|
16.3.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
192 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tat-8 ta’ Novembru 2005
dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Libanu dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta’ l-ajru
(2006/543/KE)
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 80(2) flimkien ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Billi:
|
(1) |
Il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni fil-5 ta’Ġunju ta’ l-2003 biex tiftaħ in-negozjati ma’ pajjiżi terzi dwar il-bdil ta’ ċerti dispożizzjonijiet fi ftehim bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju; |
|
(2) |
Il-Kummissjoni nnegozjat f’isem il-Komunità Ftehim mar-Repubblika tal-Libanu dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta’ l-ajru fi qbil mal-mekkanizmi u d-direttivi fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill li jawtorizza lill-Kummissjoni li tiftaħ negozjati ma’ pajjiżi terzi dwar il-bdil ta’ ċerti disposizzjonijiet fi ftehim bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju; |
|
(3) |
Suġġett għall-konklużjoni possibli tiegħu aktar tard, il-Ftehim innegozjat mill-Kummissjoni għandu jiġi ffirmat u jiġi applikat provviżorjament. |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
L-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Libanu dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru qiegħed hawn jiġi approvat f' isem il-Komunità, soġġett għad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' l-imsemmi Ftehim.
It-test tal-ftehim huwa anness ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill qiegħed hawn jiġi awtorizzat jagħżel il-persuna(i) bis-setgħa li jiffirma(w) il-Ftehim f' isem il-Komunità soġġett għall-konklużjoni tiegħu.
Artikolu 3
Sakemm jidħol fis-seħħ, il-Ftehim għandu jiġi applikat provviżorjament mill-ewwel jum ta' l-ewwel xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin dwar il-konklużjoni tal-proċeduri meħtieġa għal dan il-għan.
Artikolu 4
Il-President tal-Kunsill qiegħed hawn jiġi awtorizzat jagħmel in-notifika prevista fl-Artikolu 8(2) tal-Ftehim.
Magħmul fi Brussel, 8 ta’ Novembru 2005.
Għall-Kunsill
Il-President
G. BROWN
FTEHIM
bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Libanu dwar ċerti aspetti ta' servizzi ta' l-ajru
IL-KOMUNITÀ EWROPEA
minn naħa waħda, u
IR-REPUBBLIKA TAL-LIBANU
min-naħa l-oħra
(minn hawn 'il quddiem imsejħin “il-Partijiet”)
JINNUTAW li Ftehim ta’ servizzi bilaterali ta’ l-ajru ġew konklużi bejn diversi Stati Membri tal-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Libanu li fihom disposizzjonijiet li jmorru kontra l-liġi Komunitarja,
JINNUTAW li l-Komunità Ewropea għandha l-kompetenza esklussiva fir-rispett ta’ bosta aspetti li jistgħu jiġu inklużi fi ftehim ta’ servizzi bilaterali ta’ l-ajru bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u pajjiżi terzi,
JINNUTAW li taħt il-liġi Komunitarja Ewropea trasportaturi ta’ l-ajru tal-Komunità stabbiliti fi Stat Membru għandhom id-dritt għal aċċess non-diskriminatorju għal rotot ta’ l-ajru bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u pajjiżi terzi,
WARA LI KKUNSIDRAW il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u ċerti pajjiżi terzi li jipprovdu l-possibiltà għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom sehem fi trasportaturi ta’ l-ajru liċenzjati skond il-liġi Komunitarja Ewropea,
JGĦARFU li d-disposizzjonijiet tal-Ftehim għas-servizzi bilaterali ta’ l-ajru bejn Stati Membri tal-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Libanu, li huma kontra l-liġi Komunitarja Ewropea, jridu jiġu f’konformità sħiħa ma’ dawn sabiex tiġi stabbilita bażi legali tajba għas-servizzi ta’ l-ajru bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Libanu u biex tiġi ppreservata t-tkomplija ta’ dawn is-servizzi ta’ l-ajru,
INNUTAW li mhuwiex għan tal-Komunità Ewropea, bħala parti minn dawn in-negozjati, li jolqot il-volum totali ta’ traffiku ta’ l-ajru bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Libanu, jew li taffettwa l-bilanċ bejn kumpaniji ta’ l-ajru tal-Komunità u kumpaniji ta’ l-ajru tar-Repubblika tal-Libanu, jew li tinnegozja emendi għad-disposizzjonijiet ta’ ftehim bilaterali eżistenti għas-servizzi ta’ l-ajru dwar drittijiet tat-traffiku,
FTEHMU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Disposizzjonijiet Ġenerali
1. Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, “Stati Membri” għandha tfisser Stati Membri tal-Komunità Ewropea.
