|
16.3.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
36 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2006/475/PESK
tat-12 ta’ Ġunju 2006
dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Gabon dwar l-istatus tal-forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea fir-Repubblika tal-Gabon
IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Presidenza,
Billi:
|
(1) |
Fil-25 ta' April 2006, il-Kunsill ta' Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1671 (2006), li tawtorizza l-iskjerament temporanju ta' forza ta' l-Unjoni Ewropea (“EUFOR RD Congo”) sabiex tappoġġa lill-MONUC matul il-perjodu li jinkludi l-elezzjonijiet fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo. Il-Kunsill ta' Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti talab ukoll lill-Istati Membri kollha tan-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari dawk fil-viċinat tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, sabiex jipprovdu l-appoġġ kollu meħtieġ sabiex jiffaċilitaw l-iskjerament immedjat ta' l-EUFOR RD Congo, u b'mod partikolari sabiex jiżguraw il-moviment ħieles, bla xkiel u b'ħeffa lejn ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo tal-persunal tiegħu, kif ukoll ta' tagħmir, provvisti, fornimenti u merkanzija oħra, inklużi vetturi u partijiet ta' rikambju, li huma għall-użu esklussiv u uffiċjali tiegħu. |
|
(2) |
Fis-27 ta' April 2006, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/319/PESK dwar l-operazzjoni militari ta' l-Unjoni Ewropea b'appoġġ għall-Missjoni ta' l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUC) matul il-proċess ta' l-elezzjoni (1) (l-Operazzjoni EUFOR RD Congo); |
|
(3) |
Wara talba mis-Segretarju-Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ) tas-27 ta' April 2006, il-Gvern tar-Repubblika tal-Gabon f'ittra tat-18 ta' Mejju 2006 ddikjara l-qbil tiegħu dwar l-istazzjonament ta' forzi mmexxijin mill-UE fit-territorju tar-Repubblika tal-Gabon għall-finijiet ta' l-operazzjoni. |
|
(4) |
Wara l-awtorizzazzjoni mill-Kunsill fit-23 ta' Mejju 2005, skond l-Artikolu 24 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, innegozjat Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Gabon dwar l-istatus tal-forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea fir-Repubblika tal-Gabon. |
|
(5) |
Il-Ftehim għandu jiġi approvat, |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Gabon dwar l-istatus tal-forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea fir-Repubblika tal-Gabon huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni Ewropea.
It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina l-persuna mogħtija s-setgħa li tiffirma l-Ftehim sabiex torbot lill-Unjoni Ewropea.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tibda jkollha effett fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Magħmula fi Lussemburgu, 12 ta’ Ġunju 2006.
Għall-Kunsill
Il-President
J. PRÖLL
FTEHIM
bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Gabon dwar l-istatus tal-forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea fir-Repubblika tal-Gabon
L-UNJONI EWROPEA, minn hawn 'il quddiem imsejħa l-“UE”,
minn naħa waħda, u
IR-REPUBBLIKA TAL-GABON, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Istat Ospitanti”,
min-naħa l-oħra,
minn hawn 'il quddiem imsejħa l-“Partijiet”,
WARA LI KKUNSIDRAW:
QABLU DWAR DAN LI ĠEJ:
Artikolu 1
Kamp ta' applikazzjoni u definizzjonijiet
1. Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim għandhom japplikaw għall-Forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea u l-persunal tagħhom.
2. Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim għandhom japplikaw biss fit-territorju ta' l-Istat Ospitanti.
3. Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
“forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea (EUFOR)” għandha tfisser il-kwartieri ġenerali militari ta' l-UE u l-kontinġenti nazzjonali li jikkontribwixxu għall-operazzjoni, it-tagħmir tagħhom u l-mezzi tat-trasport tagħhom; |
|
(b) |
“operazzjoni” għandha tfisser it-tħejjija, l-istabbiliment, l-eżekuzzjoni u s-sostenn tal-missjoni militari abbażi tal-mandat li jirriżulta mir-Riżoluzzjoni 1671 (2006) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tal-25 ta' April 2006; |
|
(ċ) |
“Kmandant tal-Forza ta' l-UE” għandha tfisser il-Kmandant fiż-żona ta' l-operazzjonijiet jew fl-Istat Ospitanti; |
|
(d) |
“kwartieri ġenerali militari ta' l-UE” għandha tfisser il-kwartieri ġenerali militari u l-elementi tagħhom, fil-kampijiet militari mqiegħda taħt l-awtorità tal-kmandanti militari ta' l-UE li jeżerċitaw il-kmand militari jew il-kontroll ta' l-operazzjoni; |
|
(e) |
“kontinġenti nazzjonali” għandha tfisser l-unitajiet u l-elementi li jappartjenu lill-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea u lill-Istati l-oħrajn li jipparteċipaw fl-operazzjoni; |
|
(f) |
“persunal ta' l-EUFOR” għandha tfisser il-membri tal-persunal ċivili u militari assenjat lill-EUFOR kif ukoll tal-persunal insedjat għat-tħejjija ta' l-operazzjoni u l-persunal fuq missjoni għal Stat Mittenti jew istituzzjoni ta' l-UE fil-qafas ta' l-operazzjoni, li jinsabu, ħlief kif provdut mod ieħor f'dan il-Ftehim, fit-territorju ta' l-Istat Ospitanti, bl-eċċezzjoni tal-persunal impjegat lokalment u l-persunal impjegat minn kuntratturi kummerċjali internazzjonali; |
|
(g) |
“persunal impjegat lokalment” għandha tfisser il-membri tal-persunal li jkunu ċittadin ta' l-Istat Ospitanti jew ikunu residenti permanenti fih; |
|
(h) |
“istallazzjonijiet” għandha tfisser il-bini, l-akkomodazzjoni u t-terreni kollha meħtieġa għall-EUFOR u għall-persunal ta' l-EUFOR; |
|
(i) |
“Stat Mittenti” għandha tfisser Stat li jipprovdi kontinġent nazzjonali għall-EUFOR. |
Artikolu 2
Disposizzjonijiet ġenerali
1. L-EUFOR u l-persunal ta' l-EUFOR għandhom jirrispettaw il-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istat Ospitanti u għandhom jastjenu minn kull azzjoni jew attività inkompatibbli ma' l-objettivi ta' l-operazzjoni.
2. L-EUFOR għandha regolarment tikkomunika lill-gvern ta' l-Istat Ospitanti l-għadd tal-persunal tagħha stazzjonat fit-territorju ta' l-Istat Ospitanti.
Artikolu 3
Identifikazzjoni
1. Il-persunal ta' l-EUFOR għandhom f'kull waqt iġorru magħhom il-passaporti jew il-karti ta' l-identità militari tagħhom.
2. Il-vetturi, l-inġenji ta' l-ajru, il-bastimenti u l-mezzi l-oħrajn tat-trasport ta' l-EUFOR għandhom ikollhom fuqhom marki ta' identifikazzjoni u/jew pjanċi tar-reġistrazzjoni distintivi ta' l-EUFOR, li dwarhom għandhom ikunu notifikati l-awtoritajiet ta' l-Istat Ospitanti.
3. L-EUFOR għandha jkollha d-dritt li turi l-bandiera ta' l-Unjoni Ewropea u marki distintivi, bħal insinji militari, titli u simboli uffiċjali, fuq l-istallazzjonijiet, il-vetturi u l-mezzi l-oħrajn tat-trasport tagħha. L-uniformijiet tal-persunal ta' l-EUFOR għandu jkollhom fuqhom emblema distintiva ta' l-EUFOR. Il-bnadar nazzjonali jew l-insinji tal-kontinġenti nazzjonali li jikkostitwixxu l-operazzjoni jistgħu jintwerew fuq l-istallazzjonijiet, il-vetturi u l-mezzi l-oħrajn tat-trasport u l-uniformijiet ta' l-EUFOR, kif jiddeċiedi l-Kmandant tal-Forza ta' l-UE.
