8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

962


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-6 ta' Lulju 2006

li tikkonċerna miżuri għall-prevenzjoni tat-tixrid ta' l-influwenza tat-tjur bi patoġeniċità għolja kkawżata mill-virus ta' l-influwenza A tas-sottotip H5N1 għall-għasafar miżmuma fiż-zoo u korpi, istituti u ċentri approvati fl-Istati Membri u tirrevoka d-Deċiżjoni 2005/744/KE

(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 3054)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2006/474/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar, veterinarju u żootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta' ċerti annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE ta' l-20 ta' Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll ta' l-influwenza tat-tjur u li tirrevoka d-Direttiva 92/40/KEE (2), u partikolarment l-Artikoli 56(3), 57(2), 63(3) u 66(2) tagħha;

Billi:

(1)

L-influwenza tat-tjur hija marda virali infettiva fit-tjur ta' l-irziezet u l-għasafar, li tikkawża mortalità u disturbi li malajr jistgħu jiżviluppaw fi proporzjonijiet epiżootiċi li kapaċi jwasslu għal theddida serja għas-saħħa pubblika u dik ta' l-annimali u li jnaqqsu sew il-profittabbiltà tat-trobbija tat-tjur ta' l-irziezet.

(2)

Ċertu kondizzjonijiet fir-rigward tal-bijosigurtà u l-vaċċinazzjoni ta' l-għasafar taż-zoos, fid-dawl tar-riskju ppreżentat mill-virus ta' l-influwenza tat-tjur A tas-sottotip H5N1 ġew adottati mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/744/KE tal-21 ta' Ottubru 2005 li tistipola kondizzjonijiet għall-prevenzjoni ta' l-influwenza tat-tjur ta' patoġeniċita għolja ħafna kkawżata mill-virus ta' l-influwenza A tas-sottotip H5N1 fl-għasafar miżmuma fiż-zoos fl-Istati Membri (3). Din id-Deċiżjoni tipprevedi wkoll it-tressiq mill-Istati Membri lill-Kummissjoni tal-pjanijiet tagħhom ta' vaċċinazzjoni ta' l-għasafar li jinżammu fiż-zoos.

(3)

Id-Direttiva 2005/94/KE tistipola regoli għall-introduzzjoni ta' vaċċinazzjoni preventiva kontra l-influwenza tat-tjur, inter alia, ta' l-għasafar miżmuma mill-bniedem, bħalma huma l-għasafar miżmuma fiż-zoos u tipprovdi għal regoli dettaljati għaliha li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni. Dik id-Direttiva tipprovdi wkoll għat-tressiq mill-Istati Membri lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni tal-pjanijiet ta' prevenzjoni tagħha għat-tjur jew għall-għasafar oħrajn miżmuma mill-bniedem.

(4)

Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/22/KE tad-29 ta' Marzu 1999 dwar iż-żamma ta' annimali selvaġġi fiż-zoos (4), tiddefinixxi zoos li huma koperti minn dik id-Direttiva. Din id-definizzjoni għandha titqies għall-iskopijiet ta' din id-Deċiżjoni.

(5)

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta' Lulju 1992 li tistipula l-kondizzjonijiet dwar is-saħħa ta' l-annimali li jreġu l-kummerċ u l-importazzjonijiet fil-Komunità' ta' annimali, sperma, bajd u embrijuni li m'humiex suġġetti għall-kondizzjonijiet ta' saħħa stabbiliti fir-regoli Komunitarji speċifiċi msemmija fl-Anness A(I) tad-Direttiva 90/425/KEE (5), tipprevedi regoli li jikkonċernaw kummerċ ta' l-annimali bejn korpi, istituti jew ċentri approvati.

(6)

Bil-kondizzjoni li, minħabba li huma maqfula, għasafar li jinżammu fiż-zoos u f'korpi, istituti jew ċentri approvati normalment ma jistgħux jiġu f'kuntatt ma' tjur jew ma' għasafar selvaġġi u għalhekk ma jippreżentawx ebda riskju ta' kontaminazzjoni għat-tjur jew għasafar miżmuma mill-bniedem u bil-konsiderazzjoni tal-valur ta' għasafar li jinżammu fiż-zoos, il-vaċċinazzjoni preventiva ta' tali għasafar tista' tikkostitwixxi miżura addizzjonali ta' prevenzjoni xierqa. Huwa għalhekk ukoll xieraq li jiġu stipolati fuq il-livell Komunitarju ir-regoli dettaljati li jirrigwardaw il-vaċċinazzjoni ta' għasafar miżmuma fiż-zoos u fil-korpi, istituti u ċentri approvati li għandhom isegwu l-Istati Membri, jekk iqisu li huwa xieraq li għasafar bħal dawn jġu vaċċinati.