2. Referenzi mniżżla f’kull Ftehim fl-Anness I għaċ-ċittadini ta’ l-Istat Membru li ħa sehem fil-Ftehim ser jinfthemu bħala li qed jirreferu għaċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea.
3. Referenzi mniżżla f’kull Ftehim fl-Anness I lill-kumpaniji ta’ l-ajru jew linji ta’ l-ajru ta’ l-Istat Membru li ħa sehem fil-ftehim ser jinfthemu bħala li qed jirreferu għall-kumpaniji ta’ l-ajru jew linji ta’ l-ajru magħżula minn dak l-Istat Membru.
Artikolu 2
Nomina minn Stat Membru
1. Id-disposizzjonijiet fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu ser jieħdu post id-disposizzjonijiet li jikkorrispondu magħhom fl-artikoli mniżżla fl-Anness II(a) u (b) rispettivament, f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħatra tal-kumpanija ta’ l-ajru mill-Istat Membru kkonċernat l-awtorizzazzjonijiet tiegħu u l-permessi mogħtija mir-Repubblika tal-Libanu, u r-rifjut, ir-revoka, is-sospensjoni jew il-limitazzjoni ta’ l-awtorizzazzjonijiet jew il-permessi tal-kumpanija ta’ l-ajru, rispettivament.
2. Meta tirċievi l-ħatra mingħand Stat Membru, ir-Repubblika tal-Libanu ser tagħti l-awtorizzazzjonijiet xierqa u l-permessi bl-anqas dewmien proċedurali, sakemm:
|
(i) |
il-kumpanija ta’ l-ajru hija stabbilita, skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, fit-territorju ta’ l-Istat Membru li nnominaha u li għandha Liċenzja Operattiva valida skond il-liġi Komunitarja Ewropea; |
|
(ii) |
il-kontroll regolatorju effettiv tal-kumpannija ta' l-ajru huwa eżerċitat u miżmum mill-Istat Membru responsabbli għall-ħruġ taċ-Ċertifikat ta' l-Operaturi ta' l-Ajru tagħha u l-awtorità aeronawtika rilevanti hija identifikata b'mod ċar fl-għażla; u |
|
(iii) |
il-kumpanija ta’ l-ajru hija proprjetà u ser tkompli tkun proprjetà diretta jew permezz ta’ l-akbar sehem azzjonarju mill-Istati Membri u/jew ċittadini ta’ l-Istati Membri mniżżla fl-Anness III u/jew ċittadini ta’ Stati oħra simili, u ser tkun il-ħin kollu effettivament ikkontrollata minn tali Stati u/jew tali ċittadini. |
3. Ir-Repubblika tal-Libanu tista’ tirrifjuta, tirrevoka, tissospendi jew tillimita l-awtorizzazzjonijiet jew il-permessi ta’ kumpanija ta’ l-ajru minn Stat Membru fejn:
|
(i) |
il-kumpanija ta’ l-ajru mhijiex stabbilita, skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, fit-territorju ta’ l-Istat Membru li nnominaha jew m’għandiex Liċenzja Operattiva valida skond il-liġi Komunitarja Ewropea; |
|
(ii) |
ma hemmx kontroll regolatorju effettiv tal-kumpanija ta’ l-ajru jew manutenzjoni mill-Istat Membru responsabbli għall-ħruġ taċ-Ċertifikat ta’ l-Operaturi ta’ l-Ajru tiegħu, jew l-awtorità aeronawtika relevanti mhix identifikata b’mod ċar fil-ħatra; jew |
|
(iii) |
il-kumpanija ta’ l-ajru mhijiex proprjetà u kontrollata direttament b’mod effettiv jew permezz ta’ l-akbar sehem azzjonarju mill-Istati Membri u/jew ċittadini ta’ l-Istati Membri, jew minn Stati oħra elenkati f’lista fl-Anness III u/jew ċittadini ta’ tali Stati oħra; jew |
Waqt li tħaddem id-dritt tagħha taħt dan il-paragrafu, ir-Repubblika tal-Libanu m’għandhiex tiddiskrimina bejn kumpaniji ta’ l-ajru tal-Komunità fuq il-bażi ta’ nazzjonalità.