Artikolu 4
Qsim tal-fruntieri u moviment fit-territorju ta' l-Istat Ospitanti
1. Il-persunal ta' l-EUFOR għandu jidħol fit-territorju ta' l-Istat Ospitanti biss permezz tal-preżentazzjoni tad-dokumenti previsti fl-Artikolu 3(1) jew, fil-każ ta' l-ewwel dħul, ta' ordni ta' moviment individwali jew kollettiva maħruġa mill-EUFOR. Wara dan, il-persunal għandu jkun eżenti mir-regolamenti dwar il-passaporti u l-viża, l-ispezzjonijiet dwar l-immigrazzjoni u l-kontroll tad-dwana mad-dħul, mal-ħruġ jew fit-territorju ta' l-Istat Ospitanti.
2. Il-persunal ta' l-EUFOR għandu jkun eżenti mir-regolamenti tal-Parti Ospitanti li jirregolaw ir-reġistrazzjoni u l-kontroll tal-barranin, iżda ma jikseb ebda dritt għal residenza jew domiċilju permanenti fit-territorju tal-Parti Ospitanti.
3. L-assi u l-mezzi tat-trasport ta' l-EUFOR li jidħlu, jittranżitaw, jew joħorġu mit-territorju ta' l-Istat Ospitanti b'appoġġ għall-operazzjoni għandhom ikunu eżenti minn kwalunkwe ħtieġa li jipprovdu inventarji jew dokumentazzjoni oħra tad-dwana, u minn kwalunkwe ispezzjoni.
4. Il-persunal ta' l-EUFOR jistgħu jsuqu vetturi bil-mutur, jinnavigaw bastimenti u jħaddmu inġenji ta' l-ajru fit-territorju ta' l-Istat Ospitanti bil-kondizzjoni li jkollhom liċenzji tas-sewqan, ċertifikati ta' kaptan ta' bastiment jew liċenzji ta' bdot nazzjonali, internazzjonali jew militari validi, skond il-każ.
5. Għall-finijiet ta' l-operazzjoni, l-Istat Ospitanti għandu jagħti lill-EUFOR u lill-persunal ta' l-EUFOR il-libertà tal-moviment u l-libertà ta' l-ivvjaġġar fit-territorju tiegħu, inkluż fil-baħar territorjali tiegħu u l-ispazju ta' l-ajru tiegħu. Il-libertà tal-moviment fil-baħar territorjali ta' l-Istat Ospitanti għandu jinkludi l-waqfien u l-ankoraġġ fi kwalunkwe ċirkostanza.
6. Għall-finijiet ta' l-operazzjoni, l-EUFOR tista' twettaq fit-territorju ta' l-Istat Ospitanti, inklużi l-baħar territorjali u fl-ispazju ta' l-ajru tiegħu, kwalunkwe eżerċizzju jew prattika bl-armamenti kif ukoll l-illanċjar, l-inżul jew it-teħid abbord ta' kwalunkwe inġenju ta' l-ajru jew tagħmir militari.
7. Għall-finijiet ta' l-operazzjoni, is-sottomarini ta' l-EUFOR m'humiex meħtieġa li jinnavigaw fil-wiċċ u li juru l-bandiera tagħhom fil-baħar territorjali ta' l-Istat Ospitanti.
8. Għall-finijiet ta' l-operazzjoni, l-EUFOR tista' tuża t-toroq pubbliċi, il-pontijiet, it-tragetti, l-ajruporti u l-portijiet mingħajr ma tħallas dazji, imposti, pedaġġi, taxxi u ħlasijiet simili. L-EUFOR m'għandhiex tkun eżenti minn ħlasijiet raġonevoli għas-servizzi li tibbenefika minnhom fuq talba tagħha.
