16.3.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

135


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-17 ta’ Lulju 2006

dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Komunità Ewropea, min-naħa waħda, u Greenland u r-Renju tad-Danimarka, min-naħa l-oħra

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2006/526/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 187 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

It-Trattat li jemenda, fir-rigward ta’ Greenland, it-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej (1) (it-“Trattat ta’ Greenland”), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 1985, jipprovdi li t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (it-Trattat KE) m'għandux japplika iżjed għal Greenland, iżda li Greenland, billi li hija parti minn Stat Membru, għandha tkun assoċjata mal-Komunità Ewropea bħala wieħed mill-pajjiżi u territorji barranin (OCTs).

(2)

Fil-preambolu tiegħu, it-Trattat ta’ Greenland jiddikjara li għandhom jiġu introdotti arranġamenti li jippermettu ż-żamma ta’ rabtiet dewwiema u mill-qrib bejn il-Komunità u Greenland li għandhom jinżammu u li jittieħed kont ta’ interessi reċiproċi, speċjalment il-bżonnijiet ta’ żvilupp ta’ Greenland, u li l-arranġamenti applikabbli għall-OCTs stabbiliti fir-Raba' Parti tat-Trattat KE jipprovdu qafas xieraq għal dawn ir-relazzjonijiet.

(3)

Skond l-Artikolu 182 tat-Trattat KE l-għan ta’ l-assoċjazzjoni huwa li jiġi promoss l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ l-OCTs u li jiġu stabbiliti relazzjonijiet ekonomiċi mill-qrib bejnhom u l-Komunità bħala unità. Skond l-Artikolu 188 tat-Trattat KE, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 182 sa 187 japplikaw għal Greenland, suġġetti għad-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fil-Protokoll dwar l-arranġamenti speċjali għal Greenland annessi mat-Trattat.

(4)

Id-dispożizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 182 sa 186 tat-Trattat KE huma stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas-27 ta’ Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji barranin mal-Komunità Ewropea (id-“Deċiżjoni dwar l-assoċjazzjoni barranija”) (2), li jibqa' japplika għal Greenland skond il-kondizzjonijiet stipulati f'dik id-Deċiżjoni.

(5)

Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea fil-konklużjonijiet tiegħu ta’ l-24 ta’ Frar 2003 dwar ir-Reviżjoni ta’ Nofs it-Term tar-Raba' Protokoll dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea, il-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Awtonomu ta’ Greenland, qablu dwar il-ħtieġa li jitwessgħu u jissaħħu r-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u Greenland b'kont meħud ta’ l-importanza tas-sajd u tal-problemi fl-iżvilupp strutturali fi Greenland. Il-Kunsill kompla jesprimi l-impenn tiegħu li jibbaża r-relazzjoni futura ta’ l-UE ma' Greenland wara l-2006 fuq sħubija komprensiva għall-iżvilupp sostenibbli li tinkludi ftehim speċifiku dwar is-sajd, negozjat skond ir-regoli u l-prinċipji ġenerali għal ftehimiet bħal dawn.

(6)

Fil-konklużjonijiet tiegħu, imsemmija hawn fuq, il-Kunsill kien tal-fehma li fi ħdan il-qafas finanzjarju li jmiss ta’ l-UE, u b'kont meħud tal-bżonnijiet ta’ l-OCTs kollha, l-impenji finanzjarji futuri lejn Greenland għandhom ikunu orjentati lejn il-livell attwali tagħhom, filwaqt li jittieħed kont ta’ ċirkostanzi prevalenti oħra u ta’ bilanċ ġust ta’ interessi reċiproċi - speċjalment il-bżonnijiet ta’ żvilupp ta’ Greenland u l-bżonnijiet tal-Komunità għal aċċess kontinwat għal stokkijiet tal-ħut disponibbli fl-ilmijiet ta’ Greenland fuq bażi sostenibbli - kif ukoll tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji minn partijiet oħra.