Artikolu 3
Drittijiet f’dak li għandu x’jaqsam mal-kontroll regolatorju
1. Id-disposizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu ser jikkomplimentaw l-artikoli imniżżlin f’lista fl-Anness II(c).
2. Meta Stat Membru jkun ħatar kumpanija ta’ l-ajru li l-kontroll regolatorju huwa mħaddem u miżmum minn Stat Membru ieħor, id-drittijiet tar-Repubblika tal-Libanu taħt id-disposizzjonijiet ta’ protezzjoni tal-ftehim bejn l-Istat Membru li ħatar il-kumpanija ta’ l-ajru u r-Repubblika tal-Libanu ser japplika b’mod ugwali fir-rigward ta’ l-adozzjoni, t-tħaddim jew il-manutenzjoni ta’ l-istandards ta’ sigurtà mill-Istat Membru l-ieħor u fir-rigward ta’ l-awtorizzazzjoni għall-operazzjoni ta’ dik il-kumpanija ta’ l-ajru.
Artikolu 4
Tassazzjoni tal-karburant ta' l-avjazzjoni
1. Id-disposizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu ser jikkomplimentaw id-disposizzjonijiet korrispondenti fl-artikoli mniżżla f’lista fl-Anness II(d).
2. Minkejja kull disposizzjoni oħra kontra dan, xejn f’kull ftehim imniżżel fl-Anness II(d) mhu ser jimpedixxi Stat Membru milli jimponi taxxi, imposti, dazji, miżati jew tariffi fuq il-karburant fornut fit-territorju tiegħu għall-użu f’inġenji ta’ l-ajru ta’ kumpanija ta’ l-ajru maħtura għar-Repubblika tal-Libanu li topera bejn punt fit-territorju ta’ Stat Membru u punt ieħor fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru jew fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.
Artikolu 5
Tariffi għat-Trasport fil-Komunità Ewropea
1. Id-disposizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jikkomplimentaw l-artikoli mniżżlin fl-Anness II(e).
2. It-tariffi li ser jiġu ddebitati mill-kumpanija(i) ta’ l-ajru maħtura mir-Repubblika tal-Libanu permezz ta’ ftehim imniżżel fl-Anness I li fih disposizzjoni mniżżla fl-Anness II(e) għat-Trasport kollu fi ħdan il-Komunità Ewropea għandu jkun suġġett għal-liġi Komunitarja Ewropea.
Artikolu 6
Annessi mal-Ftehim
L-Annessi ma’ dan il-Ftehim għandhom jifformaw parti integrali minnu.
Artikolu 7
Reviżjoni jew emendi
Il-Partijiet jistgħu, f’kull ħin, jirrivedu jew jemendaw dan il-Ftehim b’kunsens reċiproku.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni proviżorja
1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ meta l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bil-miktub li l-proċeduri interni rispettivi meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu tlestew.
2. Minkejja l-paragrafu 1, il-Partijiet jaqblu biex japplikaw b’mod proviżorju dan il-Ftehim mill-ewwel ġurnata tax-xahar wara d-data li fiha l-Partijiet avżaw lil xulxin bl-iffinalizzar tal-proċeduri meħtieġa għal dan il-għan.
3. Ftehim u arranġamenti oħra bejn l-Istati Membri u r-Repubblika tal-Libanu li, fid-data tal-firma ta’ dan il-Ftehim, ma kienux għadhom daħlu fis-seħħ u li mhumiex qed jiġu applikati proviżorjament huma elenkati fl-Anness I(b). Dan il-Ftehim għandu japplika għal kull tali Ftehim u arranġamenti mad-dħul fis-seħħ tagħhom jew ma’ l-applikazzjoni proviżorja tagħhom.
