16.3.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

103


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Mejju 2006

dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità ta' l-Espressjonijiet Kulturali

(2006/515/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 133, 151, 181 u 181a flimkien mat-tieni sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2), u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(3), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

F'Novembru 2004, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tieħu sehem, f'isem il-Komunità, f'negozjati li saru fl-Organizzazzjoni għall-Edukazzjoni, Xjenza u Kultura tan-Nazzjonijiet Uniti (UNESCO) dwar Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità ta' l-Espressjonijiet Kulturali, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Konvenzjoni ta' l-UNESCO”. Il-Kummissjoni ħadet sehem f'dawn in-negozjati, flimkien ma' l-Istati Membri.

(2)

Il-Konvenzjoni ta' l-UNESCO kienet adottata fil-Konferenza Ġenerali ta' l-UNESCO f'Pariġi fl-20 ta' Ottubru 2005.

(3)

Il-Konvenzjoni ta' l-UNESCO tikkostitwixxi pilastru relevanti u effikaċi għal promozzjoni tad-diversità kulturali u ta' skambji kulturali, li għaliha kemm il-Komunità, kif rifless fl-Artikolu 151(4) tat-Trattat, kif ukoll l-Istati Membri tagħha, jagħtu l-akbar importanza. Hija tikkontribwixxi sabiex jiġi żgurat ir-rispett u l-komprensjoni reċiproċi bejn il-kulturi f'livell dinji.

(4)

Il-Konvenzjoni ta' l-UNESCO għandha tkun approvata mill-aktar fis possibbli.

(5)

Kemm il-Komunità kif ukoll l-Istati Membri tagħha għandhom kompetenza fl-oqsma koperti mill-Konvenzjoni ta' l-UNESCO. Għalhekk il-Komunità u l-Istati Membri għandhom isiru Partijiet Kontraenti għaliha, sabiex hekk flimkien ikunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi stabbiliti mill-Konvenzjoni ta' l-UNESCO u jeżerċitaw id-drittijiet konferiti lilhom minnha f'sitwazzjonijiet ta' kompetenzi mħallta b'mod koerenti,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1.   Il-Konvenzjoni ta' l-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità ta' l-Espressjonijiet Kulturali hija b'dan approvata f'isem il-Komunità.

2.   It-test tal-Konvenzjoni ta' l-UNESCO huwa kontenut fl-Anness 1(a) ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiddepożitaw l-istrument ta' adeżjoni f'isem il-Komunità, mad-Direttur Ġenerali ta' l-UNESCO, konformement ma' l-Artikolu 27(4) tal-Konvenzjoni ta' l-UNESCO.

2.   Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiddepożitaw, f'isem il-Komunità, id-dikjarazzjoni ta' kompetenza kontenuta fl-Anness 1(b) ma' din id-Deċiżjoni, konformement ma' l-Artikolu 27(3)(ċ) tal-Konvenzjoni ta' l-UNESCO.

3.   Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jippronunċjaw id-Dikjarazzjoni Unilaterali kontenuta fl-Anness 2 ma' din id-Deċiżjoni fil-waqt tad-depożitu ta' l-istrument ta' l-adeżjoni.

Artikolu 3

Fir-rigward ta' kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Komunità, il-Kummissjoni għandha tirrappreżenta l-Komunità f'laqgħat tal-korpi maħluqa mill-Konvenzjoni ta' l-UNESCO, u b'mod partikolari fil-Konferenza tal-Partijiet imsemmija fl-Artikolu 22 tagħha, u għandha tinnegozja f'isimha dwar kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza ta' dawk il-korpi.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussel, 18 ta’ Mejju 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

Franz MORAK


(1)  Opinjoni mogħtija fis-27.4.2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS 1(a)

KONVENZJONI

dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversita ta' espressjonijiet kulturali

Il-Konferenza Ġenerali ta' l-Organizzazzjoni għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura tan-Nazzjonijiet Uniti, f'laqgħa f'Pariġi mit-3 sal-21 ta' Ottubru 2005 fit-33 sessjoni tagħha,

WAQT LI TAFFERMA li d-diversità kulturali hija karatteristika inerenti fl-umanità,

KONXJA li d-diversità kulturali tifforma wirt komuni ta' l-umanità u għandha tiġi mgħożża u ppreservata għall-ġid ta' kulħadd,

WAQT LI HIJA KONXJA li d-diversità kulturali toħloq dinja għanja u varjata, li żżid il-firxa ta' għażliet u ssostni l-kapaċitajiet u l-valuri umani, u għalhekk hija spirtu fundamentali għall-iżvilupp sostenibbli tal-komunitajiet, il-popli u n-nazzjonijiet,

WAQT LI TFAKKAR li d-diversità kulturali, li tiffjorixxi f'qafas ta' demokrazija, ta' tolleranza, ta' ġustizzja soċjali u ta' rispett reċiproku bejn il-popli u l-kulturi, hija indispensabbli għall-paċi u għas-sigurtà f'livelli lokali, nazzjonali u internazzjonali,

WAQT LI TIĊĊELEBRA l-importanza tad-diversità kulturali sabiex realizzazzjoni sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali pproklamati fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u fi strumenti oħrajn rikonoxxuti universalment,

WAQT LI TENFASIZZA l-bżonn li l-kultura tiġi integrata kemm bħala element strateġiku fil-politika ta' żvilupp nazzjonali u dik internazzjonali, kif ukoll fil-kooperazzjoni internazzjonali għall-iżvilupp, filwaqt li tiġi kkunsidrata wkoll id-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti (2000) bl-enfasi speċjali tagħha fuq l-eradikazzjoni tal-faqar,

WAQT LI TIKKUNSIDRA li l-kultura tieħu diversi forom fiż-żmien u fl-ispazju u li din id-diversità tinkarna ruħha fl-oriġinalità u l-pluralità ta' l-identitajiet kif ukoll fl-espressjonijiet kulturali tal-popli u tas-soċjetajiet li jikkostitwixxu l-umanità,

WAQT LI TIRRIKONOXXI l-importanza ta' l-għarfien tradizzjonali bħala sors ta' għana intanġibbli u materjali, u b'mod partikolari s-sistemi ta' l-għarfien tal-popli indiġeni, u l-kontribut pożittiv tiegħu għall-iżvilupp sostenibbli, kif ukoll il-bżonn għall-protezzjoni u l-promozzjoni adegwata tiegħu,

WAQT LI TIRRIKONOXXI l-bżonn li jittieħdu miżuri għall-protezzjoni tad-diversità ta' l-espressjonijiet kulturali, inklużi l-kontenut tagħhom, speċjalment f'sitwazzjonijiet fejn l-espressjonijiet kulturali jistgħu jkunu mhedda mill-possibbiltà ta' estinzjoni jew dannu serju,

WAQT LI TENFASIZZA l-importanza tal-kultura għall-koeżjoni soċjali b'mod ġenerali, u b'mod partikolari l-potenzjal tagħha għat-titjib ta' l-istatus u r-rwol tan-nisa fis-soċjetà,

WAQT LI HIJA KONXJA li d-diversità kulturali hija msaħħa biċ-ċirkolazzjoni libera ta' l-ideat, u li hija sostnuta bi skambji kostanti u b'interazzjoni bejn il-kulturi,

WAQT LI TERĠA' TAFFERMA li l-libertà ta' ħsieb, ta' espressjoni u ta' informazzjoni, kif ukoll id-diversità tal-medja, jippermettu li espressjonijiet kulturali jiffjorixxu fi ħdan is-soċjetajiet,

WAQT LI TIRRIKONOXXI li d-diversità ta' l-espressjonijiet kulturali, inklużi l-espressjonijiet kulturali tradizzjonali, hija fattur importanti li tippermetti lill-individwi u lill-popli sabiex jesprimu u jaqsmu l-ideat u l-valuri tagħhom ma' oħrajn,

WAQT LI TFAKKAR li d-diversità lingwistika hija element fundamentali tad-diversità kulturali, u WAQT LI TERĠA' TAFFERMA r-rwol fundamentali li għandha l-edukazzjoni fil-protezzjoni u l-promozzjoni ta' l-espressjonijiet kulturali,

WAQT LI TIKKUNSIDRA l-importanza tal-vitalità tal-kulturi, inklużi għall-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi u għall-popli indiġeni, bħalma turi ruħha fil-libertà tagħhom li joħolqu, ixerrdu u jqassmu l-espressjonijiet kulturali tradizzjonali tagħhom u li jkollhom aċċess għalihom, sabiex hekk jibbenefikaw minnhom għall-iżvilupp tagħhom stess,