(7)

Il-Ftehim dwar is-sajd bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern lokali ta’ Greenland, min-naħa l-oħra, iffirmat fi Brussel fit-13 ta’ Marzu 1984 (3), li jfakkar fl-ispirtu ta’ koperazzjoni li ġej mid-deċiżjoni tal-Komunità li tagħti status ta’ territorju barrani lil Greenland, sejjer jinbidel bi Ftehim ġdid ta’ Sħubija fis-Sajd fl-1 ta’ Jannar 2007.

(8)

Id-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Komunità Ewropea, min-naħa waħda, u l-Gvern Awtonomu ta’ Greenland u l-Gvern tad-Danimarka, min-naħa l-oħra, dwar sħubija bejn il-Komunità Ewropea u Greenland, iffirmat fil-Lussemburgu fis-27 ta’ Ġunju 2006 (4), tfakkar fir-rabtiet storiċi, politiċi, ekonomiċi u kulturali mill-qrib bejn il-Komunità u Greenland u tenfasizza l-bżonn li jissaħħu iżjed is-sħubija u l-koperazzjoni bejniethom fl-oqsma koperti minn din id-Deċiżjoni.

(9)

Il-miżuri meħtieġa għall-implementazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (5),

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

L-EWWEL PARTI

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI DWAR IR-RELAZZJONIJIET BEJN IL-KOMUNITÀ U GREENLAND

Artikolu 1

Sħubija

1.   Mingħajr preġudizzju għad-Deċiżjoni 2001/822/KE, is-sħubija bejn il-Komunità u Greenland timmira b'mod partikolari lejn it-twessigħ u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn il-Komunità u Greenland u tikkontribbwixxi għall-iżvilupp sostenibbli ta’ Greenland.

2.   Il-miri ta’ din is-sħubija huma:

(a)

li jiġi pprovdut qafas għad-djalogu;

(b)

li jintlaħqu l-miri komuni permezz ta’ konsultazzjoni dwar il-kwistjonijiet ta’ interess komuni sabiex jiġi żgurat li l-isforzi ta’ koperazzjoni ikollhom l-effett massimu skond il-prijoritajiet taż-żewġt isħab;

(ċ)

li tiġi pprovduta bażi għall-koperazzjoni ekonomika, finanzjarja, xjentifika, edukattiva u kulturali mwaqqfa fuq il-prinċipji tar-responsabbiltà reċiproka u l-appoġġ reċiproku;

(d)

li tikkontribbwixxi għall-iżvilupp ta’ Greenland.

Artikolu 2

Djalogu

Il-Komunità, Greenland u d-Danimarka għandhom jikkonsultaw lil xulxin dwar il-prinċipji, il-proċeduri dettaljati u r-riżultati tas-sħubija stabbiliti minn din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Ġestjoni

L-implementazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandha tiġi ġestita mill-Kummissjoni u mill-Gvern Awtonomu ta’ Greenland skond ir-rwoli u r-responsabilitajiet ta’ kull sieħeb kif stabbilit fil-ftehimiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu 12(2).

IT-TIENI PARTI

KOPERAZZJONI GĦALL-IŻVILUPP SOSTENIBBLI TA' GREENLAND

Artikolu 4

Oqsma ta’ koperazzjoni

Il-koperazzjoni għandha tappoġġa l-linji politiċi u l-istrateġiji settorjali li jiffaċilitaw l-aċċess għall-attivitajiet u r-riżorsi produttivi, b'mod partikolari:

(a)

l-edukazzjoni u t-taħriġ;

(b)

ir-riżorsi minerali;

(c)

l-enerġija;

(d)

it-turiżmu u l-kultura;

(e)

ir-riċerka;

(f)

is-sigurtà fl-ikel.

Artikolu 5

Prinċipji

1.   Il-koperazzjoni għandha tkun ibbażata fuq is-sħubija u għandha tiġi implementata skond l-istrateġiji ta’ koperazzjoni adottati skond l-Artikolu 6. Hija għandha tiżgura li l-flussi tar-riżorsi ikunu akkordati fuq bażi prevedibbli u regolari u jkunu flessibbli u adatti għall-qagħda fi Greenland.

