-Ortikoltura u x-Xjenza tal-Foresti (3), minn issa 'l quddiem “il-Kumitat”.

2.   Fejn qed issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

3.   Il-perjodu taż-żmien stipu lat fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' xahar.

4.   Il-Kumitat għandu jaddotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 18 ta’ Lulju 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

J. KORKEAOJA


(1)   ĠU L 193, 20.7.2002, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1).

(2)   ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(3)   ĠU 125, 11.7.1966, p. 2289/66.


ANNESS I

Awtorità

Speċi

Institute for Seed and Seedlings, Osijek

Hordeum vulgare L.

Triticum aestivum L.

Zea Mays L.


ANNESS II

KUNDIZZJONIJIET

1.

L-aċċettazzjoni tal-varjetajiet fir-rigward ta’ l-assessjar tal-preċiżjoni, l-istabbilità u l-uniformità għandha tiġi bbażata fuq ir-riżultati ta’ l-ispezzjonijiet uffiċjali.

2.

Sabiex il-preċiżjoni tiġi stabbilita, il-provi tat-tkabbir għandhom jinkludi ta' l-inqas il-varjetajiet kumparabbli disponibbli:

elenkati fil-Katalogu Komuni tal-varjetajiet ta' l-ispeċi tal-pjanti agrikoli; u

li, mingħajr ma jkunu elenkati fil-katalogu msemmi hawn fuq, ġew aċċettati jew imressqa għall-aċċettazzjoni fi Stat Membru tal-Komunità, jew għaċ-ċertifikazzjoni u t-tqegħid fis-suq, jew għaċ-ċertifikazzjoni għall-pajjiżi oħra.

3.

Il-karatteristiċi li għandhom jiġu koperti bħala minimu mill-ispezzjoni u l-kundizzjonijiet minimi għall-ispezzjoni tal-varjetajiet ta’ l-ispeċijiet in kwistjoni għandhom ikunu dawk stipulati fid-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/90/KE (1).

(1)   ĠU L 254, 8.10.2003, p. 7. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/91/KE (ĠU L 331, 17.12.2005, p. 24).