WAQT LI TENFASIZZA r-rwol vitali ta' l-interazzjoni u tal-kreattività kulturali, li jsostnu u jerġgħu jqajmu l-espressjonijiet kulturali u jsaħħu r-rwol ta' dawk involuti fl-iżvilupp tal-kultura għall-progress tas-soċjetà fit-totalità tagħha,

WAQT LI TIRRIKONOXXI l-importanza tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali għas-sostenn ta' dawk involuti fil-kreattività kulturali,

WAQT LI HIJA KONVINTA li l-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi kulturali għandhom kemm natura ekonomika kif ukoll kulturali, peress li jġorru identitajiet, valuri u sinifikati, u għalhekk ma għandhomx jiġu ttrattati biss bħala li għandhom esklussivament valur kummerċjali,

WAQT LI TINNOTA li filwaqt li l-proċessi ta' globalizzazzjoni, megħjuna mill-evoluzzjoni mgħaġġla tat-teknoloġiji ta' l-informatika u tal-komunikazzjoni, joħolqu l-kundizzjonijiet ġodda għal interazzjoni msaħħa bejn il-kulturi, huma jirrappreżentaw ukoll sfida għad-diversità kulturali, notevolment fir-rigward tar-riskji ta' żbilanċi bejn pajjiżi sinjuri u pajjiżi fqar,

WAQT LI HIJA KONXJA tal-mandat speċifiku fdat lill-UNESCO sabiex tiżgura r-rispett tad-diversità tal-kulturi u sabiex tirrikkomanda tali ftehim internazzjonali li jistgħu jkunu meħtieġa għall-promozzjoni tal-fluss liberu ta' ideat kemm bil-kelma kif ukoll bl-immaġni,

WAQT LI TIRREFERI għall-disposizzjonijiet ta' l-istrumenti internazzjonali adottati mill-UNESCO relatati mad-diversità kulturali u l-eżerċizzju tad-drittijiet kulturali, u b'mod partikolari mad-Dikjarazzjoni Universali dwar id-Diversità Kulturali ta' l-2001,

TADOTTA DIN IL-KONVENZJONI FL-20 TA' OTTUBRU 2005.

I.   OBJETTIVI U PRINĊIPJI TA' GWIDA

Artikolu 1

Objettivi

L-objettivi ta' din il-Konvenzjoni huma:

(a)

li tħares u tippromwovi d-diversità ta' l-espressjonijiet kulturali;

(b)

li toħloq il-kundizzjonijiet li jippermettu lill-kulturi sabiex jiffjorixxu u jinteraġixxu bejniethom liberament b'mod li jkun ta' benefiċċju reċiproku;

(c)

li tħeġġeġ id-djalogu bejn il-kulturi bl-għan li jiżguraw skambji kulturali usa' u bbilanċjati fid-dinja favur ir-rispett interkulturali u kultura ta' paċi;

(d)

li tistimola l-interkulturalità sabiex tiżviluppa l-interazzjoni kulturali fl-ispirtu li jinbnew pontijiet bejn il-popli;

(e)

li tippromwovi r-rispett lejn id-diversità ta' l-espressjonijiet kulturali u tqajjem kuxjenza lejn l-għarfien tal-valur tagħha fuq il-livelli lokali, nazzjonali u dak internazzjonali;

(f)

li terġa' tafferma l-importanza tar-rabta bejn il-kultura u l-iżvilupp għall-pajjiżi kollha, b'mod partikolari għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u li tħeġġeġ azzjonijiet imwettqa nazzjonalment jew internazzjonalment sabiex jiġi assigurat il-valur reali ta' din ir-rabta;

(g)

li tagħti rikonoxximent lin-natura distinta ta' l-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi kulturali bħala vetturi ta' identità, valuri u sinifikat;

(h)

li terġa' tafferma d-drittijiet sovrani ta' l-Istati li jżommu, jadottaw u jimplimentaw politika u miżuri li huma jikkunsidraw adattati għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità ta' l-espressjonijiet kulturali fit-territorju tagħhom;

(i)

li ssaħħaħ il-kooperazzjoni u s-solidarjetà internazzjonali fi spirtu ta' sħubija sabiex, b'mod partikolari, jissaħħu l-kapaċitajiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jiġu protetti u promossi d-diversità ta' l-espressjonijiet kulturali.

Artikolu 2

Prinċipji ta' gwida

Id-diversità kulturali tista' titħares u tkun promossa biss jekk ikunu garantiti d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, bħal-libertà ta' espressjoni, ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni, kif ukoll l-abilità ta' l-individwi sabiex jagħżlu l-espressjonijiet kulturali. Ħadd ma jista' jinvoka d-disposizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni sabiex jikser id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kif minquxa fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem jew garantiti mil-liġi internazzjonali, jew sabiex jillimita l-kamp ta' applikazzjoni tagħha.

B'mod konformi mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-prinċipji tal-liġi internazzjonali, l-Istati għandhom id-dritt sovran li jadottaw miżuri u politika sabiex jipproteġu u jippromwovu d-diversità ta' l-espressjonijiet kulturali fit-territorju tagħhom.

Il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità ta' l-espressjonijiet kulturali timplika l-għarfien tad-dinjità ugwali u tar-rispett tal-kulturi kollha, inklużi dawk ta' persuni ta' minoranzi u dawk ta' popli indiġeni.

Il-kooperazzjoni u s-solidarjetà internazzjonali għandhom ikollhom l-għan li jippermettu lill-pajjiżi, b'mod partikolari lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li joħolqu u jsaħħu l-mezzi tagħhom ta' espressjoni kulturali, inklużi l-industriji kulturali tagħhom, sew jekk ikunu għadhom fil-bidu kif ukoll jekk stabbiliti, fuq il-livelli lokali, nazzjonali u dak internazzjonali.

Billi l-kultura hija waħda mill-għejun prinċipali ta' l-iżvilupp, l-aspetti kulturali ta' l-iżvilupp huma importanti daqs l-aspetti ekonomiċi tiegħu, u l-individwi u l-popli għandhom id-dritt fundamentali li jipparteċipaw fih u jgawdu.

Id-diversità kulturali hija rikkezza kbira għall-individwi u s-soċjetajiet. Il-protezzjoni, il-promozzjoni u ż-żamma tad-diversità kulturali huma kundizzjoni essenzjali għall-iżvilupp fit-tul għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.

L-aċċess ġust għal firxa għanja u ddiversifikata ta' espressjonijiet kulturali ġejjin mid-dinja kollha u l-aċċess tal-kulturi għall-mezzi ta' espressjoni u ta' xandir jikkostitwixxu elementi importanti għat-tisħiħ tad-diversità kulturali u t-tħeġġiġ tal-komprensjoni reċiproka.

Meta l-Istati jadottaw miżuri sabiex jappoġġaw id-diversità ta' l-espressjonijiet kulturali, dawn għandhom ifittxu li jippromwovu, b'mod adattat, il-ftuħ għal kulturi oħrajn tad-dinja u jiżguraw li dawn il-miżuri jkunu konformi ma' l-objettivi segwiti taħt din il-Konvenzjoni.

II.   KAMP TA' APPLIKAZZJONI

Artikolu 3

Kamp ta' applikazzjoni

Din il-Konvenzjoni għandha tapplika għall-politika u l-miżuri adottati mill-Partijiet relatati mal-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità ta' l-espressjonijiet kulturali.

III.   DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 4

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din il-Konvenzjoni, huwa mifhum li:

1.

Diversità kulturali

“Diversità kulturali” tirreferi għall-multipliċità ta' forom li bihom il-kulturi ta' gruppi u ta' soċjetajiet isibu espressjoni. Dawn l-espressjonijiet jiġu mgħoddija fi gruppi u soċjetajiet u bejniethom.

Id-diversità kulturali tidher mhux biss fil-forom diversi li permezz tagħhom il-patrimonju kulturali ta' l-umanità jkun imfisser, mogħni u mgħoddi minħabba l-varjetà ta' espressjonijiet kulturali, iżda wkoll permezz ta' diversi modi ta' kreazzjoni artistika, ta' produzzjoni, ta' xandir, ta' distribuzzjoni u ta' tgawdija, ikunu x'ikunu l-mezzi u t-teknoloġiji użati.

2.

Kontenut kulturali

“Kontenut kulturali” tirreferi għas-sinifikat simboliku, għad-dimensjoni artistika u għall-valuri kulturali li joriġinaw minn jew jesprimu identitajiet kulturali.

3.

Espressjonijiet kulturali

“Espressjonijiet kulturali” huma l-espressjonijiet li jirriżultaw mill-kreattività ta' l-individwi, il-gruppi u s-soċjetajiet, u li għandhom kontenut kulturali.

4.