Artikolu 5
Privileġġi u immunitajiet ta' l-EUFOR mogħtija mill-Istat Ospitanti
1. L-istallazzjonijiet ta' l-EUFOR għandhom ikunu invjolabbli. L-aġenti ta' l-Istat Ospitanti m'għandhomx jidħlu fihom mingħajr il-kunsens tal-Kmandant tal-Forza ta' l-UE.
2. L-istallazzjonijiet ta' l-EUFOR, it-tagħmir tagħhom u l-beni oħra li jkunu jinsabu fihom kif ukoll il-mezzi ta' trasport tagħhom għandhom ikunu ħielsa minn kull tfittxija, rekwiżizzjoni, qbid jew miżura ta' eżekuzzjoni.
3. L-EUFOR, il-proprjetà u l-beni tagħha, irrispettivament minn fejn jinsabu u mid-detentur tagħhom, għandhom igawdu l-immunità minn kull forma ta' proċess legali.
4. L-arkivji u d-dokumenti ta' l-EUFOR għandhom ikunu dejjem invjolabbli, ikunu fejn ikunu.
5. Il-korrispondenza uffiċjali ta' l-EUFOR għandha tkun invjolabbli. Korrispondenza uffiċjali tfisser kull korrispondenza relatata ma' l-operazzjoni u l-funzjonijiet tagħha.
6. Fir-rigward ta' l-akkwisti u l-merkanzija importata, is-servizzi pprovduti u l-istallazzjonijiet użati minnha u għall-finijiet ta' l-operazzjoni, l-EUFOR għandha tkun eżenti mill-imposti, it-taxxi u l-ħlasijiet simili kollha nazzjonali, reġjonali u komunali. L-EUFOR m'għandhiex tkun eżenti mill-imposti, it-taxxi jew il-ħlasijiet li jirrappreżentaw ħlas għal servizzi mwettqa.
7. L-Istat Ospitanti għandu jippermetti d-dħul ta' oġġetti għall-operazzjoni u jagħtihom eżenzjoni mid-dazji doganali, l-imposti, il-pedaġġi, it-taxxi u l-ħlasijiet simili kollha ħlief għall-ħlasijiet għal ħżin, trasport u servizzi oħrajn imwettqa.
Artikolu 6
Privileġġi u immunitajiet tal-persunal ta' l-EUFOR mogħtija mill-Istat Ospitanti
1. Il-persunal ta' l-EUFOR m'għandu jkun suġġett għal ebda forma ta' arrest jew detenzjoni.
2. Id-dokumenti, il-korrispondenza u l-proprjetà tal-persunal ta' l-EUFOR għandhom igawdu l-invjolabbiltà, ħlief fil-każ ta' miżuri ta' eżekuzzjoni awtorizzati skond il-paragrafu 6.
3. Il-persunal ta' l-EUFOR għandu jgawdi l-immunità mill-ġurisdizzjoni kriminali ta' l-Istat Ospitanti fiċ-ċirkostanzi kollha.
L-immunità mill-ġurisdizzjoni kriminali tal-persunal ta' l-EUFOR tista' tiġi rinunċjata mill-Istat Mittenti jew l-istituzzjoni ta' l-UE konċernata, skond il-każ. Tali rinunċja għandha dejjem tkun espressa.
4. Il-persunal ta' l-EUFOR għandu jgawdi l-immunità mill-ġurisdizzjoni ċivili u amministrattiva ta' l-Istat Ospitanti fir-rigward tal-kliem li jgħid jew jikteb u l-atti kollha li jwettaq fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu. Jekk jitressaq xi proċediment ċivili kontra l-persunal ta' l-EUFOR quddiem kwalunkwe qorti ta' l-Istat Ospitanti, il-Kmandant tal-Forza ta' l-UE u l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Mittenti jew ta' l-istituzzjoni ta' l-UE għandhom jiġu notifikati minnufih. Qabel il-bidu tal-proċediment quddiem il-qorti, il-Kmandant tal-Forza ta' l-UE u l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Mittenti jew ta' l-istituzzjoni ta' l-UE għandhom jiċċertifikaw lill-qorti jekk l-att in kwistjoni kienx twettaq mill-persunal ta' l-EUFOR fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu.