(7)

Huwa xieraq li jiġu stipolati fuq il-livell Komunitarju, miżuri ta' bijosigurtà għall-prevenzjoni ta' l-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja kkawżata mis-sottotip H5N1 tal-virus A ta' l-influwenza f'għasafar miżmuma fiż-zoos u f'korpi, istituti u ċentri approvati fl-Istati Membri sabiex tiġi mħarsa l-fawna selvaġġa u sabiex il-bijodiversità tiġi kkonservata.

(8)

Huwa xieraq li jiġi pprovdut għall-approvazzjoni tal-pjanijiet ta' vaċċinazzjoni li tressqu mill-Istati Membri skond id-Deċiżjoni 2005/744/KE u d-Direttiva 2005/94/KE.

(9)

Għall-għan ta' kjarifika huwa xieraq li tkun imħassra d-Deċiżjoni 2005/744/KE u tiġi sostitwita b'din id-Deċiżjoni.

(10)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma fi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u Saħħet l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Din id-Deċiżjoni tistipola regoli dettaljati:

(a)

li għandhom jiġu applikati għall-prevenzjoni tat-tixrid ta' l-influwenza tat-tjur ikkawżata mill-virus ta' l-influwenza A ta' patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N1 (“HPAI H5N1”) minn għasafar selvaġġi għal għasafar li jinżammu fiż-zoos u f'korpi, istituti jew ċentri approvati.

(b)

għall-vaċċinazzjoni ta' għasafar li jiinżammu fiż-zoos u f'korpi, istituti jew ċentri approvati.

2.   Din id-Deċiżjoni tapprova ċertu pjanijiet dwar il-vaċċinazzjoni ta' għasafar li jinżammu fiż-zoos u f'korpi, istituti jew ċentri approvati li tressqu lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni 2005/744/KE u l-pjanijiet ta' vaċċinazzjoni preventiva skond l-Artikolu 56(2) tad-Direttiva 2005/94/KE.

Artikolu 2

Għar-raġunijiet ta' din id-Deċiżjoni, id-definizzjonijiet stipolati fid-Direttiva 2005/94/KE għandhom japplikaw.

Aktar minn hekk, id-definizzjonijiet ta' zoos fl-Artikolu 2 tad-direttiva 1999/22/KE u d-definizzjoni għall-korpi, istituti u ċentri approvati ta' l-Artikolu 2 (1) (c) tad-Direttiva 92/65/KEE għandhom japplikaw.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa u prattikabbli sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' trażmissjoni ta' l-“HPAI H5N1” minn għasafar fl-ambjent naturali tagħhom għal għasafar miżmuma fiż-zoos u f'korpi, istituti u ċentri approvati, filwaqt li jqisu l-kriterji u l-fatturi ta' riskju stipulati fl-Anness I.

B'mod partikolari, skond is-sitwazzjoni epidemjoloġika speċifika, dawk il-miżuri għandhom jiġu diretti lejn il-prevenzjoni tal-kuntatt dirett u indirett bejn għasafar li jgħixu fl-ambjent naturali tagħhom, speċjalment tjur ta' l-ilma, u għasafar li jinżammu fiż-zoos u f'korpi istituti u ċentri approvati.

Artikolu 4

Il-pjanijiet ta' vaċċinazzjoni preventiva kontra l-“HPAI H5N1”, li tressqu skond l-Artikolu 56(2) tad-direttiva 2005/94/KE, għandhom, skond il-valutazzjoni tar-riskju, jkunu mmirati lejn l-għasafar li jinżammu fiż-zoos u f'korpi, istituti u ċentri approvati.

Meta Stati Membri jressqu pjanijiet ta' vaċċinazzjoni preventiva kontra l-“HPAI H5N1” skond l-Artikolu 56(2) tad-Direttiva 2005/94/KE, li huma mmirati lejn l-għasafar li jinżammu fiż-zoos u f'korpi, istituti u ċentri approvati dawk il-pjanijiet għandhom:

(a)

jitfasslu skond il-kondizzjonijiet stipolati fl-Anness II ta' din id-Deċiżjoni; kif ukoll

(b)

flimkien ma' l-informazzjoni pprovduta għall-Artikolu 56(2) tad-Direttiva 2005/94/KE, jinkludu l-indirizz u l-post eżatt taż-zoos u l-korpi, istituti u ċentri approvati fejn il-vaċċinazzjoni preventiva għandha ssir.