Attivitajiet, prodotti u servizzi kulturali

“Attivitajiet, prodotti u servizzi kulturali” tirreferi għal dawk l-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi li, meta jkunu kkunsidrati bħala attribut, użu jew skop speċifiku, jinkorporaw jew jitrasmettu espressjonijiet kulturali, irrispettivament mill-valur kummerċjali li jista' jkollhom. L-attivitajiet kulturali jistgħu jkunu skop minnhom infushom, jew inkella jistgħu jikkontribwixxu għall-produzzjoni ta' prodotti u servizzi kulturali.

5.

Industriji kulturali

“Industriji kulturali” tirreferi għall-industriji li jipproduċu u jqassmu prodotti jew servizzi kulturali kif definit fil-paragrafu 4 hawn fuq.

6.

Politika u miżuri kulturali

“Politika u miżuri kulturali” tirreferi għal dik il-politika u l-miżuri li jirrelataw mal-kultura, fuq livell lokali, nazzjonali, reġjonali jew internazzjonali, sew jekk ikunu jiffukaw fuq il-kultura fis-sens strett tagħha, jew ikunu maħsuba sabiex ikollhom effett dirett fuq espressjonijiet kulturali ta' individwi, gruppi jew soċjetajiet, inkluż fuq il-ħolqien, il-produzzjoni, ix-xandir u d-distribuzzjoni ta' u aċċess għal attivitajiet, prodotti u servizzi kulturali.

7.

Protezzjoni

“Protezzjoni” tfisser l-adozzjoni ta' miżuri bil-għan tal-preservazzjoni, is-salvagwardja u t-tisħiħ tad-diversità ta' l-espressjonijiet kulturali.

“Protezzjoni” tfisser l-adozzjoni ta' tali miżuri.

8.

Interkulturalità

“Interkulturalità” tirreferi għall-eżistenza u l-interazzjoni ġusta ta' kulturi diversi u għall-possibbiltà li jinħolqu espressjonijiet kulturali kondiviżi permezz tad-djalogu u r-rispett reċiproku.

IV.   DRITTIJIET U OBBLIGI TAL-PARTIJIET

Artikolu 5

Regola ġenerali dwar id-drittijiet u l-obbligi

1.   Il-Partijiet, f'konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, il-prinċipji ta' liġi internazzjonali u strumenti rikonoxxuti universalment fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, jaffermaw mill-ġdid id-dritt sovran tagħhom li jifformulaw u jimplimentaw il-politika kulturali tagħhom u li jadottaw miżuri sabiex jipproteġu u jippromwovu d-diversità ta' espressjonijiet kulturali kif ukoll sabiex isaħħu l-kooperazzjoni internazzjonali sabiex jiksbu l-finijiet ta' din il-Konvenzjoni.

2.   Meta Parti timplimenta politika u tieħu miżuri sabiex tipproteġi u tippromwovi d-diversità ta' l-espressjonijiet kulturali fit-territorju tagħha, il-politika u l-miżuri tagħha għandhom ikunu konsistenti mad-disposizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni.

Artikolu 6

Drittijiet tal-partijiet fuq livell nazzjonali

1.   Fil-qafas tal-politika u l-miżuri kulturali tagħha kif definit fl-Artikolu 4.6 u b'kont meħud taċ-ċirkustanzi u l-bżonnijiet partikolari tagħha stess, kull Parti tista' tadotta miżuri mmirati lejn il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità ta' l-espressjonijiet kulturali fit-territorju tagħha.

2.   Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu dawn li ġejjin:

(i)

miżuri regolatorji li għandhom l-għan li jipproteġu u jippromwovu d-diversità ta' l-espressjonijiet kulturali;

(ii)

miżuri li, b'mod adattat, joffru opportunitajiet għal attivitajiet, prodotti u servizzi kulturali nazzjonali fost dawk kollha disponibbli fit-territorju nazzjonali għall-kreazzjoni, il-produzzjoni, ix-xandir, id-distribuzzjoni u t-tgawdija ta' tali attivitajiet, prodotti u servizzi kulturali nazzjonali, inklużi d-disposizzjonijiet relatati mal-lingwa użata għal tali attivitajiet, prodotti u servizzi;

(iii)

miżuri mmirati li jipprovdu lill-industriji kulturali nazzjonali indipendenti u lill-attivitajiet fis-settur informali, aċċess effettiv għall-mezzi ta' produzzjoni, ta' xandir u ta' distribuzzjoni ta' attivitajiet, prodotti u servizzi kulturali;

(iv)

miżuri mmirati lejn il-proviżjoni ta' assistenza finanzjarja pubblika;

(v)

miżuri mmirati sabiex iħeġġu organizzazzjonijiet mhux għall-profitt, kif ukoll istituzzjonijiet pubbliċi u privati u artisti u professjonisti kulturali oħra, sabiex jiżviluppaw u jippromwovu l-iskambju u ċ-ċirkolazzjoni liberi ta' ideat, espressjonijiet kulturali u attivitajiet, prodotti u servizzi kulturali, u sabiex jistimolaw l-ispirtu kreattiv u intraprenditorjali fl-attivitajiet tagħhom;

(vi)

miżuri mmirati lejn l-istabbiliment u l-appoġġ ta' istituzzjonijiet pubbliċi, skond ma jkun il-każ;

(vii)

miżuri mmirati lejn it-trawwim u l-appoġġ ta' artisti u oħrajn involuti fil-kreazzjoni ta' espressjonijiet kulturali;

(viii)

miżuri mmirati lejn it-tisħiħ tad-diversità tal-medja, inkluż permezz tas-servizz tax-xandir pubbliku.

Artikolu 7

Miżuri għall-promozzjoni ta' espressjonijiet kulturali

1.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu minn kollox sabiex fit-territorju tagħhom joħolqu ambjent li jħeġġeġ lill-individwi u lill-gruppi soċjali:

(a)

biex joħolqu, jipproduċu, ixandru u jqassmu l-espressjonijiet kulturali tagħhom stess u sabiex ikollhom aċċess għalihom, filwaqt li jikkunsidraw il-kundizzjonijiet u l-bżonnijiet speċjali tan-nisa, kif ukoll ta' gruppi soċjali diversi, inklużi persuni li jagħmlu parti minn minoranzi u popli indiġeni;

(b)

biex ikollhom aċċess għall-espressjonijiet kulturali diversi li ġejjin mit-territorju tagħhom kif ukoll minn pajjiżi oħra tad-dinja.

2.   Il-Partijiet għandhom ukoll jagħmlu minn kollox sabiex jirrikonoxxu l-kontribut importanti ta' l-artisti, oħrajn involuti fil-proċess kreattiv, komunitajiet kulturali, u organizzazzjonijiet li jappoġġaw ix-xogħol tagħhom, u r-rwol ċentrali tagħhom fis-sostenn tad-diversità ta' espressjonijiet kulturali.

Artikolu 8

Miżuri għall-protezzjoni ta' espressjonijiet kulturali

1.   Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta' l-Artikoli 5 u 6, Parti tista' tiddetermina l-eżistenza ta' sitwazzjonijiet speċjali fejn l-espressjonijiet kulturali fit-territorju tagħha huma fil-periklu ta' estinzjoni, taħt theddida serja, jew għandhom bżonn ta' protezzjoni urġenti bi kwalunkwe mod ieħor.

2.   Il-Partijiet jistgħu jieħdu l-miżuri adattati kollha sabiex jipproteġu u jippreservaw l-espressjonijiet kulturali fis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 b'mod konsistenti mad-disposizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni.

3.   Il-Partijiet għandhom jirrapportaw lill-Kumitat Intergovernattiv imsemmi fl-Artikolu 23 dwar il-miżuri kollha meħuda sabiex jiġu sodisfatti l-eżiġenzi tas-sitwazzjoni, u l-Kumitat jista' jagħmel rakkomandazzjonijiet adattati.

Artikolu 9

Kondiviżjoni ta' informazzjoni u trasparenza

Il-Partijiet għandhom:

(a)

kull erba' snin jipprovdu, fir-rapporti tagħhom lill-UNESCO, l-informazzjoni adattata dwar il-miżuri meħuda bil-ħsieb tal-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità ta' l-espressjonijiet kulturali fit-territorju tagħhom u fuq il-livell internazzjonali;

(b)

jinnominaw punt ta' kuntatt responsabbli mill-kondiviżjoni ta' l-informazzjoni relatata ma' din il-Konvenzjoni;

(c)

jaqsmu u jiskambjaw l-informazzjoni relatata mal-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità ta' l-espressjonijiet kulturali.