2.   Konformement ma' l-approċċ ta’ sħubija, l-attivitajiet ta’ koperazzjoni għandhom jiġu deċiżi b'konsultazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, il-Gvern Awtonomu ta’ Greenland u l-Gvern tad-Danimarka. Tali konsultazzjonijiet għandhom ikunu kondotti f'konformità sħiħa mas-setgħat istituzzjonali, ġuridiċi u finanzjarji rispettivi ta’ kull sieħeb.

Artikolu 6

Programmazzjoni

1.   Fi ħdan il-qafas tas-sħubija, il-Gvern Awtonomu ta’ Greenland għandu jassumi r-responsabbiltà għall-formulazzjoni tal-linji politiċi settorjali fosthom l-istrateġiji u l-implementazzjoni tagħhom. Sabiex tkun żgurata s-sotenibbiltà tal-linji politiċi u strateġiji settorjali, sejrin jitwettqu, fejn jixraq, Stimi Ambjentali Strateġiċi.

2.   Fi ħdan il-kuntest ta’ din id-Deċiżjoni, il-Gvern Awtonomu ta’ Greenland u l-Kummissjoni għandhom iħejju u jadottaw Dokument ta’ Programmazzjoni indikattiv għall-Iżvilupp Sostenibbli ta’ Greenland (minn hawn 'il quddiem id-DPŻS), konformement mal-linji politiċi settorjali msemmija fil-paragrafu 1.

3.   Il-Gvern Awtonomu ta’ Greenland għandu jkun responsabbli għal:

(a)

l-adozzjoni tal-linji politiċi settorjali:

(b)

il-monitoraġġ u l-istimi ta’ l-effetti u r-riżultati tal-linji politiċi settorjali;

(c)

l-assigurazzjoni ta’ eżekuzzjoni adegwata, f'waqtha u effikaċi ta’ l-istrateġiji taħt il-linji politiċi settorjali;

(d)

ir-rappurtaġġ, lill-Kummissjoni fuq bażi annwali, dwar il-kisbiet taħt il-linji politiċi settorjali.

4.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għat-teħid tad-deċiżjoni finanzjarja annwali dwar l-allokazzjoni ġenerali li tikkorrispondi għad-DPŻS, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10.

Artikolu 7

L-ambitu tal-finanzjament

Fi ħdan il-qafas tal-linji politiċi settorjali stabbiliti mill-Gvern Awtonomu ta’ Greenland, is-sostenn finanzjarju jista’ jingħata għall-attivitajiet li ġejjin:

(a)

riformi u proġetti konformi mal-linji politiċi settorjali;

(b)

żvilupp istituzzjonali, żvilupp ta’ kapaċitajiet u integrazzjoni ta’ l-aspetti ambjentali;

(ċ)

programmi ta’ koperazzjoni teknika.

Artikolu 8

Eliġibbiltà għall-finanzjament

Il-Gvern Awtonomu ta’ Greenland għandu jkun eliġibbli għas-sostenn finanzjarju previst taħt din id-Deċiżjoni.

Artikolu 9

Miżuri ta’ implementazzjoni

Il-miżuri meħtieġa għall-implementazzjoni ta’ din il-parti tad-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 10(2) fi żmien 3 xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 10

Proċedura ta’ Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat dwar Greenland (minn hawn 'il quddiem “il-Kumitat”).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ tliet xhur.

3.   Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.

Artikolu 11

Għajnuna finanzjarja

1.   L-għajnuna finanzjarja Komunitarja għall-finijiet ta’ din il-parti tad-Deċiżjoni għandha tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013.

2.   L-għajnuna finanzjarja Komunitarja għandha tingħata permezz ta’ sostenn baġitarju.

3.   L-għajnuna finanzjarja Komunitarja għandha tiġi implementata permezz ta’ ġestjoni diretta ċentralizzata kif definita fl-Artikolu 53 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (6).