Artikolu 9
Tmiem
1. Fil-każ li Ftehim imniżżel fl-Anness I jintemm, id-disposizzjonijiet kollha ta’ dan il-Ftehim li għandhom x’jaqsmu mal-Ftehim imniżżel fl-Anness I konċernat ser jintemmu fl-istess ħin.
2. Fil-każ li l-Ftehim kollha mniżżla fl-Anness I jintemmu, dan il-Ftehim għandu jintemm fl-istess ħin.
B'XIEHDA TA’ DAN, il-firmatarji t’hawn taħt, bl-awtorizzazzjoni meħtieġa, iffirmaw dan il-Ftehim.
Magħmul f’Bejrut f’żewġ kopji, fis-sebgħa jum ta' Lulju tas-sena elfejn u sitta, fil-lingwa Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Slovakka, Slovena, Spanjola, Svediża, Taljana, u Ungeriża, u l-Għarbi.
Por la Comunidad Europea
Za Evropské společenství
For Det Europæiske Fællesskab
Für die Europäische Gemeinschaft
Euroopa Ühenduse nimel
Για την Ευρωπαϊκή Κοινότητα
For the European Community
Pour la Communauté européenne
Per la Comunità europea
Eiropas Kopienas vārdā
Europos bendrijos vardu
Az Európai Közösség részéről
Għall-Komunità Ewropea
Voor de Europese Gemeenschap
W imieniu Wspólnoty Europejskiej
Pela Comunidade Europeia
Za Európske spoločenstvo
Za Evropsko skupnost
Euroopan yhteisön puolesta
För Europeiska gemenskapen
Por la República Libanesa
Za Libanonskou republiku
For Den Libanesiske Republik
Für die Libanesische Republik
Liibanoni Vabariigi nimel
Για τη Δημοκρατία του Λιβάνου
For the Republic of Lebanon
Pour la République libanaise
Per la Repubblica del Libano
Libānas Republikas vārdā
Libano Respublikos vardu
A Libanoni Köztársaság részéről
Għar-Repubblika tal-Libanu
Voor de Republiek Libanon
W imieniu Republiki Libańskiej
Pela República do Líbano
Za Libanonskú republiku
Za Republiko Libanon
Libanonin tasavallan puolesta
För Republiken Libanon
ANNESS I
Lista ta' Ftehim imsemmija fl-Artikolu 1 ta' dan il-Ftehim
|
(a) |
Ftehim dwar servizzi ta' l-ajru bejn ir-Repubblika tal-Libanu u l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea li, fid-data tal-firma ta' dan il-Ftehim, ġew konklużi, iffirmati u/jew qed jiġu applikati b'mod provviżorju
|
|
(b) |
Ftehim dwar servizzi ta' l-ajru u arranġamenti oħra inizjalati jew iffirmati bejn ir-Repubblika tal-Libanu u l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea li, fid-data tal-firma ta' dan il-Ftehim, għadhom ma daħlux fis-seħħ u mhux qed jiġu applikati b'mod provviżorju
|
ANNESS II
Lista ta' l-Artikoli fil-Ftehim imniżżel fl-Anness I u imsemmijin fl- Artikoli 2 sa 5 ta' dan il-Ftehim
|
(a) |
Għażla minn Stat Membru:
|
|
(b) |
Ċaħda, Revoka, Sospensjoni jew Limitazzjoni ta' Awtorizzazzjonijiet jew Permessi:
|
|
(ċ) |
Kontroll regolatorju:
|
|
(d) |
Tassazzjoni tal-Karburant ta' l-Avjazzjoni:
|
|
(e) |
Tariffi għat-Trasport ġewwa l-Komunità Ewropea:
|
ANNESS III
Lista ta' Stati oħra msemmija fl-Artikolu 2 ta' dan il-Ftehim
|
(a) |
Ir-Repubblika ta' l-Islanda (taħt il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea); |
|
(b) |
Il-Prinċipalità ta' Liechtenstein (taħt il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea); |
|
(ċ) |
Ir-Renju tan-Norveġja (taħt il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea); |
|
(d) |
Il-Konfederazzjoni Svizzera (taħt il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru) |