Artikolu 10

Edukazzjoni u tqajjim ta' kuxjenza fost il-pubbliku

Il-Partijiet għandhom:

(a)

iħeġġu u jippromwovu l-komprensjoni ta' l-importanza tal-protezzjoni u tal-promozzjoni tad-diversità ta' l-espressjonijiet kulturali, inter alia, permezz ta' programmi edukattivi u ta' sensibilizzazzjoni akbar tal-pubbliku;

(b)

jikkooperaw ma' Partijiet oħra u organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali sabiex jintlaħaq l-għan ta' dan l-Artikolu;

(c)

jaħdmu sabiex iħeġġu l-kreattività u jsaħħu l-kapaċitajiet ta' produzzjoni permezz ta' l-istabbiliment ta' programmi edukattivi, ta' taħriġ u ta' skambji fil-qasam ta' l-industriji kulturali. Dawn il-miżuri għandhom jiġu implimentati b'mod li ma jkollux impatt negattiv fuq il-forom tradizzjonali ta' produzzjoni.

Artikolu 11

Parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili

Il-Partijiet jirrikonoxxu r-rwol fundamentali tas-soċjetà ċivili fil-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità ta' l-espressjonijiet kulturali. Il-Partijiet għandhom iħeġġu l-parteċipazzjoni attiva tas-soċjetà ċivili fl-isforzi tagħhom sabiex jiksbu l-objettivi ta' din il-Konvenzjoni.

Artikolu 12

Promozzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali

Il-Partijiet għandhom jaħdmu sabiex isaħħu l-kooperazzjoni bilaterali, reġjonali u internazzjonali tagħhom sabiex joħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-promozzjoni tad-diversità ta' l-espressjonijiet kulturali, filwaqt li jikkunsidraw b'mod partikolari s-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 8 u 17, notevolment sabiex:

(a)

jiffaċilitaw id-djalogu bejn il-Partijiet dwar il-politika kulturali;

(b)

isaħħu l-kapaċitajiet strateġiċi u ta' tmexxija tas-settur pubbliku fl-istituzzjonijiet kulturali tas-settur pubbliku, permezz ta' skambji kulturali professjonali u internazzjonali u l-kondiviżjoni ta' l-aħjar prattiki;

(c)

jirrinforzaw is-sħubiji mas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u s-settur privat, u bejniethom, sabiex titrawwem u tiġi promossa d-diversità ta' l-espressjonijiet kulturali;

(d)

jippromwovu l-użu tat-teknoloġiji ġodda, iħeġġu sħubiji sabiex jirrinforzaw il-kondiviżjoni ta' l-informazzjoni u l-komprensjoni kulturali, u jrawmu d-diversità ta' l-espressjonijiet kulturali;

(e)

iħeġġu l-konklużjoni ta' ftehim ta' koproduzzjoni u ta' kodistribuzzjoni.

Artikolu 13

Integrazzjoni tal-kultura fl-iżvilupp sostenibbli

Il-Partijiet għandhom jistinkaw sabiex jintegraw il-kultura fil-politika tagħhom ta' l-iżvilupp fil-livelli kollha sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet li jwasslu għal żvilupp sostenibbli u, f'dan il-qafas, iħaddnu aspetti relatati mal-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità ta' l-espressjonijiet kulturali.

Artikolu 14

Kooperazzjoni għall-iżvilupp

Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jappoġġaw il-kooperazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar, b'mod partikolari għal dak li għandu x'jaqsam mal-bżonnijiet speċifiċi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bl-għan li jiffavorixxu l-ħolqien ta' settur kulturali dinamiku, inter alia, permezz ta':

(a)

it-tisħiħ ta' l-industriji kulturali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz ta':

(i)

il-ħolqien u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' produzzjoni u ta' distribuzzjoni kulturali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

(ii)

il-faċilitazzjoni ta' aċċess usa' għas-suq globali u netwerks ta' distribuzzjoni internazzjonli għall-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi kulturali tagħhom;

(iii)

il-faċilitazzjoni tad-dħul ta' swieq lokali u reġjonali vijabbli;

(iv)

l-adozzjoni, fejn ikun possibbli, ta' miżuri adatti f'pajjiżi żviluppati sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għat-territorju tagħhom għall-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi kulturali ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw;

(v)

il-proviżjoni ta' appoġġ għax-xogħol kreattiv u l-faċilitazzjoni tal-mobilità, sa fejn hu possibbli, ta' l-artisti mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

(vi)

it-tħeġġiġ tal-kollaborazzjoni adattata bejn pajjiżi żviluppati u pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-oqsma, inter alia, tal-mużika u l-films;

(b)

il-bini tal-kapaċitajiet permezz ta' l-iskambju ta' informazzjoni, ta' esperjenza u ta' ħila kif ukoll tat-taħriġ tar-riżorsi umani fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, fis-settur pubbliku u dak privat li jikkonċernaw, inter alia, kapaċitajiet strateġiċi u ta' tmexxija, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politika, il-promozzjoni u d-distribuzzjoni ta' l-espressjonijiet kulturali, l-iżvilupp ta' l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u mikrointrapriżi, l-użu tat-teknoloġiji kif ukoll l-iżvilupp u t-trasferiment tal-kompetenzi;

(c)

it-trasferiment ta' teknoloġiji permezz ta' l-introduzzjoni ta' miżuri ta' inċentiva adatti għat-trasferiment tat-teknoloġija u l-għarfien, speċjalment fl-oqsma ta' l-industriji u l-intrapriżi kulturali;

(d)

l-appoġġ finanzjarju permezz ta':

(i)

l-istabbiliment ta' Fond Internazzjonali għad-Diversità Kulturali kif provdut fl-Artikolu 18:

(ii)

l-għotja ta' assistenza għall-iżvilupp uffiċjali, skond ma jkun il-każ, inkluża l-assistenza teknika mmirata sabiex tistimola u tappoġġa l-kreattività;

(iii)

forom oħra ta' assistenza finanzjarja bħal ma huma self b'rati baxxi ta' interessi, għotjiet u mekkaniżmi finanzjarji oħra.

Artikolu 15

Arranġamenti kollaborattivi

Il-Partijiet għandhom iħeġġu l-iżvilupp ta' sħubiji, bejn u fi ħdan is-setturi pubbliċi u privati u l-organizzazzjonijiet mhux għall-profitt, sabiex jikkooperaw mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tagħhom sabiex jipproteġu u jippromwovu d-diversità ta' l-espressjonijiet kulturali. Dawn is-sħubiji innovattivi għandhom, skond il-bżonnijiet prattiċi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jenfasizzaw l-iżvilupp ulterjuri ta' infrastruttura, riżorsi umani u politika, kif ukoll l-iskambju ta' attivitajiet, prodotti u servizzi kulturali.

Artikolu 16

Trattament preferenzjali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw

Il-pajjiżi żviluppati għandhom jiffaċilitaw l-iskambji kulturali ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw billi jagħtu, permezz ta' l-oqfsa istituzzjonali u legali adattati, trattament preferenzjali lill-artisti u l-professjonisti u prattikanti kulturali oħra, kif ukoll għall-prodotti u s-servizzi kulturali mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Artikolu 17

Kooperazzjoni internazzjonali f'sitwazzjonijiet ta' theddida serja għall-espressjonijiet kulturali

Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fil-proviżjoni ta' assistenza lil xulxin, u, b'mod partikolari lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, fis-sitwazzjonijiet imsemmija taħt l-Artikolu 8.

Artikolu 18

Fond Internazzjonali għad-Diversità Kulturali

1.   Fond Internazzjonali għad-Diversità Kulturali, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Fond” huwa b'dan stabbilit.

2.   Il-Fond għandu jikkonsisti minn fondi ddepożitati stabbiliti skond ir-Regolamenti Finanzjarji ta' l-UNESCO.

3.   Ir-riżorsi tal-Fond għandhom ikunu magħmula minn:

(a)

kontribuzzjonijiet volontarji mill-Partijiet;

(b)

fondi approprjati għal dan l-għan mill-Konferenza Ġenerali ta' l-UNESCO;

(c)

kontribuzzjonijiet, rigali jew legati minn Stati oħra; organizzazzjonijiet u programmi tas-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti, organizzazzjonijiet oħra reġjonali jew internazzjonali, u korpi jew individwi pubbliċi jew privati;

(d)

kwalunkwe interess dovut fuq ir-riżorsi tal-Fond;

(e)

fondi miġbura permezz ta' kollezzjonijiet u rċevuti minn avvenimenti organizzati għall-benefiċċju tal-Fond;

(f)

kwalunkwe riżors ieħor awtorizzat mir-regolamenti tal-Fond.

4.   L-użu tar-riżorsi tal-Fond għandu jiġi deċiż mill-Kumitat Intergovernattiv fuq il-bażi ta' linji gwida ddeterminati mill-Konferenza tal-Partijiet imsemmija fl-Artikolu 22.