Artikolu 12

Kontrolli

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tiġi implementata skond ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002. B'mod partikolari Greenland hija mistennija tadotta sistema adegwata ta’ kontroll. Greenland għandha teżegwixxi kontrolli regolari sabiex tiżgura li l-azzjonijiet finanzjati mill-baġit Komunitarju ikunu ġew implementati korrettament. Addizzjonalment għar-rappurtaġġ annwali tagħha dwar il-kisbiet taħt il-linji politiċi settorjali, Greenland għandha tipprovdi dikjarazzjoni annwali li tiżgura l-legalità u r-regolarità. Hija għandha tieħu l-miżuri adatti sabiex tipprevjeni l-irregolaritajiet u l-frodi u jekk ikun hemm bżonn għandha tistitwixxi l-proċedimenti legali sabiex tirkupra fondi li ma kellhomx jitħallsu.

2.   L-obbligazzjonijet dettaljati tal-Gvern Awtonomu ta’ Greenland fir-rigward tal-ġestjoni tal-fondi Komunitarji għandhom jiġu stabbiliti fi ftehimiet finanzjarji konklużi mal-Kummissjoni għall-fini ta’ l-implementazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. B'mod partikolari, il-ftehimiet finanzjarji sejrin jistabbilixxu l-indikaturi tas-settur — immirati lejn il-kondizzjonijiet għall-ħlasijiet li jridu jintlaħqu u l-metodi ta’ verifika għar-rappurtaġġ tal-progress fuq l-indikaturi tas-settur u sabiex tiġi żgurata l-konformità ma' dawk il-kundizzjonijiet.

IT-TIELET PARTI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 13

Reviżjoni

Sat-30 ta’ Ġunju 2010, il-Komunità, il-Gvern Awtonomu ta’ Greenland u l-Gvern tad-Danimarka għandhom jimpenjaw ruħhom għal reviżjoni tas-sħubija ta’ nofs it-term. Wara din ir-reviżjoni l-Kummissjoni għandha, jekk tinħass il-ħtieġa, tipproponi l-emendament ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 14

Effett

Din id-Deċiżjoni għandha tibda jkollha effett fl-1 ta’ Jannar 2007. Hija għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2013.

Artikolu 15

Pubblikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 17 ta’ Lulju 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

E. TUOMIOJA


(1)   ĠU L 29, 1.2.1985, p. 1.

(2)   ĠU L 314, 30.11.2001, p. 1.

(3)   ĠU L 29, 1.2.1985, p. 9.

(4)   ĠU L 208, 29.7.2006, p. 32.

(5)   ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(6)   ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.


Dikjarazzjoni konġunta tal-Komunità Ewropea, min-naħa waħda, u l-Gvern Lokali ta’ Greenland u l-Gvern tad-Danimarka, min-naħa l-oħra, dwar sħubija bejn il-Komunità Ewropea u Greenland

1.   PREAMBOLU

Il-Komunità Ewropea, min-naħa waħda, u l-gvern lokali ta’ Greenland u l-gvern tad-Danimarka, min-naħa l-oħra,

immexxijin mir-rabtiet storiċi, politiċi, ekonomiċi u kulturali mill-qrib bejn l-Ewropa u Greenland,

ifakkru r-rabtiet mill-qrib u dejjiema bejn il-Komunità Ewropea u Greenland li ġew stabbiliti mit-Trattat ta’ Greenland fl-1985 u jaqblu li dawn ir-rabtiet għandhom jinżammu u jikkonfermaw li interessi reċiproċi, primarjament il-bżonnijiet ta’ żvilupp ta’ Greenland ser jitqiesu mill-Komunità Ewropea fil-politika tagħha fuq livell ġenerali u b'mod partikolari fir-relazzjonijiet tagħha ma’ Greenland,

jinnutaw li l-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea fl-24 ta’ Frar 2003 rrikonoxxa l-ħtieġa li filwaqt li jqis l-importanza ta’ l-industrija tas-sajd u l-programmi ta’ żvilupp strutturali fi Greenland, hemm il-bżonn li r-relazzjonijiet bejn l-UE u Greenland fil-ġejjieni jitwessgħu u jissaħħu,