Jekk l-att twettaq fil-qadi ta' funzjonijiet uffiċjali, il-proċediment m'għandux jinbeda u għandhom japplikaw id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 15. Jekk l-att ma ġiex imwettaq fl-eżerċizzju ta' funzjonijiet uffiċjali, il-proċediment jista' jitkompla. Iċ-ċertifikazzjoni mill-Kmandant tal-Forzi ta' l-UE u l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Mittenti jew l-istituzzjoni ta' l-UE torbot lill-ġurisdizzjoni ta' l-Istat Ospitanti li ma jistax jikkontestaha.
Il-bidu ta' proċedimenti mill-persunal ta' l-EUFOR għandu jipprekludih milli jinvoka l-immunità mill-ġurisdizzjoni fir-rigward ta' kwalunkwe kontro-talba relatata direttament mat-talba prinċipali.
5. Il-persunal ta' l-EUFOR m'huwiex obbligat li jagħti xiehda.
6. L-ebda miżura ta' eżekuzzjoni ma tista' tittieħed fir-rigward tal-persunal ta' l-EUFOR, ħlief fil-każ li jinfetaħ kontrih proċediment ċivili mhux relatat mal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu. Il-proprjetà tal-persunal ta' l-EUFOR, li tkun ċċertifikata mill-Kmandant tal-Forza ta' l-UE bħala meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu, għandha tkun ħielsa mis-sekwestru għall-eżekuzzjoni ta' sentenza, deċiżjoni jew ordni. Fi proċedimenti ċivili l-persunal ta' l-EUFOR m'għandu jkun suġġett għal ebda restrizzjoni tal-libertà personali tiegħu jew għal xi miżuri oħra ta' kostrinġiment.
7. L-immunità tal-persunal ta' l-EUFOR mill-ġurisdizzjoni ta' l-Istat Ospitanti ma teżentahx mill-ġurisdizzjoniijiet ta' l-Istati Mittenti rispettivi.
8. Il-persunal ta' l-EUFOR għandu fir-rigward tas-servizzi mwettqa għall-EUFOR ikunu eżenti mid-disposizzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jistgħu jkunu fis-seħħ fl-Istat Ospitanti.
9. Il-persunal ta' l-EUFOR għandu jkun eżenti minn kull forma ta' tassazzjoni fl-Istat Ospitanti fuq is-salarju u l-emolumenti mħallsa lilu mill-EUFOR jew mill-Istati Mittenti, kif ukoll fuq kwalunkwe dħul li jirċievi minn barra l-Istat Ospitanti.
10. L-Istat Ospitanti għandu, b'mod konformi ma' tali liġijiet u regolamenti li jista' jadotta, jippermetti d-dħul ta' u jagħti eżenzjoni minn kull dazju doganali, taxxa u ħlas relatat ħlief għall-ħlasijiet għal ħżin, trasport u servizzi simili, fuq oġġetti għall-użu personali tal-persunal ta' l-EUFOR.
Il-bagalji personali tal-persunal ta' l-EUFOR għandhom ikunu eżenti mill-ispezzjoni, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet serji sabiex ikun preżunt li jkollhom fihom oġġetti li ma jkunux għall-użu personali tal-persunal ta' l-EUFOR, jew oġġetti li l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tagħhom tkun projbita mil-liġi jew kontrollata mir-regolamenti ta' kwarantina ta' l-Istat Ospitanti. Tali spezzjoni għandha titmexxa biss fil-preżenza tal-persunal ta' l-EUFOR konċernat jew ta' rappreżentant awtorizzat ta' l-EUFOR.
Artikolu 7
Persunal impjegat lokalment
Il-persunal impjegat lokalment għandu jgawdi privileġġi u immunitajiet biss safejn ammess mill-Istat Ospitanti. Madankollu, l-Istat Ospitanti għandu jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq dak il-persunal b'tali mod li ma jfixkilx eċċessivament it-twettiq tal-funzjonijiet ta' l-operazzjoni.