5.   Il-Kumitat Intergovernattiv jista' jaċċetta kontribuzzjonijiet jew forom oħra ta' assistenza għal skopijiet ġenerali jew speċifiċi li għandhom x'jaqsmu ma' proġetti speċifiċ, dment li dawk il-proġetti jkunu approvati minnu.

6.   L-ebda kondizzjoni politika, ekonomika jew ta' tip ieħor li hija inkompatibbli ma' l-objettivi ta' din il-Konvenzjoni ma tista' tiġi mehmuża ma' kontribuzzjonijiet magħmula għall-Fond.

7.   Il-Partijiet għandhom jaħdmu sabiex jipprovdu kontribuzzjonijiet volontarji fuq bażi regolari għall-implimentazzjoni ta' din il-Konvenzjoni.

Artikolu 19

Skambju, analiżi u disseminazzjoni ta' l-informazzjoni

1.   Il-Partijiet jaqblu li jiskambjaw l-informazzjoni u jikkondividu l-ħila dwar ġbir ta' data u statistika dwar id-diversità ta' l-espressjonijiet kulturali kif ukoll dwar l-aħjar prattika għall-protezzjoni u l-promozzjoni tagħha.

2.   Il-UNESCO għandha tiffaċilita, permezz ta' l-użu ta' mekkaniżmi eżistenti fi ħdan is-Segretarjat, il-ġbir, l-analiżi u d-disseminazzjoni ta' l-informazzjoni, l-istatistika u l-aħjar prattika relevanti kollha.

3.   Il-UNESCO għandha wkoll tistabbilixxi u taġġorna bank tad-data dwar setturi differenti u organizzazzjonijiet governattivi, privati u mhux għall-profitt involuti fil-qasam ta' l-espressjonijiet kulturali.

4.   Bil-ħsieb li tiffaċilita l-ġabra ta' data, il-UNESCO għandha tagħti attenzjoni partikolari għall-bini tal-kapaċità u t-tisħiħ tal-ħila tal-Partijiet li jissottomettu talba għal tali assistenza.

5.   Il-ġbir ta' informazzjoni identifikata f'dan l-Artikolu għandha tikkumplimenta l-informazzjoni miġbura taħt id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 9.

V.   RELAZZJONI MA' STRUMENTI OĦRA

Artikolu 20

Relazzjoni ma' trattati oħra: appoġġ reċiproku, kumplimentarjetà u non-subordinazzjoni

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu li għandhom iwettqu b'rieda tajba l-obbligi tagħhom taħt din il-Konvenzjoni u t-trattati l-oħra kollha li huma parti għalihom. Għaldaqstant, mingħajr ma' din il-Konvenzjoni tiġi subordinata għal kwalunkwe trattat ieħor:

(a)

huma għandhom irawmu s-sostenn reċiproku bejn din il-Konvenzjoni u t-trattati l-oħra li tagħhom jagħmlu parti; u

(b)

filwaqt li jinterpretaw u japplikaw it-trattati l-oħra li tagħhom jagħmlu parti jew meta jkunu qed jidħlu f'obbligi internazzjonali oħra, il-Partijiet għandhom jieħdu kont tad-disposizzjonijiet relevanti ta' din il-Konvenzjoni.

2.   Xejn f'din il-Konvenzjoni m'għandu jkun interpretat bħala li jimmodifika d-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet taħt kwalunkwe trattat ieħor li għalih huma parti.

Artikolu 21

Konsultazzjoni u koordinazzjoni internazzjonali

Il-Partijiet jintrabtu li jippromwovu l-objettivi u l-prinċipji ta' din il-Konvenzjoni f'forums internazzjonali oħra. Għal dan il-għan, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw bejniethom, skond ma jkun il-każ, waqt li jżommu f'moħħhom dawn l-objettivi u prinċipji.

VI.   ORGANI TAL-KONVENZJONI

Artikolu 22

Konferenza tal-Partijiet

1.   Għandha tiġi stabbilita Konferenza tal-Partijiet. Il-Konferenza tal-Partijiet għandha tkun il-korp plenarju u suprem ta' din il-Konvenzjoni.

2.   Il-Konferenza tal-Partijiet għandha tiltaqa' f'sessjoni ordinarja kull sentejn, sa fejn hu possibbli, flimkien mal-Konferenza Ġenerali ta' l-UNESCO. Tista' tiltaqa' f'sessjoni straordinarja jekk tiddeċiedi hekk jew jekk ikun hemm talba mressqa quddiem il-Kumitat Intergovernattiv ta' l-inqas minn terz tal-Partijiet.

3.   Il-Konferenza tal-Partijiet għandha tadotta r-regoli ta' proċedura tagħha stess.

4.   Il-funzjonijiet tal-Konferenza tal-Partijiet għandhom ikunu, inter alia:

(a)

li teleġġi l-Membri tal-Kumitat Intergovernattiv;

(b)

li tirċievi u teżamina rapporti tal-Partijiet għal din il-Konvenzjoni trasmessi mill-Kumitat Intergovernattiv;

(c)

li tapprova l-linji gwida operattivi mħejjija fuq it-talba tagħha mill-Kumitat Intergovernattiv;

(d)

li tieħu kull miżura oħra li tqis meħtieġa sabiex tippromwovi l-objettivi ta' din il-Konvenzjoni.

Artikolu 23

Kumitat Intergovernattiv

1.   Fi ħdan il-UNESCO għandu jiġi stabbilit Kumitat Intergovernattiv għall-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità ta' l-Espressjonijiet Kulturali, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat Intergovernattiv”. Dan għandu jkun magħmul minn rappreżentanti ta' 18-il Stat Parti għall-Konvenzjoni, eletti għal terminu ta' erba' snin mill-Konferenza tal-Partijiet mad-dħul fis-seħħ ta' din il-Konvenzjoni b'konformità ma' l-Artikolu 29.

2.   Il-Kumitat Intergovernattiv għandu jiltaqa' darba fis-sena.

3.   Il-Kumitat Intergovernattiv għandu jaħdem taħt l-awtorità u l-gwida tal-Konferenza tal-Partijiet u jirrapporta lilha.

4.   In-numru ta' Membri tal-Kumitat Intergovernattiv għandu jiżdied għal 24 ladarba n-numru ta' Partijiet għall-Konvenzjoni jilħaq 50.

5.   L-elezzjoni tal-Membri tal-Kumitat Intergovernattiv għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji tar-rappreżentazzjoni ġeografika ġusta kif ukoll fuq rotazzjoni.

6.   Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet l-oħra mogħtija lilu minn din il-Konvenzjoni, il-funzjonijiet tal-Kumitat Intergovernattiv għandhom ikunu:

(a)

li jippromwovi l-objettivi ta' din il-Konvenzjoni u li jħeġġeġ u jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħha;

(b)

li jħejji u jissottometti għall-approvazzjoni mill-Konferenza tal-Partijiet, fuq it-talba tagħha, il-linji gwida operattivi għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni;

(c)

li jgħaddi lill-Konferenza tal-Partijiet ir-rapporti mill-Partijiet għall-Konvenzjoni, flimkien mal-kummenti tiegħu u sommarju tal-kontenut tagħhom;

(d)

li jagħmel rakkomandazzjonijiet adattati li jridu jittieħdu f'sitwazzjonijiet miġjuba għall-attenzjoni tiegħu minn Partijiet għall-Konvenzjoni skond id-disposizzjonijiet relevanti tal-Konvenzjoni, b'mod partikolari l-Artikolu 8;

(e)

li jistabbilixxi l-proċeduri u mekkaniżmi oħra għall-konsultazzjoni sabiex jippromwovi l-objettivi u l-prinċipji ta' din il-Konvenzjoni f'forums internazzjonali oħra;

(f)

li jwettaq kwalunkwe kompitu ieħor kif jista' jiġi mitlub mill-Konferenza tal-Partijiet.

7.   Il-Kumitat Intergovernattiv, konformi mar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, jista' jistieden fi kwalunkwe ħin, l-organizzjonijiet jew individwi pubbliċi jew privati sabiex jipparteċipaw fil-laqgħat tiegħu bil-ħsieb li jikkonsulta magħhom dwar kwistjonijiet speċifiċi.

8.   Il-Kumitat Intergovernattiv għandu jħejji u jissottometti għall-approvazzjoni tal-Konferenza tal-Partijiet, ir-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

Artikolu 24

Segretarjat ta' l-Unesco

1.   L-organi tal-Konvenzjoni għandhom ikunu assistiti mis-Segretarjat ta' l-UNESCO.

2.   Is-Segretarjat għandu jħejji d-dokumentazzjoni tal-Konferenza tal-Partijiet u tal-Kumitat Intergovernattiv kif ukoll l-aġenda tal-laqgħat tagħhom u għandu jassisti fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tagħhom u jirraporta dwarha.

