16.3.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

68


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-27 ta’ Ġunju 2006

li tiddetermina għas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill is-setgħa ta' ħatra u s-setgħa ta' konklużjoni ta' kuntratti ta' reklutaġġ

(2006/491/KE, Euratom)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra r-Regolamenti tal-Persunal ta' l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg ta' ħaddiema oħra tal-Komunitajiet, stabbiliti mir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tar-Regolamenti tal-Persunal imsemmija kif ukoll l-Artikolu 6 ta' l-imsemmija Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg,

Billi:

(1)

Taħt l-ewwel sub-paragrafu ta' l-Artikolu 207(2), tat-Trattat tal-KE u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 121(2), tat-Trattat ta' l-Euratom, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill huwa mqiegħed taħt ir-responsabbilità ta' Segretarju-Ġenerali, Rappreżentant Għoli għall-politika estera u ta' sigurtà komuni (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “Segretarju-Ġenerali”), assistit minn Deputat Segretarju-Ġenerali responsabbli għall-amministrazzjoni tas-Segretarjat Ġenerali.

(2)

Taħt l-Artikoli 28 u 41 tat-Trattat dwar l-UE, id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 207 tat-Trattat tal-KE huma applikabbli għad-dispożizzjonijiet relatati ma' l-oqsma msemmija fit-Titoli V u VI rispettivament tat-Trattat dwar l-UE.

(3)

Konsegwentement għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 723/2004 tat-22 ta' Marzu 2004 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal ta' l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg ta' ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (2), li, fost affarijiet oħra, emenda l-istruttura ta' karrieri ta' l-uffiċjali u ta' ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej, huwa kunsiljabbli li tiġi adottata Deċiżjoni ġdida li tiddetermina għas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill l-awtorità bis-setgħa ta' ħatra (minn hawn 'il quddiem imsejħa “ASĦ”) u l-awtorità bis-setgħa ta' konklużjoni ta' kuntratti ta' reklutaġġ, u li tiġi mħassra d-Deċiżjoni 1999/692/KE, KEFA, Euratom tal-Kunsill ta' l-20 ta' Ottubru 1999 li tistabbilixxi l-awtorità li taħtar għas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (3),

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Is-setgħat mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal ta' l-uffiċjali lill-ASĦ kif ukoll mill- Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg ta' ħaddiema oħra lill-awtorità bis-setgħa ta' konklużjoni ta' kuntratti ta' reklutaġġ għandhom, fir-rigward tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, jiġu eżerċitati:

(a)

mill-Kunsill, fir-rigward tas-Segretarju-Ġenerali u d-Deputat Segretarju-Ġenerali;

(b)

mill-Kunsill, fuq proposta tas-Segretarju-Ġenerali, għall-applikazzjoni lid-Diretturi-Ġenerali ta' l-Artikoli 1a, 30, 34, 41, 49, 50 u 51 tar-Regolamenti tal-Persunal; is-Segretarju-Ġenerali huwa awtorizzat jiddelega s-setgħa tiegħu ta' proposta lid-Deputat Segretarju-Ġenerali;

(ċ)

mis-Segretarju-Ġenerali fil-każijiet l-oħra; is-Segretarju-Ġenerali huwa awtorizzat jiddelega s-setgħat tiegħu lid-Deputat Segretarju-Ġenerali.

Id-Deputat Segretarju-Ġenerali huwa awtorizzat li jiddelega lid-Direttur-Ġenerali ta' l-Amministrazzjoni parti minn jew is-setgħat kollha li s-Segretarju-Ġenerali jkun iddelegalu fir-rigward ta' l-applikazzjoni tal-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg ta' ħaddiema oħra kif ukoll fir-rigward ta' l-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal ta' l-uffiċjali tal-grupp ta' funzjonijiet AST. Din id-delegazzjoni ma tistax tiġi estiża għas-setgħat li jkunu delegati lilu fir-rigward tal-ħatra u tat-terminazzjoni definittiva tal-funzjonijiet ta' l-uffiċjali u fir-rigward tar-reklutaġġ ta' ħaddiema oħra.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 1999/692/KE, KEFA, Euratom hija b'dan imħassra.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tibda jkollha effett fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, 27 ta’ Ġunju 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

J. PRÖLL


(1)   ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2104/2005 (ĠU L 337, 22.12.2005, p. 7).

(2)   ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1.

(3)   ĠU L 273, 23.10.1999, p. 12.