Artikolu 8
Ġurisdizzjoni kriminali
L-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Mittenti għandhom id-dritt jeżerċitaw fit-territorju ta' l-Istat Ospitanti l-ġurisdizzjoni kriminali u s-setgħat dixxiplinarji kollha mogħtija lilhom bil-liġi ta' l-Istat Mittenti fir-rigward tal-persunal kollu ta' l-EUFOR suġġett għal-liġi relevanti ta' l-Istat Mittenti.
Artikolu 9
Uniformi u armi
1. L-ilbies ta' uniformi għandu jkun suġġett għar-regoli adottati mill-Kmandant tal-Forza ta' l- UE.
2. Il-persunal militari ta' l-EUFOR jista' jġorr armi u munizzjon bil-kondizzjoni li jkun awtorizzat jagħmel dan skond l-ordnijiet li jkollu.
Artikolu 10
Appoġġ mill-Istat Ospitanti u kuntratti
1. L-Istat Ospitanti jaċċetta, jekk jintalab, li jgħin lill-EUFOR fit-tfittxija għal istallazzjonijiet xierqa.
2. L-Istat Ospitanti, skond il-possibbiltajiet tiegħu, għandu jipprovdi, mingħajr ħlas, istallazzjonijiet li tagħhom ikun il-proprjetarju safejn dawn l-istallazzjonijiet jintalbu għat-twettiq ta' attivitajiet amministrattivi u operattivi ta' l-EUFOR.
3. Skond il-mezzi u l-kapaċitajiet tiegħu, l-Istat Ospitanti għandu jgħin fit-tħejjija, l-istabbiliment, it-twettiq u s-sostenn ta' l-operazzjoni.
4. Il-liġi applikabbli għall-kuntratti konklużi mill-EUFOR fl-Istat Ospitanti għandhom jiġu determinati mill-kuntratt.
5. Il-kuntratt jista' jistipula li l-proċedura tar-riżoluzzjoni tad-disputi imsemmija fl-Artikolu 15(3) u (4) għandha tkun applikabbli għad-disputi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-kuntratt.
Artikolu 11
Il-Modifika ta' l-istallazzjonijiet
1. L-EUFOR għandha tkun awtorizzata li tibni jew timmodifika l-istallazzjonijiet skond il-ħtiġijiet operattivi tagħha.
2. L-Istat Ospitanti m'għandu jitlob mill-EUFOR l-ebda kumpens għal tali bini jew modifikazzjonijiet.
Artikolu 12
Il-mewt ta' persunal ta' l-EUFOR
1. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkollu d-dritt li jieħu f'idejh ir-ripatrijazzjoni ta' kwalunkwe membru mejjet tal-persunal ta' l-EUFOR, kif ukoll ta' kwalunkwe proprjetà personali tiegħu, u li jagħmel l-arranġamenti xierqa.
2. M'għandha ssir ebda awtopsja fuq membru mejjet ta' l-EUFOR mingħajr il-kunsens ta' l-Istat konċernat u l-presenza ta' rappreżentant ta' l-EUFOR u/jew l-Istat konċernat.
3. L-Istat Ospitanti u l-EUFOR għandhom jikkoperaw kemm jista' jkun bil-ħsieb li jiġi ripatrijat malajr persunal mejjet ta' l-EUFOR.
Artikolu 13
Sigurtà ta' L-EUFOR u Pulizija Militari
1. L-EUFOR hija b'dan awtorizzata li tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiżgura l-protezzjoni ta' l-istallazzjonijiet tagħha, inklużi dawk użati waqt it-taħriġ tagħha, kontra kull attakk jew intrużjoni esterni.
2. Il-Kmandant tal-Forza ta' l-UE jista' jistabbilixxi unità ta' pulizija militari sabiex tinżamm l-ordni fl-istallazzjonijiet ta' l-EUFOR.