VII.   KLAWŻOLI FINALI

Artikolu 25

Riżoluzzjoni ta' tilwim

1.   Fil-każ ta' tilwim bejn il-Partijiet għal din il-Konvenzjoni dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni, il-Partijiet għandhom ifittxu soluzzjoni permezz ta' negozjati.

2.   Jekk il-Partijiet ikkonċernati ma jistgħux jilħqu ftehim permezz ta' negozjati, dawn jistgħu flimkien jirrikorru għal intervent minn parti terza jew jitolbu l-medjazzjoni minnha.

3.   Jekk ma jkunx hemm azzjoni tajba jew medjazzjoni jew jekk l-ebda riżoluzzjoni ma tkun tista' tintlaħaq permezz ta' negozjati, azzjoni tajba jew medjazzjoni, waħda mill-Partijiet tista' tirrikorri għall-konċiljazzjoni skond il-proċedura li tidher fl-Anness għal din il-Konvenzjoni. Il-Partijiet għandhom jikkunsidraw b'rieda tajba l-proposta għar-riżoluzzjoni tat-tilwima magħmula mill-Kummissjoni ta' Konċiljazzjoni.

4.   Kull Parti tista', fil-ħin tar-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni, tiddikjara li ma tirrikonoxxix il-proċedura ta' konċiljazzjoni prevista hawn fuq. Kwalunkwe Parti li tkun għamlet tali dikjarazzjoni, tista', fi kwalunkwe ħin, tirtira din id-dikjarazzjoni permezz ta' notifika lid-Direttur Ġenerali ta' l-UNESCO.

Artikolu 26

Ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni minn Stati Membri

1.   Din il-Konvenzjoni għandha tkun soġġetta għar-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni ta' l-Istati Membri ta' l-UNESCO b'konformità mal-proċeduri kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

2.   L-istrumenti ta' ratifika, ta' aċċettazzjoni, ta' approvazzjoni jew ta' adeżjoni għandhom ikunu ddepożitati mad-Direttur Ġenerali ta' l-UNESCO.

Artikolu 27

Adeżjoni

1.   Din il-Konvenzjoni għandha tkun miftuħa għall-adeżjoni mill-Istati kollha mhux Membri ta' l-UNESCO iżda membri tan-Nazzjonijiet Uniti, jew ta' kwalunkwe waħda mill-aġenziji speċjalizzati tagħha, li jkunu mistiedna għall-adeżjoni mill-Konferenza Ġenerali ta' l-UNESCO.

2.   Din il-Konvenzjoni għandha tkun miftuħa wkoll għall-adeżjoni għat-territorji li jgawdu minn awtonomija interna sħiħa rikonoxxuta bħala tali min-Nazzjonijiet Uniti, iżda li għadhom ma kisbux l-indipendenza sħiħa skond ir-Riżoluzzjoni 1514 (XV) ta' l-Assemblea Ġenerali, u li għandhom kompetenza fuq kwistjonijiet irregolati minn din il-Konvenzjoni, inkluża l-kompetenza sabiex jidħlu fi trattati fir-rigward ta' tali kwistjonijiet.

3.   Id-disposizzjonijiet li ġejjin japplikaw għall-organizzazzjonijiet ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali:

(a)

Din il-Konvenzjoni għandha tkun miftuħa għall-adeżjoni minn kwalunkwe organizzazzjoni ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali, li għandha, ħlief kif provdut hawn taħt, tkun marbuta b'mod sħiħ mid-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni bl-istess mod bħall-Istati Partijiet;

(b)

Fil-każ li Stat Membru wieħed jew aktar ta' tali organizzazzjoni jkunu wkoll Parti għal din il-Konvenzjoni, l-organizzazzjoni u dak l-Istat Membru jew dawk l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar ir-responsabbiltà tagħhom għat-twettiq ta' l-obbligi tagħhom taħt din il-Konvenzjoni. Tali distribuzzjoni ta' responsabbiltà għandha tieħu effett wara t-tkomplija tal-proċedura ta' notifika deskritta fis-subparagrafu (ċ). L-organizzazzjoni u l-Istati Membri ma għandhomx ikunu intitulati jeżerċitaw drittijiet taħt din il-Konvenzjoni fl-istess ħin. Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali, fi kwistjonijiet fil-kompetenza tagħhom, għandhom jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' vot, b'numru ta' voti ugwali għan-numru ta' l-Istati Membri tagħhom li huma Partijiet għal din il-Konvenzjoni. Tali organizzazzjoni ma għandhiex teżerċita d-dritt ta' vot tagħha jekk kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri tagħha jeżerċita d-dritt tiegħu u viċi versa;

(c)

Organizzazzjoni ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali u l-Istat Membru tagħha jew l-Istati Membri tagħha li qablu dwar distribuzzjoni ta' responsabbiltajiet kif provdut fis-subparagrafu (b) għandhom jinformaw lill-Partijiet bi kwalunkwe tali distribuzzjoni ta' responsabbiltajiet bil-mod li ġej:

(i)

fl-istrument ta' adeżjoni tagħhom, tali organizzazzjoni għandha tiddikjara bi speċifiċità, id-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet tagħhom fir-rigward ta' kwistjonijiet irregolati mill-Konvenzjoni;

(ii)

fil-każ ta' kwalunkwe modifika aktar tard tar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, l-organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali għandha tinforma lid-depositarju dwar kwalunkwe tali modifika proposta tar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom; id-depositarju għandu imbagħad jinforma lill-Partijiet dwar modifika tali;

(d)

l-Istati Membri ta' organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali li jsiru Partijiet għal din il-Konvenzjoni għandhom ikunu kkunsidrati li jżommu kompetenza fuq il-kwistjonijiet kollha fir-rigward ta' liema trasferimenti ta' kompetenza lill-organizazzjoni ma ġew speċifikament iddikjarati jew infurmati lid-depożitarju;

(e)

“Organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali” tfisser organizzazzjoni magħmula minn Stati sovrani, membri tan-Nazzjonijiet Uniti jew ta' kwalunkwe waħda mill-aġenziji speċjalizzati tagħha, li lilha dawn l-Istati ttrasferew il-kompetenza fir-rigward ta' kwistjonijiet irregolati minn din il-Konvenzjoni u li kienet debitament awtorizzata, skond il-proċeduri interni tagħha, li ssir Parti għaliha.

4.   L-istrument ta' adeżjoni għandu jkun iddepożitat mad-Direttur Ġenerali ta' l-UNESCO.

Artikolu 28

Punt ta' kuntatt

Meta ssir waħda mill-Partijiet għal din il-Konvenzjoni, kull Parti għandha tinnomina punt ta' kuntatt kif imsemmi fl-Artikolu 9.

Artikolu 29

Dħul fis-seħħ

1.   Din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ tliet xhur wara d-data tad-depożitu tat-tletin strument ta' ratifika, ta' aċċettazzjoni, ta' approvazzjoni jew ta' adeżjoni, iżda biss fir-rigward ta' dawk l-Istati jew organizzazzjonijiet għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali li jkunu ddepożitaw l-istrumenti rispettivi tagħhom ta' ratifika, ta' aċċettazzjoni, ta' approvazzjoni jew ta' adeżjoni f'dik id-data jew qabel. Hi għandha tidħol fis-seħħ fir-rigward ta' kwalunkwe Parti oħra tliet xhur wara d-depożitu ta' l-istrument tagħha ta' ratifika, ta' aċċettazzjoni, ta' approvazzjoni jew ta' adeżjoni.

2.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, kwalunkwe strument ddepożitat minn organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali ma għandux ikun meqjus bħala addizzjonali għal dawk diġà ddepożitati mill-Istati Membri ta' l-organizzazzjoni.

Artikolu 30

Sistemi kostituzzjonali federali jew non-unitarji

Waqt li jirrikonoxxu li l-ftehim internazzjonali jorbtu b'mod ugwali fuq il-Partijiet indipendentement mis-sistemi kostituzzjonali tagħhom, id-disposizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għal Partijiet li jkollhom sistema kostituzzjonali federali jew non-unitarja:

(a)

fir-rigward tad-disposizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni, li l-implimentazzjoni tagħha taqa' taħt il-ġurisdizzjoni legali tas-setgħa leġislattiva federali jew ċentrali, l-obbligi tal-gvern federali jew ċentrali għandhom ikunu l-istess bħal dawk għall-Partijiet li mhumiex Stati federali;

(b)

fir-rigward tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni, li l-implimentazzjoni tagħha taqa' taħt il-ġurisdizzjoni ta' unitajiet kostitwenti individwali bħal Stati, kontej, provinċji jew cantons li mhumiex obbligati mis-sistema kostituzzjonali tal-federazzjoni li jieħdu miżuri leġislattivi, il-gvern federali għandu jinforma, skond ma jkun meħtieġ, lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-unitajiet kostitwenti bħal Stati, kontej, provinċji jew cantons dwar id-disposizzjonijiet imsemmija, bir-rakkomandazzjoni tiegħu għall-adozzjoni tagħhom.