jikkunsidraw li l-Komunità Ewropea għandha interess kontinwu, fuq pjan ġeostrateġiku, li ssawwar relazzjoni privileġġata mal-ġara tagħha Greenland, li hija parti integrali minn wieħed mill-Istati Membri tagħha, bħala ġara privileġġata, u li tikkontribwixxi għall-bennessri u l-iżvilupp ekonomiku ta’ Greenland,

jikkunsidraw li Greenland hija waħda mill-Pajjiżi u Territorji Barranin (PTB) assoċjati ma' l-Unjoni Ewropea,

jikkunsidraw li l-Komunità Ewropea sejra tqis l-interessi ta’ Greenland fl-ambitu tal-Ftuħ Artiku tal-politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana tagħha, fil-qies tar-rilevanza speċifika ta' l-ambjent naturali fraġli ta’ Greenland u l-isfidi li għandha quddiema l-popolazzjoni tagħha,

jinnutaw li, għall-Komunità Ewropea, iż-żamma ta' attivitajiet tas-sajd, fl-ilmijiet ta’ Greenland, minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru tifforma parti essenzjali fit-tħaddim tajjeb tal-Politika Komuni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tat-Tramuntana,

iddeċidew li jkomplu jsaħħu r-relazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-UE u Greenland msejsin fuq interessi globalment kondiviżi, għall-ġid reċiproku tal-popli tagħhom, u li jagħtu perspettiva fit-tul lir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom.

2.   GĦANIJIET KOMUNI

Il-Komunità Ewropea u Greenland jesprimu l-intenzjoni tagħhom li jsaħħu s-sħubija u l-kooperazzjoni bejniethom fl-oqsma li ġejjin:

il-kooperazzjoni fil-ġestjoni sostenibbli ta' l-istokkijiet tal-ħut u ta' l-ambjent marittimu, kif ukoll li jipprovdu opportunitajiet ta' sajd għall-bastimenti Komunitarji. Din il-kooperazzjoni hi u ser tibqa', pilastru essenzjali tas-sħubija bejn il-KE u Greenland, u ser tibqa' tissejjes fuq il-ftehim ta' sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-KE u Greenland, kif ukoll fuq il-Protokolli suċċessuri tiegħu;

il-kooperazzjoni fil-qasam ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ;

il-parteċipazzjoni, fl-azzjonijiet meħuda minn Greenland bil-ħsieb li ttejjeb l-ekonomija tagħha b'mod sostenibbli, partikolarment fl-oqsma tar-riżorsi minerali, tat-turiżmu u tal-kultura;

il-parteċipazzjoni fl-azzjoni meħuda mill-KE biex tiġġieled kontra t-tibdil fil-klima, u biex tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli fiż-żona ta' l-Artiku;

il-kooperazzjoni, ir-riċerka xjentifika konġunta, u l-iżvilupp prattiku ta' għejun alternattivi ta' l-enerġija;

ir-riċerka u l-iżvilupp konġunti dwar ir-rotot marittimi tat-Tramuntana u ż-żona ekonomika esklussiva ta’ Greenland.

Il-Komunità Ewropea, min-naħa tagħha, tiddikjara li:

filwaqt li tikkunsidra l-għanijiet tagħha skond it-Trattat ta’ Greenland li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Frar 1985, u r-relazzjonijiet mill-qrib u ta' benefiċċju reċiproku bejn Greenland u l-Komunità Ewropea matul dawn l-aħħar 20 sena;

filwaqt li tinnota l-importanza ġeostrateġika ta’ Greenland, partikolarment fil-kuntest tal-Ftuħ Artiku fil-politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana;

filwaqt li tikkunsidra l-importanza ta’ Greenland bħala msieħba responsabbli fil-ġestjoni u l-konservazzjoni ta' l-ambjent u r-riżorsi naturali, inklużi l-istokkijiet tal-ħut;