Artikolu 5

1.   Il-pjanijiet ta' vaċċinazzjoni preventiva, imressqa mill-Istati Membri skond l-Artikolu 56(2) tad-Direttiva 2005/94/KE u elenkati fl-Anness III ta' din id-Deċiżjoni huma approvati.

2.   Il-pjanijiet ta' vaċċinazzjoni ta' l-għasafar li jinżammu fiż-zoos u f'korpi, istituti u ċentri approvati mressqa mill-Istati Membri skond id-Deċiżjoni 2005/744/KE u elenkati fl-Anness III ma' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala li huma approvati fis-sens tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-pjanijiet ta' vaċċinazzjoni preventiva ta' l-għasafar li nżammu fiż-zoos u f'korpi, istituti u ċentri approvati elenkati fl-Anness III.

Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Deċiżjoni minnufih. Huma għandhom jinfurmaw immedjatament lill-Kummissjoni dwar dan.

Artikolu 7

Id-Deċiżjoni 2005/744/KE hija rrevokata.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, nhar is-6 ta' Lulju 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2002/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 315, 19.11.2002, p. 14).

(2)  ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16.

(3)  ĠU L 279, 22.10.2005, p. 75.

(4)  ĠU L 94, 9.4.1999, p. 24.

(5)  ĠU L 268, 14.9.1992, p. 52. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva Nru 2004/68 (ĠU L 226, 25.6.2004, p. 128).


ANNESS I

Kriteji u fatturi ta' riskju li għandhom jitqiesu fl-applikazzjonital-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 3 fuq zoos individwali jew korpi, istituti u ċentri approvati

1.

Jekk iż-zoo jew korp awtorizzat, istitut u ċentru jinsab fuq ir-rotot migratorji ta' l-għasafar, partikolarment jekk dawn jipproċedu mill-Afrika, mill-Ażja ċentrali jew tal-lvant, u ż-żoni tal-Baħar Kaspju u tal-Baħar l-Iswed;

2.

Id-distanza taż-zoo jew korp awtorizzat, istitut u ċentru minn artijiet mistagħdra, għadajjar, paludi, lagi jew xmajjar fejn jistgħu jinġabru t-tjur migratorji ta' l-ilma;

3.

Jekk iż-żoo jew korp, istitut u ċentru approvat jinsab f'żoni b'densità għolja ta' għasafar migratorji, partikolarment tjur ta' l-ilma.


ANNESS II

Rekwiżiti għall-użu tal-vaċċinazzjoni preventiva

1.

L-iskala li fuqha għandu jseħħ it-tilqim

Il-vaċċinazzjoni għandha tapplika biss għall-għasafar fiż-zoos jew f'korpi, istituti u ċentri approvati.

2.

Speċi ta' l-għasafar li għandhom jiġu vaċċinati

Lista ta' l-għasafar kollha li għandhom jiġu vaċċinati flimkien ma' l-identifikazzjoni individwali għandha tiġi stipulata u miżmuma għall-inqas għal 10 snin mid-data tat-tilqima.

3.

Dewmien tal-vaċċinazzjoni

L-għasafar li għandhom jiġu vaċċinati ġewwa zoo jew korpi, istituti u ċentri approvati għandhom jiġu vaċċinati malajr kemm jista' jkun. Madanakollu, kull vaċċinazzjoni ġewwa zoo għandha titwettaq malajr kemm jista' jkun fi żmien ta' ġimgħa.

4.

Waqfien speċifiku ta' l-għasafar vaċċinati u prodotti ta' għasafar vaċċinati

Movimenti ta' għasafar vaċċinati fl-istess Stat Membru jew lejn Stati Membri oħrajn bejn korpi, istituti u ċentri approvati kif inhu definit fid-Direttiva 92/65/KEE għandhom jitħallew isiru bil-kondizzjoni li l-għasafar joriġinaw minn zoo jew minn korp, istitut jew ċentru approvat ġewwa li jinsab f'żona fejn ebda restrizzjoni ma tinsab fis-seħħ fir-rigward ta' l-HPAI. Il-kliem li ġej għandu jiġi inkluż maċ-ċertifikat ipprovdut fl-Anness E, Parti 3 tad-Direttiva 92/65/KEE :

“l-għasafar huma f'konformità mad-Deċiżjoni 2006/XXX/KE vaċċinati kontra l-AI fil- ... ... .... Vaċċin ... ... ... ...”