Artikolu 31

Denunzja

1.   Kwalunkwe Partit għal din il-Konvenzjoni tista' tiddenunzja din il-Konvenzjoni.

2.   Id-denunzja għandha tkun innotifikata permezz ta' strument bil-miktub iddepożitat mad-Direttur Ġenerali ta' l-UNESCO.

3.   Id-denunzja għandha tieħu effett 12-il xahar wara li jkun wasal l-istrument ta' denunzja. Hi ma għandha bl-ebda mod taffettwa l-obbligi finanzjarji tal-Parti li tkun qed tiddenunzja l-Konvenzjoni sad-data li fiha l-irtirar jieħu effett.

Artikolu 32

Funzjonijiet depożitarji

Id-Direttur Ġenerali ta' l-UNESCO, bħala d-depożitarju ta' din il-Konvenzjoni, għandu jinforma lill-Istati Membri ta' l-Organizzazzjoni, l-Istati mhux membri ta' l-Organizzazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali msemmija fl-Artikolu 27, kif ukoll in-Nazzjonijiet Uniti, bid-depożitu ta' l-istrumenti kollha ta' ratifika, ta' aċċettazzjoni, ta' approvazzjoni jew ta' adeżjoni previsti fl-Artikoli 26 u 27, kif ukoll bid-denunzji previsti fl-Artikolu 31.

Artikolu 33

Emendi

1.   Parti għal din il-Konvenzjoni tista', permezz ta' komunikazzjoni bil-miktub indirizzata lid-Direttur Ġenerali, tipproponi emendi għal din il-Konvenzjoni. Id-Direttur Ġenerali għandu jiċċirkola komunikazzjoni tali lill-Partijiet kollha. Jekk, fi żmien sitt xhur mid-data li fiha tiġi mibgħuta l-komunikazzjoni, mhux inqas min-nofs il-Partijiet iwieġbu b'mod favorevoli għal din it-talba, id-Direttur Ġenerali għandu jippreżenta proposta tali lis-sessjoni li jkun imiss tal-Konferenza tal-Partijiet għal diskussjoni u adozzjoni possibbli.

2.   L-emendi għandhom jiġu adottati b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-Partijiet preżenti u li jivvutaw.

3.   Ladarba adottati, l-emendi għal din il-Konvenzjoni għandhom ikunu sottomessi lill-Partijiet għar-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni.

4.   Għal dawk il-Partijiet li jkunu rratifikawhom, aċċettawhom, approvawhom jew aderew magħhom, l-emendi għal din il-Konvenzjoni għandhom jidħlu fis-seħħ tliet xhur wara d-depożitu ta' l-istrumenti msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu minn żewġ terzi tal-Partijiet. Wara dan, għal kull Parti li tirratifika, taċċetta, tapprova jew taderixxi għal emenda, din l-emenda għandha tidħol fis-seħħ tliet xhur wara d-data ta' depożitu minn dik il-Parti ta' l-istrument tagħha ta' ratifika, ta' aċċettazzjoni, ta' approvazzjoni jew ta' adeżjoni.

5.   Il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 3 u 4 ma għandhiex tapplika għall-emendi għall-Artikolu 23 fir-rigward tan-numru ta' Membri tal-Kumitat Intergovernattiv. Dawn l-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ fil-ħin ta' meta jiġu adottati.

6.   Stat jew organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali msemmija fl-Artikolu 27 li jsiru Parti għal din il-Konvenzjoni wara d-dħul fis-seħħ ta' emendi b'konformità mal-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu għandhom, ħlief jekk ikun hemm espressjoni ta' intenzjoni differenti, ikunu kkunsidrati:

(a)

Parti għal din il-Konvenzjoni hekk kif emendata;

u

(b)

Parti għall-Konvenzjoni mhux emendata fir-rigward ta' kwalunkwe Parti li mhix marbuta b'dawn l-emendi.

Artikolu 34

Testi awtoritattivi

Din il-Konvenzjoni ġiet imfassla bl-Għarbi, biċ-Ċiniż, bl-Ingliż, bil-Franċiż, bir-Russu u bl-Ispanjol, bis-sitt testi kollha ugwalment awtentiċi.

Artikolu 35

Reġistrazzjoni

B'konformità ma' l-Artikolu 102 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, din il-Konvenzjoni għandha tiġi rreġistrata mas-Segretarjat tan-Nazzjonijiet Uniti fuq it-talba tad-Direttur-Ġenerali ta' l-UNESCO.

ANNESS

PROĊEDURA TA' KONĊILJAZZJONI

Artikolu 1

Kummissjoni ta' Konċiljazzjoni

Kummissjoni ta' Konċiljazzjoni għandha tiġi maħluqa fuq it-talba ta' waħda mill-Partijiet għat-tilwima. Il-Kummissjoni għandha, ħlief jekk il-Partijiet ma jiftiehmux mod ieħor, tkun magħmula minn ħames membri, tnejn maħtura minn kull Parti kkonċernata u President magħżul konġuntament minn dawk il-membri.

Artikolu 2

Membri tal-Kummissjoni

F'każ ta' tilwim bejn aktar minn żewġ Partijiet, il-Partijiet bl-istess interess għandhom jaħtru l-membri tagħhom tal-Kummissjoni konġuntament bi ftehim. Meta żewġ Partijiet jew akter għandhom interessi separati jew hemm nuqqas ta' qbil dwar jekk humiex ta' l-istess interess, huma għandhom jaħtru l-membri tagħhom separatament.

Artikolu 3

Ħatriet

Jekk kwalunkwe ħatra mill-Partijiet ma ssirx fi żmien xahrejn mid-data tat-talba għall-ħolqien ta' Kummissjoni ta' Konċiljazzjoni, id-Direttur-Ġenerali ta' l-UNESCO għandu, jekk ikun mitlub jagħmel dan mill-Parti li għamlet it-talba, jagħmel dawk il-ħatriet fi żmien perijodu ulterjuri ta' xahrejn.

Artikolu 4

President tal-Kummissjoni

Jekk, fi żmien xahrejn mill-ħatra ta' l-aħħar membri tal-Kummissjoni, ma jkunx għadu ġie magħżul President tal-Kummissjoni ta' Konċiljazzjoni, id-Direttur-Ġenerali ta' l-UNESCO għandu, fuq talba ta' waħda mill-Partijiet, jaħtar President fi żmien perijodu ulterjuri ta' xahrejn.

Artikolu 5

Deċiżjonijiet

Il-Kummissjoni ta' Konċiljazzjoni għandha tieħu d-deċiżjonijiet tagħha b'maġġoranza tal-voti tal-membri tagħha. Hija għandha, ħlief jekk il-Partijiet għat-tilwima ma jaqblux mod ieħor, tiddetermina l-proċedura tagħha stess. Hija għandha tippreżenta proposta għar-riżoluzzjoni tat-tilwima, li l-Partijiet għandhom jikkunsidraw b'rieda tajba.

Artikolu 6

Nuqqas ta' qbil

F'każ ta' nuqqas ta' qbil dwar jekk il-Kummissjoni ta' Konċiljazzjoni għandhiex kompetenza għandha tittieħed deċiżjoni mill-Kummissjoni.


ANNESS 1(b)

Dikjarazzjoni tal-Komunità Ewropea dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 27(3)(C) tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità ta' Espressjonijiet Kulturali

Il-membri attwali tal-Komunità Ewropea huma r-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika ta' l-Estonja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Grand Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika ta' l-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Renju ta' l-Olanda, ir-Repubblika ta' l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju ta' l-Iżvezja, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq.

Din id-Dikjarazzjoni tindika l-kompetenzi trasferiti mill-Istati Membri lill-Komunità bis-saħħa tat-Trattati, fl-oqsma koperti mill-Konvenzjoni.