tixtieq tiżviluppa l-kooperazzjoni tagħha ma’ Greenland matul is-seba' snin li ġejjin, abbażi ta' sħubija doppja bbażata, minn naħa waħda, fuq ftehim ta' sħubija fis-settur tas-sajd, li jqis l-opportunitajiet kurrenti tas-sajd għall-bastimenti Komunitarji fl-ilmijiet ta’ Greenland u, min-naħa l-oħra f'kooperazzjoni komprensiva f'oqsma oħra barra s-sajd, li tieħu f'konsiderazzjoni l-istatus ta’ Greenland bħala PTB,

tixtieq ukoll tiżgura ż-żamma ta' l-allokazzjoni ta' fondi mill-baġit ta' l-UE għall-kooperazzjoni ma’ Greenland, stabbilita fuq l-istess livell tas-snin preċedenti, fuq il-bażi tas-sħubija doppja.

3.   L-IMPLIMENTAZZJONI TAS-SĦUBIJA

Bil-għan li jilħqu l-miri komuni tagħhom u jiżviluppaw sħubija bejniethom, il-Komunità Ewropea u Greenland sejrin jinfurmaw u jikkonsultaw lil xulxin fl-oqsma koperti minn din is-sħubija, u fi kwalunkwe qasam ieħor magħżul bi qbil komuni fl-ispirtu ta' din id-dikjarazzjoni.

Jikkunsidraw li:

għall-implimentazzjoni tal-parti tas-sħubija komprensiva għajr il-ftehim ta' sħubija fis-settur tas-sajd, l-assoċjazzjoni ta’ Greenland mal-Komunità Ewropea bħala pajjiż jew territorju barrani tippermetti li tingħata tweġiba adegwata għall-bżonnijiet ta’ Greenland, u li jingħata ħsieb għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħha b'kont meħud tal-pożizzjoni ultraperiferali, tal-klima estrema u tal-wirt storiku tagħha;

il-kooperazzjoni tagħhom għandha tiġi estiża għal oqsma li jinkludu l-edukazzjoni, is-sikurezza alimentari u l-iżvilupp tar-riżorsi li għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu lejn l-iżvilupp sostenibbli ta' l-ekonomija ta’ Greenland u jsewwu l-problemi strutturali tagħha;

il-kooperazzjoni xjentifika tagħhom dwar is-sorsi l-ġodda ta' l-enerġija u t-tibdil fil-klima għandha tiġi żviluppata. Din il-kooperazzjoni għandha tinkludi wkoll attivitajiet a' riċerka xjentifika rigward iż-żona ekonomika esklussiva ta’ Greenland, fid-dawl ta' żviluppi fit-trasport marittimu fil-ġejjieni.

Il-Komunità Ewropea bi ħsiebha tistabbilixxi l-kooperazzjoni futura ma’ Greenland f'oqsma oħra barra s-sajd, permezz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill, adottata skond l-Artikolu 187 tat-Trattat tal-KE, biex fil-perspettivi finanzjarji 2007-2013 jiġi inkluż il-finanzjament, permezz ta' l-appoġġ finanzjarju mill-baġit, ta' massimu ta' EUR 25 miljun fis-sena.

Iż-żewġ naħat huma konvinti li s-sħubija tagħhom sejra tibbenefika bil-kbir mill-għarfien u komprensjoni reċiproċi li kisbu permezz ta' l-użu sħiħ tal-fora konsultattivi kollha eżistenti, u partikolarment permezz ta' djalogu regolari, u skond il-każ, konsultazzjonijiet, bejn uffiċjali taż-żewġ naħat.

F'dan il-kuntest, Greenland bi ħsiebha tirrapporta fi tmiem kull sena dwar il-progress li jkun sar lejn l-ilħiq ta' l-għanijiet imsemmija hawn fuq. Qabel tmiem Ġunju 2010, il-Komunità Ewropea u Greenland sejrin iwettqu reviżjoni sħiħa ta' nofs it-terminu tas-sħubija bejniethom.

Hecho en Luxemburgo, el veintisiete de junio de dos mil seis.

V Lucemburku dne dvacátého sedmého června dva tisíce šest.