3. L-unità tal-pulizija militari tista' wkoll, f'konsultazzjoni u koperazzjoni mal-pulizija militari jew il-pulizija ta' l-Istat Ospitanti, topera barra minn dawk l-istallazzjonijiet sabiex tiżgura ż-żamma ta' l-ordni u d-dixxiplina fost il-persunal ta' l-EUFOR.
Artikolu 14
Komunikazzjonijiet
1. L-EUFOR tista' tistalla u tħaddem stazzjonijiet tar-radju li jibagħtu u jirċievu, kif ukoll sistemi satellitari. Hija għandha tikkopera ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Ospitanti bil-ħsieb li jiġu evitati konflitti fl-użu tal-frekwenzi adatti. L-Istat Ospitanti għandu jagħti l-aċċess mingħajr ħlas għall-ispektrum tal-frekwenza.
2. L-EUFOR għandha tgawdi d-dritt għal komunikazzjoni bla restrizzjonijiet bir-radju (inkluż radju satellitari, mobbli jew ta' l-idejn), bit-telefon, bit-telegrafu, bil-fax u b'mezzi oħrajn, kif ukoll id-dritt li tistalla t-tagħmir meħtieġ għaż-żamma ta' tali komunikazzjonijiet fi ħdan u bejn l-istallazzjonijiet ta' l-EUFOR, inkluż it-tqegħid ta' cables u linji fissi Għall-finijiet ta' l-operazzjoni.
3. Fi ħdan l-istallazzjonijiet tagħha l-EUFOR tista' tagħmel l-arranġamenti meħtieġa sabiex titwassal il-posta indirizzata lil jew mill-EUFOR u/jew il-persunal ta' l-EUFOR.
Artikolu 15
Pretensjonijiet ta' indennizz għal mewt, korriment, ħsara jew telf
1. L-EUFOR u l-persunal ta' l-EUFOR m'għandhomx ikunu responsabbli għal kwalunkwe ħsara jew telf ta' proprjetà ċivili jew tal-gvern kawżati minn attivitajiet marbuta mal-protezzjoni ta' l-EUFOR.
2. Bil-ħsieb li tintlaħaq soluzzjoni amikevoli, it-talbiet għal indennizz għal ħsara jew telf ta' proprjetà ċivili jew tal-gvern mhux koperti mill-paragrafu 1, kif ukoll talbiet għal indennizz fuq mewt jew korriment ta' persuni u għal ħsara jew telf ta' proprjetà ta' l-EUFOR, għandhom jitressqu lill-EUFOR permezz ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Ospitanti, safejn ikunu konċernati t-talbiet imressqa minn persuni ġuridiċi jew fiżiċi mill-Istat Ospitanti, jew lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Ospitanti, safejn ikunu konċernati t-talbiet imressqa mill-EUFOR.
3. Fejn ma tistax tinstab soluzzjoni amikevoli, it-talba għandha tintbagħat lil kummissjoni ta' indennizz magħmula fuq bażi indaqs minn rappreżentanti ta' l-EUFOR u rappreżentanti ta' l-Istat Ospitanti. Id-deċiżjonijiet dwar it-talbiet għandu jintlaħaq bi qbil komuni.
4. Fejn ma tistax tintlaħaq soluzzjoni fi ħdan il-kummissjoni ta' indennizz, id-disputa għandha:
|
(a) |
għal talbiet ta' EUR 40 000 jew inqas, tiġi riżolta b'mezzi diplomatiċi bejn l-Istat Ospitanti u rappreżentanti ta' l-UE; |
|
(b) |
għal talbiet 'il fuq mill-ammont imsemmi fil-punt (a), titressaq quddiem tribunal ta' arbitraġġ, li d-deċiżjonijiet tagħha għandhom ikunu jorbtu. |
5. It-tribunal ta' l-arbitraġġ għandu jkun magħmul minn tlitt arbitri, li wieħed minnhom ikun maħtur mill-Istat Ospitanti, ieħor ikun maħtur mill-EUFOR u t-tielet wieħed ikun maħtur b'mod konġunt mill-Istat Ospitanti u l-EUFOR. Jekk waħda mill-partijiet ma taħtarx arbitru fi żmien xahrejn jew jekk ma jistax jintlaħaq qbil bejn l-Istat Ospitanti u l-EUFOR dwar il-ħatra tat-tielet arbitru, l-arbitru in kwistjoni għandu jinħatar mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.