Il-Komunità għandha kompetenza esklussiva għall-politika kummerċjali komuni (Artikoli 131-134 tat-Trattat), ħlief għall-aspetti kummerċjali tal-proprjetà intelletwali u l-kummerċ f'servizzi f'dawk l-oqsma mniżżla fl-Artikolu 133 (5) u (6) tat-Trattat (b'mod partikolari, f'dan il-kuntest, kummerċ f'servizzi kulturali u awdjoviżivi) fejn ir-responsabbiltà hi kondiviża bejn il-Komunità u l-Istati Membri. Hi twettaq politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp (Artikoli 177-181 tat-Trattat) u politika ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi industrijalizzati (Artikoli 181a tat-Trattat) mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi ta' l-Istati Membri. Hi għandha kompetenza kondiviża f'dak li jikkonċerna l-moviment ħieles ta' prodotti, persuni, servizzi u kapital (Artikoli 23-31 u 39-60 tat-Trattat), il-kompetizzjoni (l-Artikoli 81-89 tat-Trattat) u s-suq intern, inkluża l-proprjetà intellettwali (Artikoli 94-97 tat-Trattat). Bis-saħħa ta' l-Artikolu 151 tat-Trattat, b'mod partikolari l-paragrafu 4 tiegħu, il-Komunità tikkunsidra l-aspetti kulturali fl-azzjoni tagħha taħt disposizzjonijiet oħra tat-Trattat, b'mod partikolari sabiex tirrispetta u tippromwovi d-diversità tal-kulturi tagħha.

L-atti Komunitarji elenkati hawn taħt juru l-firxa tal-qasam tal-kompetenza tal-Komunità, b'konformità mad-disposizzjoniiet li jistabbilixxu l-Komunità Ewropea.

 

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 94/800/KE tat-22 ta' Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x'jaqsmu kwistjonijiet fil-kompetenza tagħha, tal-Ftehim milħuqa fin-negozjati multilaterali tar-Round ta' l-Uruguay (1986 sa 1994) (ĠU L 336 tat-23.12.1994, p. 1).

 

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2501/2001 ta' l0 ta' Diċembru 2001 li japplika skema ta' preferenzi ġeneralizzati ta' tariffi għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2002 sal-31 ta' Diċembru 2004 – Dikjarazzjonijiet dwar Regolament tal-Kunsill li japplika skema ta' preferenzi ġeneralizzati ta' tariffi għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2002 sal-31 ta' Diċembru 2004 (ĠU L 346, 31.12.2001, p. 0001 – 0060).

 

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2005/599/KE tal-21 ta' Ġunju 2005 dwar l-iffirmar, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim li jemenda l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' l-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (ĠU L 209, 11.08.2005, p. 26-27).

 

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2698/2000 tas-27 ta' Novembru 2000 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1488/96 dwar miżuri finanzjarji u tekniċi sabiex jakkumpanjaw ir-riforma ta' strutturi ekonomiċi u soċjali fil-qafas tas-sħubija Ewro-Mediterranja (MEDA) (ĠU L 311, 12.12.2000, p. 0001 – 0008).

 

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3906/89 tat-18 ta' Diċembru 1989 dwar għajnuna ekonomika lir-Repubblika ta' l-Ungerija u lir-Repubblika tal-Poplu Pollakk, u emendi sussegwenti, li għadhom applikabbli għall-Bulgarija u r-Rumanija (ĠU L 375, 23.12.1989, p. 0011 – 0012)

 

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2666/2000 tal-5 ta' Diċembru 2000 dwar assistenza lill-Albanija, il-Bosnja u Ħerzegovina, il-Kroazja, ir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja u dik li qabel kienet ir-Repubblika Yugoslava tal-Maċedonja u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1628/96 u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 3906/89 u (KEE) Nru 1360/90 u d-Deċiżjonijiet 97/256/KE u 1999/311/KE (ĠU L 306, 7.12.2000, p. 0001 – 0006).

 

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 443/92 tal-25 ta' Frar 1992 dwar għajnuna finanzjarja u teknika lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-Asja u l-Amerika Latina, u kooperazzjoni ekonomika magħhom (ĠU L 52, 27.2.1992, p. 0001-0006).

 

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 99/2000 tad-29 ta' Diċembru 1999 dwar il-proviżjoni ta' assistenza lill-Istati msieħba fl-Ewropa tal-Lvant u l-Asja Ċentrali (ĠU L 12, 18.1.2000, p. 0001 – 0009).

 

Id-Deċiżjoni Nru 792/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 li tistabbilixxi programm ta' azzjoni Komunitarju għall-promozzjoni ta' korpi attivi fuq livell Ewropew fil-qasam tal-kultura (ĠU L 138, 30.4.2004, p. 40).

 

Id-Deċiżjoni Nru 508/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-14 ta' Frar 2000 li tistabbilixxi l-programm Kultura 2000 (ĠU L 063, 10.3.2000, p. 1).

 

Id-Deċiżjoni Nru 1419/1999/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 li tistabbilixxi azzjoni Komunitarja għall-avveniment tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura għas-snin 2005 sa l-2019 (ĠU L 166, 1.7.1999, p. 1).

 

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 1997 dwar il-futur ta' l-azzjoni kulturali Ewropea (ĠU C 305, 7.10.1997, p. 1).

 

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 1997 dwar sistema transkonfinali ta' prezzijiet fissi tal-kotba fiż-żoni lingwistiċi Ewropej (ĠU C 305, 7.10.1997, p. 2).

 

Id-Direttiva tal-Kunsill Nru 89/552/KEE tat-3 ta' Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti disposizzjonijiet stabbiliti b'Liġi, Regolament jew Azzjoni Amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta' attivitajiet ta' xandir bit-televiżjoni (ĠU L 298, 17.10.1989, p.23). Direttiva emendata bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 202, 30.7.1997, p. 60).

 

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2000/821/KE ta' l-20 ta' Diċembru 2000 dwar l-implimentazzjoni ta' programm li jħeġġeġ l-iżvilupp, id-distribuzzjoni u l-promozzjoni ta' xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej (MEDIA Plus - Żvilupp, Distribuzzjoni u Promozzjoni) (2001-2005) (ĠU L 336, 30.12.2000, p. 0082 – 0091).

 

Id-Deċiżjoni Nru. 163/2001/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Jannar 2001 dwar l-implimentazzjoni ta' programm ta' taħriġ għall-professjonisti fl-industrija ta' programmi awdjoviżivi Ewropej (MEDIA-Training) (2001-2005) (ĠU L 026, 27.1.2001, p. 0001 – 0009).

 

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, 27.3.1999, p.1) relatat ma' l-għajnuna mill-Istat.

 

Id-Direttiva Nru 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 0045 – 0086).

 

Id-Direttiva Nru 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet ta' l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta' l-informazzjoni (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 0010 – 0019).

 

Id-Direttiva Nru 2001/84/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-27 ta' Settembru 2001 dwar id-dritt ta' bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju ta' l-awtur ta' xogħol oriġinali ta' l-arti (ĠU L 272, 13.10.2001, p. 0032 – 0036).

 

Id-Direttiva tal-Kunsill Nru 93/83/KEE tas-27 ta' Settembru 1993 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti regoli dwar id-drittijiet ta' l-awtur u drittijiet relatati ma' drittijiet ta' l-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u trasmissjoni mill-ġdid bil-kejbil (ĠU L 248, 6.10.1993, p. 0015 – 0021).

 

Id-Direttiva tal-Kunsill Nru 93/98/KEE tad-29 ta' Ottubru 1993 li tarmonizza t-terminu ta' protezzjoni ta' drittijiet ta' l-awtur u ċerti drittijiet relatati (ĠU L 290, 24.11.1993, p. 0009 – 0013).

 

Id-Direttiva tal-Kunsill Nru 92/100/KEE tad-19 ta' Novembru 1992 dwar dritt ta' kiri u dritt ta'self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta' l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 346, 27.11.1992, p. 0061 – 0066).

L-eżerċizzju ta' kompetenza Komunitarja huwa, min-natura tiegħu, suġġett għal żvilupp kontinwu. F'dan ir-rigward, għalhekk, il-Komunità tirriżerva d-dritt li tinnotifika dikjarazzjonijiet oħra tal-futur dwar id-distribuzzjoni ta' kompetenzi bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri.


ANNESS 2

Dikjarazzjoni unilaterali f'isem il-komunità b'konnessjoni mad-depożitu ta' l-istrument ta' adeżjoni

“Fir-rigward tal-kompetenzi Komunitarji deskritti fid-Dikjarazzjoni skond l-Artikolu 27(3)(ċ) tal-Konvenzjoni, il-Komunità hi marbuta bil-Konvenzjoni u ser tiżgura l-implimentazzjoni tajba tagħha. Għaldaqstant l-Istati Membri tal-Komunità li huma parti għall-Konvenzjoni fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom japplikaw id-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni skond ir-regoli interni tal-Komunità u mingħajr preġudizzju għall-fatt li jsiru emendi adatti għal dawn ir-regoli.”