Udfærdiget i Luxembourg den syvogtyvende juni to tusind og seks.

Geschehen zu Luxemburg am siebenundzwanzigsten Juni zweitausendsechs.

Kahe tuhande kuuenda aasta juunikuu kahekümne seitsmendal päeval Luxembourgis.

Λουξεμβούργο, είκοσι επτά Ιουνίου δύο χιλιάδες έξι.

Done at Luxembourg, on the twenty-seventh day of June, in the year two thousand and six.

Fait à Luxembourg, le vingt-sept juin deux mille six.

Fatto a Lussemburgo, addì ventisette giugno duemilasei.

Luksemburgā, divtūkstoš sestā gada divdesmit septītajā jūnijā.

Priimta du tūkstančiai šeštų metų birželio dvidešimt septintą dieną Liuksemburge.

Kelt Luxembourgban, a kettőezer-hatodik év június havának huszonhetedik napján.

Magħmul fil-Lussemburgu, fis-sebgħa u għoxrin jum ta' Ġunju tas-sena elfejn u sitta.

Gedaan te Luxemburg, de zevenentwintigste juni tweeduizend zes.

Sporządzono w Luksemburgu dnia dwudziestego siódmego czerwca roku dwutysięcznego szóstego.

Feito no Luxemburgo, em vinte e sete de Junho de dois mil e seis.

V Luxemburgu dňa dvadsiateho siedmeho júna dvetisícšesť.

V Luxembourgu, sedemindvajsetega junija leta dva tisoč šest.

Tehty Luxemburgissa kahdentenakymmenentenäseitsemäntenä päivänä kesäkuuta vuonna kaksituhattakuusi.

Som skedde i Luxemburg den tjugosjunde juni tjugohundrasex.

Por la Comunidad Europea

Za Evropské společenství

For Det Europæiske Fællesskab

Für die Europäische Gemeinschaft

Euroopa Ühenduse nimel

Για την Ευρωπαϊκή Κοινότητα

For the European Community

Pour la Communauté européenne

Per la Comunità europea

Eiropas Kopienas vārdā

Europos bendrijos vardu

Az Europai Közösség részéről

Għall-Komunità Ewropea

Voor de Europese Gemeenschap

W imieniu Wspólnoty Europejskiej

Pela Comunidade Europeia

Za Európske spoločenstvo

Za Evropsko skupnost

Euroopan yhteisön puolesta

På Europeiska gemenskapens vägnar

Image 1

Image 2

Por el Gobierno de Dinamarca

Za vládu Dánska

For den danske regering

Für die Regierung Dänemarks

Taani valitsuse ja nimel

Για την Κυβέρνηση της Δανίας

For the Government of Denmark

Pour le gouvernement du Danemark

Per il governo della Danimarca

Dānijas valdības vārdā

Danijos Vyriausybės vardu

Dánia kormánya részéről

Għall-Gvern tad-Danimarka

Voor de Regering van Denemarken

W imieniu Rządu Danii

Pelo Governo da Dinamarca

Za vládu Dánska

Za vlado Danske

Tanskan hallituksen puolesta

På Danmarks regerings vägnar

Image 3

Por el Gobierno local de Groenlandia

Za místní vládu Grónska

For det grønlandske landsstyre

Für die örtliche Regierung Grönlands

Gröönimaa kohaliku valitsuse nimel

Για την Τοπική Κυβέρνηση της Γροιλανδίας

For the Home Rule Government of Greenland

Pour le gouvernement local du Groenland

Per il governo locale della Groenlandia

Grenlandes pašvaldības vārdā

Grenlandijos vietinės Vyriausybės vardu

Grönland Önkormányzata részéről

Għall-Gvern Lokali ta' Greenland

Voor de Plaatselijke Regering van Groenland

W imieniu Rządu Lokalnego Grenlandii

Pelo Governo local da Gronelândia

Za miestnu vládu Grónska

Za lokalno vlado Grenlandije

Grönlannin maakuntahallituksen puolesta

På Grönlands lokala regerings vagnar

Image 4