Meta dawn il-kondizzjonijiet ma jiġux rispettati, jista' jseħħ kummerċ f'għasafar vaċċinati taħt superviżjoni uffiċjali bejn iż-zoos fl-istess Stat Membru, jew taħt l-awtorizzazzjoni speċifika ta' Stat Membru ieħor.

Kull moviment ta' għasafar vaċċinati bejn Stati Membri għandhom jiġu nnotifikati mill-awtorità kompetenti tal-post oriġinarju lill-awtorità kompetenti tal-post destinatarju permezz tat-TRACES.

Prodotti ta' l-għasafar minn għasafar bħal dawn m'għandhomx jidħlu fil-katina ta' l-ikel.

5.

Identifikazzjoni speċjali u reġistrazzjoni speċjali ta' l-għasafar vaċċinati

Għasafar vaċċinati għandhom ikunu identifikabbli individwalment u r-rekords ta' l-identità ta' dawn l-għasafar għandhom ikunu annotati b'mod ċar kif inhu xieraq. Identifikazzjoni li ma titħassarx li tindika l-għasafar li ġew vaċċinati għandha tiġi applikata fil-ħin tat-tilqima kull meta jkun possibbli.

6.

Eżekuzzjoni tal-kampanja ta' vaċċinazzjoni

Il-vaċċinazzjoni għandha titwettaq taħt is-superviżjoni ta' veterinarju uffiċjali ta' l-awtoritajiet kompetenti. Miżuri neċessarji għandhom ikunu fis-seħħ sabiex tiġi evitata l-firxa possibbli tal-virus. Kwalunkwe kwantitajiet residwi tal-vaċċin għandhom jiġu rritornati fil-punt tad-distribuzzjoni tat-tilqim b'rekord miktub dwar in-numru ta' għasafar imlaqqma u n-numru ta' dożi li ntużaw.

Kull meta possibbli, kampjuni tad-demm għandhom jittieħdu qabel u għall-inqas 30 jum wara l-vaċċinazzjoni għal test sjeroloġiku għall-influwenza tat-tjur. Rekord tar-riżultati tat-test għandu jinżamm għall-inqas għal 10 snin.

7.

Il-vaċċin li għandu jintuża

Il-vaċċin inattivat li għandu jintuża għandu jkun ifformulat kif jixraq u għandu jkun effettiv kontra t-tip tal-virus li qed jiċċirkola. Għandu jintuża skond l-istruzzjonijiet tal-manifattur u/jew l-awtoritajiet veterinarji.

8.

Informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-pjan lill-Kummissjoni

Rapport dettaljat dwar l-eżekuzzjoni tal-pjan li jinkludi r-riżultati tat-test li twettaq għandu jiġi pprovdut lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fil-qafas tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali.


ANNESS III

Lista ta’ pjanijiet preventivi approvati għall-għasafar li nżammu fiż-zoos u f’korpi, istituti u ċentri approvati fl-Istati Membri

Kodiċi

Stat Membru

Data ta' tressiq tal-pjan

AT

L-Awstrija

21 ta' April 2006

BE

Il-Belġju

10 ta' Frar 2006

CZ

Ir-Repubblika Ċeka

21 ta' Marzu 2006

DE

Il-Ġermanja

31 ta' Marzu 2006

DK

Id-Danimarka

20 ta' Frar 2006

EE

L-Estonja

6 ta' Marzu 2006

ES

Spanja

27 ta' Frar 2006

FR

Franza

20 ta' Frar 2006

HU

L-Ungerija

1 ta' Marzu 2006

IE

L-Irlanda

6 ta' Marzu 2006

IT

L-Italja

6 ta' Marzu 2006

LT

Il-Litwanja

6 ta' Marzu 2006

LV

Il-Latvja

28 ta' Frar 2006

NL

L-Olanda

16 ta' Novembru 2005

PT

Il-Portugall

29 ta' Novembru 2005

SE

L-Iżvezja

28 ta' Frar 2006

UK

Ir-Renju Unit

4 ta' April 2006