6. Għandu jiġi konkluż arranġament amministrattiv bejn l-EUFOR u l-awtoritajiet amministrattivi ta' l-Istat Ospitanti sabiex jiġu determinati t-termini tar-referenza tal-kummissjoni ta' indennizz u tat-tribunal, il-proċedura applikabbli fi ħdan dawn l-organi u l-kondizzjonijiet li bihom għandhom jiġu ppreżentati t-talbiet.
Artikolu 16
Kollegamenti ta' koperazzjoni u disputi
1. Id-disputi kollha li jirriżultaw in konnessjoni ma' l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandhom jiġu eżaminati b'mod konġunt mir-rappreżentanti ta' l-EUFOR u l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Ospitanti.
2. F'nuqqas ta' kwalunkwe deċiżjoni minn qabel, id-disputi fir-rigward ta' l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandhom jiġu deċiżi bejn il-Parti Ospitanti u rappreżentanti ta' l-UE b'mezzi diplomatiċi.
Artikolu 17
Disposizzjonijiet oħra
1. Kull fejn dan il-Ftehim jirriferi għall-immunitajiet, privileġġi u drittijiet ta' l-EUFOR u tal-persunal ta' l-EUFOR, għandu jkun responsabbli il-Gvern tal-Parti Ospitanti għall-implementazzjoni u t-twettiq ta' tali immunitajiet, privileġġi u drittijiet permezz ta' l-awtoritajiet lokali kompetenti tal-Parti Ospitanti.
2. Xejn f' dan il-Ftehim ma huwa intiż jew għandu jiftiehem li jikkostitwixxi deroga minn kwalunkwe dritt li minnu jgawdi, skond xi ftehim ieħor, Stat Membru ta' l-UE jew kwalunkwe Stat ieħor li jikkontribwixxi għall-EUFOR jew għall-persunal tagħha.
Artikolu 18
Regoli ta' applikazzjoni
Għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim, il-kwistjonijiet operattivi, amministrattivi u tekniċi jistgħu jkunu s-suġġett ta' arranġamenti separati li jiġu konklużi bejn il-Kmandant tal-Forza ta' l-UE u l-awtoritajiet amministrattivi ta' l-Istat Ospitanti.
Artikolu 19
Dħul fis-seħħ u tmiem
1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fil-jum meta jiġi ffirmat u għandu jibqa' fis-seħħ sad-data tat-tluq ta' l-aħħar element ta' l-EUFOR u ta' l-aħħar persunal ta' l-EUFOR, kif notifikat mill-EUFOR.
2. Minkejja l-paragrafu 1, id-disposizzjonijiet li jinsabu fl-Artikoli 4(8), 5(1-3), 5(6), 5(7), 6(1), 6(3), 6(4), 6(6), 6(8-10), 10(2), 11 u 15 għandhom jitqiesu bħala applikabbli mid-data ta' l-iskjerament ta' l-ewwel persunal ta' l-EUFOR jekk dik id-data kienet qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim.
3. Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat abbażi ta' ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet.
4. It-terminazzjoni ta' dan il-Ftehim m'għandhiex tolqot id-drittijiet jew l-obbligi li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni ta' dan il-Ftehim qabel tali terminazzjoni.
Magħmul f’Libreville, 16 ta’ Ġunju 2006 f'erba' eżemplari oriġinali bil-Franċiż.
Għall-Unjoni Ewropea
Għall-Istat Ospitanti