16.3.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

70


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ MONUC SPT/2/2006

tat-30 ta’ Mejju 2006

dwar l-istabbiliment tal-Kumitat ta' Kontributuri għall-operazzjoni militari ta' l-Unjoni Ewropea b'appoġġ għall-Missjoni ta' l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUC) matul il-proċess ta' l-elezzjoni

(2006/492/PESK)

IL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari t-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 25 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2006/319/PESK tas-27 ta' April 2006 dwar l-operazzjoni militari ta' l-Unjoni Ewropea li tappoġġa l-Missjoni ta' l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUC) matul il-proċess ta' l-elezzjoni (1) (l-Operazzjoni EUFOR RD Congo), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(5) tagħha,

Billi:

(1)

Taħt l-Artikolu 10(5) ta' l-Azzjoni Konġunta 2006/319/PESK, il-Kunsill awtorizza lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) sabiex jieħu d-deċiżjonijiet relevanti għall-istabbiliment ta' Kumitat ta' Kontributuri għall-operazzjoni militari fir-RDK (Repubblika Demokratika tal-Kongo) b'appoġġ għall-MONUC matul il-proċess ta' l-elezzjoni.

(2)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Nizza tas-7, 8 u 9 ta' Diċembru 2000 u ta' Brussel ta' l-24 u l-25 ta' Ottubru 2002 stabbilixxew l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni ta' Stati terzi f'operazzjonijiet ta' l-immaniġġar ta' kriżijiet u fl-istabbiliment ta' Kumitat ta' Kontributuri.

(3)

Il-Kumitat ta' Kontributuri ser ikollu rwol ċentrali fil-ġestjoni ta' kuljum ta' l-operazzjoni. Huwa ser ikun il-forum prinċipali fejn l-Istati kontribwenti kollettivament jindirizzaw kwistjonijiet relatati ma' l-impjieg tal-forzi tagħhom fl-operazzjoni. Il-KPS, li jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta' l-operazzjoni, ser jieħu kont ta' l-opinjonijiet espressi mill-Kumitat ta' Kontributuri.

(4)

Skond l-Artikolu 6 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-elaborazzjoni u l-implementazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet ta' difiża,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Stabbiliment u termini ta' referenza

Huwa b'dan stabbilit Kumitat ta' Kontributuri għall-Operazzjoni Militari ta' l-Unjoni Ewropea fl-RDK b'appoġġ għall-MONUK matul il-proċess ta' l-elezzjoni (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-KK”). It-termini ta' referenza tiegħu huma stabbiliti fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Nizza u ta' Brussel.

Artikolu 2

Kompożizzjoni

1.   Il-membri tal-KK għandhom ikunu kif ġej:

rappreżentanti ta' l-Istati Membri kollha;

rappreżentanti ta' l-Istati terzi parteċipanti fl-operazzjoni u li jipprovdu kontributi militari sinifikattivi, kif imsemmija fl-Anness.

2.   Id-Direttur Ġenerali tal-Persunal Militari ta' l-Unjoni Ewropea u l-Kmandant ta' l-Operazzjoni ta' l-UE għandhom ikollhom ukoll id-dritt li jattendu għall-laqgħat tal-KK, jew li jkunu rappreżentati fihom.

Artikolu 3

Presidenza

Skond il-konkużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Nizza u mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew, għal din l-operazzjoni l-KK ser ikun presedut mis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli jew mir-rappreżentant tiegħu b'konsultazzjoni mill-qrib mal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew, assistit mill-Presidenza tal-Kumitat Militari ta' l-Unjoni Ewropea (KMUE) jew mir-rappreżentant tiegħu.

Artikolu 4

Laqgħat

1.   Il-KK għandu jitlaqqa' mill-President tiegħu fuq bażi regolari. Fejn iċ-ċirkostanzi jitolbu hekk, jistgħu jissejħu laqgħat ta' emerġenza fuq l-inizjattiva tal-President, jew fuq it-talba ta' membru.

2.   Il-President tal-KK għandu jiċċirkola minn qabel aġenda provviżorja u dokumenti relatati mal-laqgħa. Għandu jiġi ċċirkulat wara kull laqgħa sommarju tal-proċedimenti tal-laqgħat.

3.   Jistgħu jiġu mistiedna r-rappreżentanti tal-Kummissjoni u persuni oħrajn għal partijiet relevanti tad-diskussjoni, skond il-każ.

Artikolu 5

Proċedura

1.   Ħlief kif previst fil-paragrafu 3 u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi u r-responsabbiltajiet tal-Kmandant ta' l-Operazzjoni ta' l-UE,

għandha tapplika l-unanimità tar-rappreżentanti ta' Stati li jikkontribwixxu għall-operazzjoni meta l-KK jieħu deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni ta' kuljum ta' l-operazzjoni;

għandha tapplika l-unanimità tal-membri tal-KK meta l-KK jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar aġġustamenti possibbli għall-ippjanar operattiv, inklużi aġġustamenti possibbli għall-objettivi.

L-astensjoni ta' membru m'għandhiex tipprekludi l-unanimità.

2.   Il-President tal-KK għandu jistabbilixxi li l-maġġoranza tar-rappreżentanti ta' l-Istati intitolati li jieħdu sehem fil-deliberazzjonijiet ikunu preżenti.

3.   Il-kwistjonijiet kollha ta' proċedura għandhom jiġu riżolti b'maġġoranza sempliċi tal-membri preżenti fil-laqgħa.

4.   Id-Danimarka m'għandha tieħu sehem f'ebda deċiżjoni tal-Kumitat.

Artikolu 6

Kunfidenzjalità

1.   Ir-Regolamenti tal-Kunsill dwar is-Sigurtà għandhom japplikaw għal-laqgħat u l-proċedimenti tal-KK. B'mod partikolari, ir-rappreżentanti fil-KK għandhom ikunu fil-pussess ta' awtorizzazzjonijiet adegwati ta' sigurtà.

2.   Id-deliberazzjonijiet tal-KK għandhom ikunu koperti mill-obbligu ta' segretezza professjonali, ħlief meta l-KK b'mod unanimu jiddeċiedi mod ieħor.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussel, 30 ta’ Mejju 2006.

Għall-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà

Il-President

J. KUGLITSCH


(1)  ĠU L 116, 29.4.2006, p. 98.


ANNESS

Lista ta' Stat(i) terzi msemmija fl-Artikolu 2(1)

Turkija